Roberta Metsola | Appell lill-Gvern: raħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma b’effett mill-bidu ta’ Marzu

Il-prezz tal-fuels u tal-elettriku qed jorħos. M'hemmx skużi għall-Gvern Laburista. Popli ta’ pajjiżi oħra qed igawdu minn roħs

L-awtoritajiet tas-saħħa bir-raġun kollu ilhom mill-bidu ta’ Marzu jappellaw biex noqgħodu kemm jista’ jkun ġewwa. Dan għal ġid tagħna, għal ġid ta’ dawk għeżież għalina u għall-benefiċċju tal-pajjiż kollu għaliex anqas ma jixtered dan il-virus, anqas ikunu sogri u jkun hemm iċ-ċans li ċertu restrizzjonijiet jibdew jinħallu. Huma l-esperti tas-saħħa li jridu jiddeċiedu u jagħtu direzzjoni.  U aħna għandna nsegwu dawk il-pariri u l-istruzzjonijiet li jingħataw.

Dawn ir-realtajiet ġodda ġabu magħhom bidliet fir-rutina ta’ dak li qabel konna nagħmlu ‘s-soltu’. Hemm min mhux jixref mill-bieb il-barra, il-ħin kollu ġewwa. Dan minnu nnifsu jfisser emozzjonijiet differenti minn qabel, ħsibijiet differenti. Iżda jfisser ukoll nefqiet differenti u aktar milli kien isir is-soltu fuq ċertu servizzi, ewlenin fosthom il-konsum tad-dawl u l-ilma. Aktar ma n-nies tkun id-dar, aktar qed tixgħel elettriku, aktar qed tuża servizzi elettroniċi, aktar qed tiddependi fuq it-teknoloġija li taħdem bl-elettriku.

L-istess l-użu tal-ilma, li wkoll qiegħed jiżdied.  L-appelli li qed jagħmlu l-awtoritajiet tas-saħħa huma marbuta wkoll mal-bżonn ta’ aktar iġene, tindif u ħasil tal-idejn sew, u spiss. Dawn huma pariri li kif attwati jkunu parti mill-istil tal-ħajja tagħna, mhux biss illum imma anki għall-ġejjieni. L-awtoritajiet tas-saħħa qed joħolqu kuxjenza akbar u dan hu ta’ siwi kbir.

Jekk ma jraħħasx il-kontijiet, il-Gvern se jdaħħal lill-familji f’aktar problemi

Dawn is-sitwazzjonijiet ta’ konsum akbar tal-elettriku u tal-ilma huma diġa raġunijiet biżżejjed għaliex il-Gvern għandu jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. F’din il-miżura tat-tnaqqis tar-rati l-Gvern qiegħed tard. Messu ilu li ħabbar li raħħashom u għalhekk kull tnaqqis għandu jkun b’effett mill-bidu ta’ Marzu meta beda t-tixrid tal-virus b’Malta. Jekk il-Gvern se jibqa’ jwebbes rasu se jdaħħal il-familji fi problemi oħra. Kif se jibdew jirċievu l-kontijiet se jiffaċċjaw kontijiet ogħla mhux ħtija tagħhom imma minħabba s-sitwazzjoni preżenti u li ma għandhom l-ebda kontroll fuqha. Il-Partit Nazzjonalista ilu jappella biex il-kontijiet jorħsu. L-istess għamlu diversi assoċjazzjonijiet. It-tnaqqis hu bżonnjuż u aktar ma’ l-Gvern iħabbar li se jaċċetta t-talba tat-tnaqqis aktar ikun qiegħed iserraħ moħħ in-nies. Il-Gvern Laburista għadu jinsisti li ma jraħħasx il-kontijiet.

Il-prezz tal-ftehim korrott tal-Gvern qed jissarraf f’kontijiet ogħla

Il-prezz tal-fuels u tal-elettriku qed jorħos. M'hemmx skużi għall-Gvern Laburista. Popli ta’ pajjiżi oħra qed igawdu minn roħs. Il-poplu Malti u Għawdxi m'għandux jerfa' piż ta' kontijiet li suppost huma orħos. Il-Gvern m'għandux iħalli aktar l-ansjeta' tiżdied. Mhux skuża li l-Gvern tilef il-kontroll minħabba l-kuntratti li daħal għalihom dan il-Gvern stess fis-snin li għaddew. Id-deċiżjonijiet żbaljati li kien imwissi dwarhom, irid jerfagħhom il-Gvern stess u mhux il-poplu. Id-deċiżjonijiet korrotti li saru mill-Gvern Laburista, huma piż. Għandhom prezz. U dan il-piz u l-prezz qed jissarraf f’kontijiet ogħla.

