Editorjal | Niftħu, mela! Imma b'deċiżjonijiet bbażati fuq ix-xjenza mhux skont il-pressjoni u t-theddid!
'Malta baqgħet xi ftit jew wisq fil-wiċċ, imma l-qiegħ hemm qiegħed, speċjali m'aħniex u jekk ma noqgħodux attenti, immissuh!'

F'dan il-perjodu ta' għawġ għad-dinja kollha - imma wkoll għal Malta - resqin lejn mumenti kruċjali, mumenti illi se jirrikjedu kawtela minn kulħadd pero' wkoll deċiżjonijiet mill-Gvern - li l-Gvern jaf illi ikunu xi jkunu se jwasslu għall-kritika ħarxa fil-konfront tiegħu. Dan li ġej se jkun il-mument tal-verità u d-deċiżjoni li se jieħu l-Prim Ministru Robert Abela fis-sigħat li ġejjin u l-ġimgħat li ġejjin ukoll se jiddeterminaw mhux biss il-perkors tal-Prim Ministru innfsu, imma ħafna iktar importanti minn hekk il-perkors ta' poplu u ta' pajjiż.
Il-mistqosija hija ċara: Niftħu u nirrilassaw aktar - bi ftuħ ta' aktar ħwienet u eventwalment il-ftuħ tal-ajruport - jew inħallu kollox magħluq għalissa?
It-tweġiba mhix ċara daqs il-mistoqsija. Li hu żgur huwa illi hemm bilanċ li jeħtieġ jintlaħaq, liema bilanċ jeħtieġ jintlaħaq bil-provi u l-fatti xjentifiċi - mhux biss billi naraw u nikkupjaw. F'din is-sitwazzjoni kompletament ġdida għad-dinja m'hawnx pajjiż li żgur qed jimxi sew u ieħor li żgur qed jimxi ħażin. 'The proof of the pudding is in the eating' u mir-riżultati aħħarin se niġġudikaw liema pajjiżi mxew sew u liema le.
Inkunu insensittivi jekk naħsbu u nirraġunaw b'mod illi ninsew kemm ajruport magħluq għal ħafna żmien jagħmel ħsara kbira lill-ekonomija - jiġifieri lill-ħaddiem u min iħaddmu
Biex aħna nkunu ma' dawk il-pajjiżi li fl-aħħar ta' dan il-proċess se jkunu qabdu t-triq t-tajba jeħtieġ illi f'kull deċiżjoni u kull rilassament ta' miżuri ma jwassalx għal żieda qawwija ħafna li thedded ix-xogħol kollu li sar sa issa.
Inkunu insensittivi jekk naħsbu u nirraġunaw b'mod illi ninsew kemm ajruport magħluq għal ħafna żmien jagħmel ħsara kbira lill-ekonomija - jiġifieri lill-ħaddiem u min iħaddmu. Kemm jitilfu nies xogħolhom, kemm jiżdied il-faqar, kemm jersaq iktar il-pajjiż lejn insostenibilità finanzjarja, kemm iktar nies ikollhom problemi ta' saħħa mentali u kemm tkun aktar diffiċli li jerġa jkollna pajjiż u poplu li qed jistagħna, li huwa pożittiv u li huwa kunfidenti.
Pajjiżna - gżira daqs blata f'nofs il-Mediterran - mhux kontinent bil-fruntieri, mingħajr ajruport u port qisu bniedem b'pulmun nieqes u kriżi ekonomika li probabilment hija agħar minn tal-gwerra - mhux xi avventura jew mixja fi ġnien! Hija serja u dannuża!
Imma huwa insensittiv ukoll min qed jirraġuna 'Iftaħ, imbagħad jara Alla'. Hija ġennata totali dik illi nitilqu niġru biex inħaffu niftħu bil-konsegwenza li nreġġgħu lura dak kollu li ħdimna għalih u nġibu fuqna nfusna mewġa oħra - daqs jew ikbar - mill-ewwel waħda! Ġennata jiġifieri f'kull aspett, anke politiku.
Hemm bżonn assigurazzjonijiet illi dawn id-deċiżjonijiet li qed jittieħdu u li se jittieħdu fi żmien li ġej huma bbażati fuq ix-xjenza u l-fatti xjentifiċi u epidemjoloġiċi - mhux fuq kemm qed jhedded dak jew kemm qed jagħmel pressjoni l-ieħor jew għax 'barra hekk qed jiġri'
Hemm bżonn assigurazzjonijiet illi dawn id-deċiżjonijiet li qed jittieħdu u li se jittieħdu fi żmien li ġej huma bbażati fuq ix-xjenza u l-fatti xjentifiċi u epidemjoloġiċi - mhux fuq kemm qed jhedded dak jew kemm qed jagħmel pressjoni l-ieħor jew għax 'barra hekk qed jiġri'. Għandna naċċertaw li d-deċiżjonijiet m'għandhomx ikunu bbażati biss fuq ir-rispons tal-Gvern għall-pressjoni ta' ħafna mill-popolazzjoni li ma tridx tibqa' ġewwa - għax hekk hu l-istint ta' annimal soċjali!
Is-sitwazzjoni ggravat, fis-sens, iva llum kulħadd iddejjaq, kulħadd qed taqbiżlu, ħafna nies qed ibatu mhux biss finanzjarjament, imma psikoloġikament ukoll.
Is-sitwazzjoni hija ħażina, imma ejja ma nilludux ruħna li ma tistax tkun agħar minn hekk. Ejja ma naħsbux li messejna l-qiegħ. Malta baqgħet xi ftit jew wisq fil-wiċċ, imma l-qiegħ hemm qiegħed, speċjali m'aħniex u jekk ma noqgħodux attenti, immissuh!
Ejja naraw illi meta d-deċiżjoni li niftħu l-ħwienet jew aktar minn hekk l-ajruport tittieħed, tkun ittieħdet biex ma titreġġax lura.
Inutli ngħaġġlu biex imbagħad nerġgħu ngħalqu. Fil-verità jekk nagħmlu hekk - inkunu qed niddeterjoraw is-sitwazzjoni.
Irridu ngħixu flimkien u jaf ikollna nadattaw ħajjitna bil-Covid-19 għal dejjem. Minkejja dan, xorta għandna sa fejn u kemm hu possibbli naħdmu biex kemm jista' jkun innaqqsu mill-każi.
Kulħadd irid joħroġ minn dan l-għawġ. Ejja noħrorġu minnu b'għaqal!