L-Ewropa tibda terġa’ tieħu l-ħajja ... ħarsa lejn ir-rilaxx tar-restrizzjonijiet

Hekk kif jidher li l-ħajja fl-Ewropa bdiet ftit ftit terġa’ tqum fuq saqajha, il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn uħud mill-pajjiżi Ewropej u r-restrizzjonijiet li b’mod gradwali bdew jirrilaxxaw

Matul din il-ġimgħa u anke minn għada, diversi pajjiżi Ewropej bdew jerħu jew se jibdew inaqqsu r-restrizzjonijiet li imponew bil-għan li jikkontrollaw l-imxija tal-COVID-19. Fost dawk li bdew jew se jibdew jerħu r-restrizzjonijiet, hemm l-Italja u Spanja, l-aktar żewġ pajjiżi milquta mill-pandemija fl-Ewropa u li iżda din il-ġimgħa ddikjaraw li “l-agħar għadda.”

Fid-dawl tal-fatt li anke f’Malta bdew jiġu mnaqqsa xi restrizzjonijiet, bil-għan li b’mod gradwali l-ħajja tibda terġa’ taqbad ir-ritmu, il-gazzetta ILLUM se tkun qed tagħti ħarsa lejn l-Ewropa u l-istrateġija li diversi pajjiżi qed jaddottaw biex jibdew inaqqsu l-miżuri drastiċi li kellhom jieħdu biex jikkontrollaw l-imxija tal-coronavirus.

L-Italja tibda tistejqer ... daqshekk lockdown iżda appell għall-kawtela

Bla dubju li l-agħar pajjiż milqut tal-kontinent kien l-Italja u kawża ta’ hekk kien l-ewwel wieħed li impona lockdown nazzjonali fost il-pajjiżi kollha Ewropej.

It-Taljani ilhom mid-9 ta’ Marzu magħluqa fid-djar tagħhom u l-ekonomija tal-pajjiż letteralment waqfet.

Hekk kif fl-aħħar jiem l-Italja bdiet tara xaqq ta’ tama, bin-numru ta’ każi ġodda u anke l-għadd tal-imwiet jonqsu ġurnata wara l-oħra, il-Gvern Taljan beda jaħdem biex jirrilaxxa xi wħud mill-miżuri.

Fil-fatt, mil-lum, l-Italja se tkun qed tidħol fit-tieni fażi tal-pjan li ħejja l-Gvern biex ftit ftit il-ħajja tibda tersaq lejn in-normal. Minn għada, tista’ tgħid li l-Italja mhux se tkun aktar taħt lockdown, anke jekk il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte appella biex ma jkunx hemm ħruġ bl-addoċċ u anke biex kulħadd jibqa’ jirrispetta s-social distancing.

Mil-lum, wara diversi ġimgħat, it-Taljani se jkunu jistgħu jżuru lill-qraba tagħhom “fi gruppi żgħar.”

Dawn huwa dak li ħabbar il-Prim Ministru Giuseppe Conte:

  • Persuni se jkunu jistgħu joħorġu u jduru fir-reġjuni tagħhom stess iżda mhux permess li jkun hemm vjaġġar minn reġjun għall-ieħor
  • Il-funerali jistgħu jerġgħu jibdew isiru, iżda għalihom jistgħu jattendu biss massimu ta’ 15-il persuna u idealment isiru fuq barra
  • L-atleti, b’mod individwali, jistgħu jerġgħu jibdew bit-taħriġ tagħhom u jistgħu jagħmlu dan mhux biss viċin id-djar tagħhom
  • Il-barijiet u r-ristoranti jistgħu jiftħu għal servizz ta’ takeaway minn għada. L-operat jista’ jirritorna għan-normal mill-1 ta’ Ġunju
  • Il-ħwienet tax-xagħar jistgħu jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom mill-1 ta’ Ġunju
  • Aktar stabbilimenti li ma ngħatawx permess jiftħu fl-ewwel fażi jistgħu jagħmlu dan mit-18 ta’ Mejju, fosthom il-mużewijiet u l-libreriji
  • Timijiet sportivi jistgħu jkomplu bit-taħriġ tagħhom mit-18 ta’ Mejju.

Sa issa għadu ma tħabbarx meta se jkun qed ikompli l-kampjonat tal-futbol tas-Serie A, anke jekk tħabbar li għal din is-sena l-grawnds mhux se jiftħu u l-logħob ikompli bil-bibien magħluqa.

Il-quddies kollu fl-Italja, għalissa, se jibqa’ sospiż.

Kull min joħroġ irid jilbes il-maskri, bil-Gvern jordna li l-prezz ta’ kull maskra ma jaqbiżx il-50 ċenteżmu.

Fl-ewwel fażi tat-tneħħija tar-restrizzjonijiet, li daħlet fis-seħħ fl-14 ta’ April, ingħataw il-permess li jiftħu l-ħwienet iż-żgħar, inkluż il-ħwienet tal-kotba, tal-ħasil tal-ħwejjeġ u anke stationers.