Min għandu l-aktar diffikultajiet se jkun l-aktar li jbati

Il-kontijiet ogħla se jiffaċċjahom kulħadd bla eċċezzjonijiet, imma imbagħad hemm min se jogħtor aktar taħt dan it-toqol. Min qabel kien juża għaqal fil-konsum u kien joqgħod aktar attent u ma jaqbiżx ammont stabilit ta’ units, kien igawdi mill-eco reduction. Kien igawdi minn skont li setgħa jlaħħaq sa 25%.  Dan kien tnaqqis li kien introduċa Gvern Nazzjonalista biex jinċentiva l-għaqal u l-użu tal-enerġija alternattiva. L-ammont ta’ units stabbiliti kienu jirriflettu r-realta’ ta’ dakinhar. Ċertament ir-realta’ ta’ llum hi għal kollox differenti. U għalhekk il-Gvern għandu jikkonsidra r-realtajiet ta’ llum. Issa l-istess persuna li kienet tgawdi mill-eco reduction se jsib li b’aktar ħin id-dar u aktar konsum tal-elettriku hemm possibilita’ li taqbeż il-bands tal-elettriku u għalhekk titlef dak l-iskont. Individwi, familji, anzjani u ħaddiema bħal dawn għalhekk jispiċċaw jaqilgħu darbtejn. Min l-aktar għandu bżonn se jispiċċa b’piżijiet akbar. Dan mhux sew. Jeħtieġ il-Gvern juri sensittivita’.

Il-Gvern jeħtieġ li jkun sensittiv u jwieżen lil min għandu bżonn

Is-sitwazzjoni preżenti ġabet tbatija għal ħafna nies u familji. Kien hemm min kellu jaddatta għal ċirkostanzi mibdula fi ftit sigħat. Quddiemna għandna kwistjoni soċjali. Nitkellem ma’ nies li jew id-dħul finanzjarju tagħhom kellu jonqos jew inkella sfortunatament tilfu l-impjieg li kellhom bil-konsegwenzi kollha negattivi li dan iġib miegħu. Nitkellem ma’ ġenituri, anzjani, romol, familji li diġa qed isibuha diffiċli biex ilaħħqu mal-ispejjeż. Hemm min għolietlu l-mediċina. Oħrajn hemm riskju li jispiċċaw bla saqaf fuq rashom. Sitwazzjonijiet bħal dawn huma traġedja għal min jgħaddi minnha. Il-Gvern għandu obbligu li jwieżen f’dan iċ-ċirkostanzi diffiċli.

Gvern li ċeda l-kontroll fuq l-enerġija u l-isptarijiet

Bħalma l-kuntratti u r-rabtiet korrotti li għamel il-Gvern Laburista dwar l-enerġija huma ta’ piż fuq il-poplu, hekk ukoll id-deals korrotti fis-saħħa. Il-Gvern Laburista ċeda l-kontroll fuq l-enerġija u ċeda l-kontroll fuq tliet sptarijiet billi biegħ bix-xejn l-isptar ġenerali ta’ Għawdex, San Luqa u Karin Grech. Tilef fil-poplu. Il-Gvern ma jridx li dawn l-isptarijiet jingħataw lura lill-poplu Malti u Għawdxi. L-Għawdxin, b’mod partikolari jgħiduli li llum huma preokuppati bis-sitwazzjoni tas-servizzi tas-saħħa f’Għawdex. 

U f’Malta l-Gvern se jkollu jibni sptar ieħor ta’ malajr minħabba li llum m’għandux f’idejh l-Isptar San Luqa u Karin Grech. L-aħbar li pajjiżna issa għandu bżonn jibni sptar prefabrikat f'qasir żmien hi weġgħa akbar għaliex turi kemm kienet ħażina d-deċiżjoni li l-gvern ċeda l-isptarijiet pubbliċi li għandna.  Kellna 3 sptarijiet imma l-Gvern fittex sptar u ma sabux. Pajjiżna qed iħallas għal ħażin ta' Konrad Mizzi. U l-Gvern nhar il-Ħamis li għadda reġa ddefenda d-deal korrott u vvota kontra li dawn it-3 sptarijiet jerġgħu jingħataw lura lilek.

More in Politika