Editorjal | Ħadd mhu akbar mill-pajjiż u ħadd mhu akbar mill-partit. Sewwa għamilt Robert!

'L-irġulija kienet titlob li min jaf li b'għemilu kien qed jagħmel il-ħsara lill-partit u lill-pajjiż iwarrab minn jeddu.  L-istess jgħodd għall-PN u Adrian Delia.  Imma f'ġenerazzjoni superfiċjali fejn il-flus kollox, l-irġulija hija rarità'

Il-PM Robert Abela
Il-PM Robert Abela

Din il-ġimgħa Konrad Mizzi - b'mod xejn dekoruż - tneħħa minn Deputat Laburista, ġimgħa biss wara li Chris Cardona implikat fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia (hu jiċħad) tneħħa minn Deputat Mexxej.  X'inhu jiġri?  Bdiet dieħla r-responsabilita politika bis-serjetà f'pajjiżna?  Jew Abela ma kellux għażla oħra politika għajr li jneħħi lil Mizzi u lil Cardona?

Malta m'għadux - jekk qatt kien - pajjiż li jgħix ġo bozza.  Illum, bil-midja soċjali u siti bħal Facebook u Twitter, apparti l-portals kollha tal-aħbarijiet, il-messaġġ sar jasal fi ftit ħin.  Il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia ċappas lil Malta b'żebgħa sewda u tefa' l-attenzjoni kollha fuq pajjiżna u dawk in-nuqqasijiet kollha fis-sistema li tħallew minn Gvernijiet sussegwenti - inkluż dawk Nazzjonalisti - bħall-fatt li l-Prim Ministru għandu wisq poter.  Dawn in-nuqqasijiet li  intirtu minn Gvern għall-ieħor ġew amplifikati taħt id-dawl osservatorju ta' min la jinteressah mill-Labour u lanqas minn Nazzjonalisti.  Huwa intuli li noqgħodu ngħidu li aħna vittmi għax aħna żgħar u aktar inulti li noqgħodu ngħidu li qed jgħiru għalina - l-attenzjoni intefgħet fuq Malta għaliex ġiet assasinata persuna li apparti li kienet ġurnalista - u allura diġà gravi - kienet ukoll l-akbar avversrju medjatiku u l-eqqel xewka tal-Gvern permezz ta' stejjer li kienu qed jikxfu u heddew li jkomplu jikxfu għanqbuta ta' interessi miljunarji. 

"Lagħbet man-nar" kien hawn min qal biex forsi jiġġustifika assasinju, ladarba f'dan il-pajjiż nisrani kollox niġġustifikaw għall-partit.  Fil-fatt huwa l-pajjiż illum li qed jilgħab man-nar u aktar riklami ħżiena mhux biss qed ikomplu jitfgħu dawl ikrah fuq Malta imma issa saħansitra qed jibdew jheddu l-prospetti ekonomiċi tal-pajjiż.

Kien ovvju li xi darba id-dawl se jintefa' fuqna u fuq sistema li għalqet għajnejha għall-ħażin u dak il-mument jinsab fil-qrib. X'ippretendejtu? Li Abela jmur b'bagalja ta' ħaddieħor?

Jekk il-Moneyval titfana f'listi griżi se titpinġa mistoqsija ma' pajjiżna u kull investitur li jkun imħajjar jiġi jinvesti se jara illi aħna pajjiż tal-'insomma' tal-'aħjar toqgħod attent' u pajjiż ta' 'skont min taf mhux kemm taf'.  Issa m'għadhiex sempliċiment xi ħaġa "ta' bejnietna", issa m'għadhiex xi ħaġa li "narawha aħna u tindaħlux".  Issa l-allegazzjonijiet, id-dellijiet, il-kumpaniji fil-Panama, 17 Black, il-flus li għaddew fiha, il-Wind Farm f'Montenegro, il-mobiles f'qiegħ il-baħar, l-overdoses u l-implikazzjonijiet ta' eks Ministru fil-Qorti - kollox marbut  mal-assasinju ta' ġurnalista li kienet se tikxef dan kollu - saru allegazzjonijiet jew fatti li qed jaslu f'kull rokna tad-dinja, li qed ikunu investigati minn awtoritajiet u kummissjonijiet Ewropej u li qed tagħti immaġini żbaljata ta' gżira miblugħa mill-camorra.

