Editorjal | Ilkoll f'baħar wieħed nittamaw li għada jisbaħ jum aħjar mil-lum

Din il-pandemija allura terġa turina kemm hu importanti li l-proposta ta' dan il-Gvern stess tiġi mwettqa - jiġifieri li l-ħaddiema kollha jkunu f'unjin, l-ewwelnett għax jaqbel għall-interessi tagħhom

Bħal lum ġimgħa ċċelebrajna Jum il-Ħaddiem -  ġurnata illi fiha niftakru u nsellmu lil miljuni ta' ħaddiema madwar id-dinja.  Din is-sena iżda ċ-ċirkostanzi huma differenti, mhux biss minħabba l-pandemija fiha nnifisha imma wkoll għaliex din il-pandemija qed twassal għal kriżi ekonomika li kull ma jmur iktar qed issir fonda, għad-detriment tal-ħaddiem u n-negozjant/imprenditur li jħaddmu.

Il-ġlieda bejn il-klassijiet ilha li għaddiet u ħadd ma jrid jew jixtieq iġibha lura.  Imma għax ma rridux ġlieda bejn  il-klassijiet jew bejn il-ħaddiem u min iħaddmu, dan ma jfissirx li għandna ngħalqu għajnejna għall-abbużi li kienu qabel il-pandemija u li ħraxu matulha u - min jaf? -  Li jaf jiggravaw fiż-żmien li ġej.  Il-ġlieda għandha tkun kontra l-abbuż li jsir mill-ftit, kontra dawk il-ħaddiema bl-inqas vuċi, primarjament ħaddiema barranin.

Ħafna drabi narawhom bħala realtà inkonvenjenti, bħala xi ħaġa li għandna bżonn ta' bilfors.  Fil-verità din il-pandemija qed turina żewġ affarijiet:  l-ewwelnett illi l-ħaddiem barrani - bħala kumplimentari ma' dak Malti - kien u se jerġa jkun iċ-ċavetta għall-aqwa żminijiet ekonomiċi.  Tkabbir ekonomiku jeħtieġ ix-xogħol u dak ix-xogħol jeħteġ in-nies.  Rajna wkoll - u allura t-tieni ħaġa li qed turina din il-pandemija - illi f'xi postijiet tax-xogħol l-ewwel li jlaqtuha huma l-ħaddiema barranin.

Pero anke ħaddiema Maltin f'xi postijiet spiċċaw bla xogħol u bla vuċi fl-ewwel jiem tal-pandemija, ma jafux x'se jiġri minnhom u xi dħul se jkollhom, sakemm l-Gvern eventwalment ħabbar il-miżuri finanzjarji.  Minkejja li qed niftaħru - u ġustament - li eluf ta' ħaddiema qed jingħataw l-għajnuna għad hawn eluf oħrajn li mhumiex, probabbilment u skont dak li qed jingħad mill-unjins, dawk il-ħafna li mhumiex imseħbin f'unjin.

Din il-pandemija allura terġa turina kemm hu importanti li l-proposta ta' dan il-Gvern stess tiġi mwettqa - jiġifieri li l-ħaddiema kollha jkunu f'unjin, l-ewwelnett għax jaqbel għall-interessi tagħhom kemm fi żmien tal-ward u l-kwiet u anke fiż-żmien tat-taqlib u l-pandemiji.  U għax jaqbel ukoll għal min iħaddem, li jkollu unjin li qed titkellem f'isem il-ħaddiema tiegħu.  Ħalli ħadd ma jaqa' mit-toqob tax-xibka, biex ħadd ma jibqa' lura.

L-eroj bħalissa, bla dubju huma l-ħaddiema kollha tas-saħħa u l-gazzetta ILLUM/illum.com.mt ma tistax ħlief tiiringrazzjahom hekk kif qed jitfgħu lilhom infushom fuq quddiem ta' din il-gwerra, b'riskju għal saħħithom u s-saħħa tal-familji tagħhom.
Kważi lkoll ninsabu f'baħar wieħed illum.  M'hemmx sezzjoni waħda ta' ħaddiema li ma jinsabux beżgħana, muġugħa, inċerti u anzjużi.  Ilkoll, jew eluf fuq eluf jinsabu f'dan il-baħar ta' inċertezza.

Jidher iżda minn dak li qal il-Prim Ministru meta ħabbar l-ewwel rilaxxament ta' miżuri, illi bdejna it-triq tal-fejqan u bdejna ħerġin minn dan l-isqaq li dħalna fih.  U dan ma jistax ikun ħlief aħbar tajba għall-pajjiż.

Naturalment iżda l-fejqan ekonomiku, b'mod speċjali t-turiżmu, se jdum ma jiġi fuq tiegħu kif jinnota wkoll fl-artiklu tiegħu llum Carmel Cacopardo (Ara paġna 24).  Se jkun jeħtieġ li n-numri jinżlu kullimkien u li l-uman jerġa jibda jafda biżżejjed biex jirkeb fuq ajruplan u jmur l-Italja jew Spanja jew kważi kwalunkwe pajjiż ieħor. L-industrija turistika li tħaddem eluf kbar ta' nies u li minnha jgawdu eluf oħrajn indirettament, se jkollha tikkompeti mal-istint uman sakemm jinsab vaċċin.

Il-ħaddiem ta' rieda tajba u n-negozjant, speċjalment iż-żgħir, ħa pjaċir jisma' lill-Prim Ministru jħabbar żviluppi importanti ġimgħa ilu. B'pożittivita kawta nittmaw li għada jkun isbaħ mil-lum.

More in Politika