Editorjal | Triq twila ... imma tama ġdida!

Għall-ġisem hemm il-mediċina, imma għall-moħħ hemm bżonn it-tama

Issa dħalna  fil-11-il ġimgħa minn meta Malta kellha l-ewwel każ ikkonfermat ta' coronavirus. Ħdax il-ġimgħa illi kienu kkaraterizzati mill-għeluq ta' partijiet importanti mill-ekonomija - għalkemm il-manifattura, kostruzzjoni, bejgħ  u numru ta' setturi oħrajn baqgħu joperaw.  

Dan minnu nnifsu għandu jagħtina tama ġdida u kuraġġ li kif għelibna l-ewwel sfida  - minkejja li ma morniex għal-lockdown totali imma parzjali - xorta irnexxielna nżommu n-numri f'livelli pjuttost baxxi. 

Wieħed jifhem li l-inkwiet din il-ġimgħa żdied hekk kif in-numri żdiedu, iżda min irid iqarraq għal raġunijiet li jafhom hu biss jieqaf hemm.  Min irid inkun onest man-nies u mal-qarrejja tiegħu jrid jinnota wkoll li f'ħafna mid-drabi l-ġimgħa l-oħra - minkejja li hija ċara kristall illi n-numri żdiedu - il-persentaġġ li rriżultaw pożittiv mit-total ta' testijiet li saru baqa' wieħed baxx ħafna - għajr xi ftit għal nhar il-Ħamis. 

Ħarsa malajr:  Nhar it-Tnejn kellna ħames każi ġodda minn 1,017-il test - jiġifieri 0.5%. It-Tlieta kellna 11-il każ ġdid minn 1,519-il test li jfisser 0.7%.  Dan żdied nhar il-Erbgħa meta kellna 15-il każ ġdid minn 1,670 test , jiġifieri 0.9% biex iċ-ċifra reġgħet għoliet għall-massimu din il-ġimgħa nhar il-Ħamis meta minn 1,358 test kien hemm 15-il każ ġdid jew 1.1%.  Il-Ġimgħa din niżlet għall-inqas numru - b'każ wieħed biss minn 1,560 test, jiġifieri 0.06%.  Din il-ġimgħa, sa issa, r-riżultati huma aktar inkoraġġanti hekk kif illum it-Tlieta kien imħabbar li ma kienx hemm każi ġodda ta' Covid-19, filwaqt li lbieraħ kien hemm każ wieħed.

 

Aħrfulna ħadnilkhom minuta mill-ħin tagħkom bin-numri - imma dawn huma fatti.  Fatti li ebda aġenda ma tista' tbiddel.

Għall-ġisem hemm il-mediċina, imma għall-moħħ hemm bżonn it-tama. Hemm bżonn ma nħallux lilna nfisna ngħerqu f'morsa ta' aktar negattività - għaliex d-deterjorament tas-saħħa mentali huwa inkwetanti daqs, jekk mhux aktar, mill-Covid-19

Dan ifisser li m'għandna nagħmlu xejn?  Dan ifisser li m'għandniex inżommu id-distanza soċjali?  Dan ifisser li l-mewġ qiegħed fil-baħar biss?  

Xejn minn dan.  Imma huma ċifri li jagħtuna sodisfazzjon li għadna qed inżommu l-kolp u tama għall-futur fin-normalità l-ġdida u jekk Alla jrid, fin-normalità kif nafuha. 

Għall-ġisem hemm il-mediċina, imma għall-moħħ hemm bżonn it-tama. Hemm bżonn ma nħallux lilna nfisna ngħerqu f'morsa ta' aktar negattività - għaliex d-deterjorament tas-saħħa mentali huwa inkwetanti daqs, jekk mhux aktar, mill-Covid-19. Il-mard mentali huwa qattiel silenzjuż li jasal għandek mhux neċesarjament għax tkun ġratlek traġedja, imma wkoll għax tkun waħdek, għax tkun qed tibumbardja lilek innfisek bi xmara ma taqtax ta' aħbarijiet negattivi fuq din il-kwistjoni - isma', idiskuti imma aqta', ħu pawsa! Għax tkun imtlejt bl-ansjetà, il-biża' u l-inċertezza jew għax ir-rutina tkun tkissret jew għaliex qed taħdem aktar b'inqas flus jew għax mhux qed taħdem.  

Waħda ma tiġix a skapitù tal-oħra - irridu nibqgħu viġilanti u realsitiċi fuq il-Covid-19. Imma ma nistgħux inħallu lilna nfusna ngħerqu f'dulur, ma nistgħux naqtgħu qalbna - għax jekk jiġri hekk, minflok immutu bil-covid-19 nibdew immutu minn ġewwa. 

Kunu pożittivi, anke fid-dawl ta' aħbarijiet koroh.  Ixgħelu d-dawl fejn hemm id-dlam ta-solitudni, ftakru li meta titkellmu daqslikieku waslet l-aħħar tad-dinja jkun hemm min qed jismgħak jew jaqrak li għalih/a dik tkun l-aħħar kelma li tkissirhom. Agħti telefonata u żomm kumpanija lil min jinsab waħdu u mur għamel xi xirja għal anzjan jew anzjana. 

Tbissem u ħalli d-dinja titbissem miegħek.

Mhux faċli imma għandna għaliex u jekk noqgħodu attenti, inkunu viġilanti, nirrispettaw lil xulxin, nobdu r-regoli u naċċettaw in-normalità kif inhi għalissa jkollna ħafna aktar fuq xhiex nitbissmu fi żmien li ġej. 

More in Politika