 Malta jixraqilha aħjar. 

Għalhekk id-deċiżjoni tal-Prim Ministru kienet waħda li tagħmel sens.  Għaliex il-pajjiż ma setax jibqa' jitħammeġ u lanqas il-Partit Laburista ma setax jibqa' jitħammeġ u forsi Robert Abela mhux lest li jara l-legat tiegħu jiċċapas u jitħammeġ b'dan il-mod minn xibka ta' interessi viljakki.

U nafu li hemm ħafna ma fehemux u nifhmu.  Nifhmu għaliex meta bdew ħerġin dawn il-fatti dwar il-kumpaniji fil-Panama, biċċa, biċċa, minflok sar dak li suppost isir, jekk xejn fuq il-fatt li l-intenzjoni ta' Hearnville u Tillgate kienet li jaqilgħu flus li ma riedux illi jidhru, Konrad Mizzi u Keith Schembri rabtu l-fortuni tagħhom ma' dawk tal-partit.  Bit-tama, li jekk jgħerqu huma jegħreq il-partit u Joseph Muscat magħħhom, baqgħu - speċjalment Keith Schembri - jgħidu li dan gideb u tixwix, ma jwieġbux il-mistoqsijiet il-Qorti u jgħidulna li kumpanija miftuħa f'isimhom ma kienu jafu xejn dwarha. 

Messha ma kinitx tajba d-deċiżjoni tal-Prim Ministru!  

Min għandu akkużi sejrissimi kontrieh joqgħod fil-ġenb u jnaddaf ismu. Mhux jibqa' u jippretendi li hu ikbar mill-partit u li l-partit irid jinżel għalkupptejh u jgħidlu grazzi

Kien ovvju li xi darba id-dawl se jintefa' fuqna u fuq sistema li għalqet għajnejha għall-ħażin u dak il-mument jinsab fil-qrib.  X'ippretendejtu?  Li Abela jmur b'bagalja ta' ħaddieħor? 

Wasal iż-żmien li nneħħu l-għamad f'dan il-pajjiż, il-misħut għamad li ma jħalliniex nirraġunaw u t-tajjeb ngħidulu tajjeb u l-ħażin ngħidulu ħażin. 

Għamel kemm għamel ġid Konrad Mizzi u ħaddem kemm ħaddem nies, u qeda kemm qeda persuni - kien jaf illi meta se jiffirma (jew forsi jħalli lil ħaddieħor jiffirma għalih, min jaf?) biex kumpanija fil-Panama tkun tiegħu u speċjalment meta beda jara kemm qed toħloq deni dik l-istess kumpanija, kien fil-verità qed jiffirma t-tmiem politiku tiegħu. 

Il-PM għandu jitħalla jmexxi mingħajr xkiel, mazzriet, delljiet u dubji ma' Ministri li mhumiex xkiel, mazzriet u li m'għandhomx dellijiet u dubji. 

L-irġulija kienet titlob li min jaf li b'għemilu kien qed jagħmel il-ħsara lill-partit u lill-pajjiż iwarrab minn jeddu.  L-istess jgħodd għall-PN u Adrian Delia.  Imma f'ġenerazzjoni superfiċjali fejn il-flus kollox, l-irġulija hija rarità. Anzi jekk tkun raġel iwaħħluhulek, a la Malti pur. 
Mela iva sewwa għamel il-PM.  Anzi ngħidulu prosit li kellu l-kuraġġ ikun l-ewwel Prim Ministru fl-istorja moderna li ħa azzjoni, azzjoni li Eddie Fenech Adami qatt ma ħa - meta kiejn akkużat li kien qed jiltaqa' ma' kriminal, li Lawrence Gonzi qatt ma ħa meta fuq ras Austin Gatt kien hemm l-allegazzjonijiet dwar x-xiri taż-żejt u li lanqas Joseph Muscat ma ħa. 

Min għandu akkużi sejrissimi kontrieh joqgħod fil-ġenb u jnaddaf ismu.  Mhux jibqa' u jippretendi li hu ikbar mill-partit u li l-partit irid jinżel għalkupptejh u jgħidlu grazzi.  Imma l-kontra. 

 

More in Politika