Editorjal | Kriminalità moqżieża ... nafu min huma t-traffikanti. X'intom tistennew?

Tħallux nies jgħerqu u tħallux nies imutu.  Għidniha ftit ġimgħat ilu u nerġgħu nfakkru: Tkunux bully maż-żgħir. Tafu min huma l-kriminali

Huwa vera li jeħtieġ illi jsir punt politiku minn Malta u li Malta żżomm sod u mhux titħalla tiġi njorata fuq il-kwistjoni tal-immigrazzjoni.  Dan huwa minnu u m'hemmx limitu ta' kemm nistgħu ngħiduh. 

Iżda ma jistax ikun illi filwaqt li qed nagħmlu dan il-punt politiku, waqt li qed indoqqu l-arpa taċ-ċelebrazzjonijiet inħallu nies bejn sema' u ilma b'mod indefinit u bil-konsegwenzi kollha li din għandha.  Ilbieraħ is-sit illum.com.mt kien minn ta' quddiem illi rrapporta dwar protesta fuq l-Europa II.  Din il-protesta li setgħet kellha konsegwenzi akbar hija riżultat ta' din is-soluzzjoni fuq bażi temporanja.  Kemm se ndumu nħallu nies bejn sema u ilma?  Ġimgħa?  Ġimagħtejn?  Xaharejn?  Kemm?  Filwaqt li l-Unjoni Ewropea tilgħab logħba ċess, fl-ibħra ta' madwarna għandna bombi tal-ħin lesti biex jisplodu, għad-detriment tal-immigranti nfushom u tal-ħaddiema li jinsabu fuq il-bastimenti. 

Il-ġarra ġejja u sejra fl-aħħar tinkiser u forsi hawn min hekk iridha tinkiser, ħalli jkun jista' jagħmel eżempju minn Malta. 

Huwa tajjeb, anzi importanti u pass fid-direzzjoni t-tajba li l-PM Robert Abela mar il-Libja u ltaqa' ma' Fayez Al-Sarraj biex tiġi diskussa din il-materja.  Is-soluzzjoni fl-Afrika qiegħda - primarjament mill-pajjiż illi minnu ġejjin l-immigranti u mbagħad fil-Libja - minn fejn jitilqu -  fejn Sarraj qal li hemm 800,000 immigrant lesti biex jitilqu. 

Tħallux nies jgħerqu u tħallux nies imutu. Għidniha ftit ġimgħat ilu u nerġgħu nfakkru: Tkunux bully maż-żgħir. Tafu min huma l-kriminali. Kienu mxandra f'dokumentarju ferm interessanti fuq ix-xandir nazzjonali - minn eks ġurnalista ma' din il-gazzetta. Mela x'intom tistennew? X'inhi tistenna l-Ewropa? Jew tant hemm ċrieki ta' korruzzjoni u abbuż li m'hemmx interess u rieda li l-kriminali jinqabdu?

X'se nagħmlu?  Ħa npoġġu dawn it-800,000 kollha fuq il-bastimenti tat-turisti? 

Din hija gwerra bl-użu u l-isfruttar makkak u moqżież tal-bnedmin u filwaqt li huwa importanti li ħadd ma jiffaċilità dan iċ-ċirku kriminali, huwa importanti li ma nagħmlux eżempju mill-ħajja umana li qed tintuża bħala gamblu.

Hemm bżonn illum qabel għada jiġu arrestati u ssir ġustizzja kontra t-traffikanti.  Hemm bżonn li l-UE tqum mir-raqda u tfassal - malajr - pjani ta' kontinġenza u tqassim ta' immigranti.  Hemm bżonn li jkun hemm kooperazzjoni mal-Libja biex din tibda ġejja f'tagħha u biex tgħasses il-fruntieri b'serjetà u b'rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem.  Hemm bżonn, b'serjetà assoluta, jiġu mgħejjuna pajjiżi minn fejn qed jitilqu dawn l-immigranti.

Filwaqt li huwa sew li l-Gvern qed iżomm iebes, iktar iebes minn kwalunkwe li kellna fl-aħħar snin - ma jistax irabbi sens ta' indifferenza lejn l-umanità. 

Tħallux nies jgħerqu u tħallux nies imutu.  Għidniha ftit ġimgħat ilu u nerġgħu nfakkru: Tkunux bully maż-żgħir. Tafu min huma l-kriminali.  Kienu mxandra f'dokumentarju ferm interessanti fuq ix-xandir nazzjonali - minn eks ġurnalista ma' din il-gazzetta.  Mela x'intom tistennew?  X'inhi tistenna l-Ewropa?  Jew tant hemm ċrieki ta' korruzzjoni u abbuż li m'hemmx interess u rieda li l-kriminali jinqabdu?

More in Politika