It-tfal Spanjoli jistgħu jieħdu ftit arja wara ġimgħat maqfula d-dar

Bħall-Italja, Spanja kienet milquta wkoll ħażin ħafna mill-pandemija tal-COVID-19 u għalhekk kellha timponi restrizzjonijiet drastiċi biex tilqa’ għall-imxija.

Wara aktar minn 42 ġurnata msakkra ġewwa, matul l-aħħar jiem, il-Gvern Spanjol ħareġ digriet li jagħti permess lit-tfal Spanjoli li għandhom 14-il sena jew inqas biex ikunu jistgħu joħorġu sa siegħa kuljum anke jekk ma jistgħux jitbiegħdu sa aktar minn kilometru ‘l bogħod mid-dar.

Din il-miżura se tkun qed taffettwa lil 6.3 miljun tifel u tifla. It-tfal jistgħu joħroġu għal siegħa bejn id-disgħa ta’ filgħodu u d-disgħa ta’ filgħaxija.

Tfal li għandhom 13-il sena jew aktar jistgħu wkoll imorru jaqdu lill-ġenituri tagħhom.

Anke jekk it-tfal jistgħu jagħmlu użu mir-roti, l-iskates u l-iskateboards, il-ġonna pubbliċi għalissa se jibqgħu magħluqa.

Ir-restrizzjonijiet l-oħra kollha se jibqgħu fis-seħħ, inkluż l-iskejjel li jinsabu magħluqa.

Intant, mit-2 ta’ Mejju, l-Ispanjoli ngħataw permess li joħorġu jagħmlu attività fiżika barra mid-dar u anke jmorru mixjiet ma’ dawk il-persuni li jgħixu magħhom.

Il-Gvern Spanjol qal li se jkun qed jirrevedi mill-ġdid il-lockdown, jekk is-sitwazzjoni tibqa’ sejra għall-aħjar, f’nofs Mejju.

Il-Ġermanja tnaqqas ħafna restrizzjonijiet ... l-użu tal-maksri jsir mandatorju

Il-Ġermanja kienet wieħed mil-aktar pajjiżi li rnexxielha tikkontrolla l-imxija tal-COVID-19 fejn minkejja li kellha numru sostanzjali ta’ każijiet, l-għadd tal-vittmi kien wieħed baxx ħafna, aktar u aktar meta wieħed iqabbel dan ma’ pajjiżi oħra.

Propju għalhekk li fl-aħħar jiem il-Ġermanja bdiet tirilaxxa r-restrizzjonijiet, anke jekk jibqgħu fis-seħħ dawk li għandhom x’jaqsmu mas-social distancing.

Apparti minn hekk, fil-Ġermanja, l-użu tal-maskri huwa mandatorju fil-ħwienet u fuq it-trasport pubbliku. Fil-fatt, fil-Ġermanja, bdew jiftħu ħwienet li mhumiex akbar minn 800 metru kwadru.

L-iskejjel bdew jiftħu l-bibien tagħhom mill-ġdid, b’mod gradwali, anke jekk l-għadd ta’ studenti f’kull klassi tnaqqas, biex ikun assigurat li ma jkunx hemm iffullar. L-ewwel studenti li rritornaw wara l-bankijiet tal-iskola huma dawk li din is-sena se jkunu qed jagħmlu eżamijiet importanti. Il-kindergartens se jibqgħu magħluqa.

Apparti minn hekk, l-attivitajiet tal-massa, inkluż servizzi reliġjużi, se jibqgħu sospiżi sal-31 ta’ Awwissu.

Il-barijiet, kafetteriji, ir-ristoranti, iċ-ċinema u anke t-teatri se jibqgħu magħluqa.

Franza tħejji biex tibda tnaqqas ir-restrizzjonijiet 

L-użu mal-maskri se jkun mandatorju fi Franza kemm fuq it-trasport pubbliku u anke fl-iskejjel sekondarji hekk kif fil-11 ta’ Mejju jiġi fi tmiemu l-lockdown nazzjonali u l-pajjiż jibda jerħu ftit ftit ir-restrizzjonijiet.

L-iskejjel se jibdew jinfetħu b’mod gradwali, l-ewwel il-kindergartens u anke l-iskejjel primarji. L-istudeni li għandhom bejn 11 u 15-il sena jridu jilsbu l-maskri. Il-klassijiet ma jistax ikollhom aktar minn 15-il studenti.

Negozji meqjusa “mhux essenzjali” se jiftħu l-bibien tagħhom mill-11 ta’ Mejju iżda mhux il-barijiet, ir-ristoranti, iċ-ċinema u l-bajjiet.

Is-sidien se jkollhom id-dritt li jitolbu lill-klijenti jilbsu l-maskri u anke biex iżommu metru ‘l bogħod minn xulxin.

Anke jekk mill-11 ta’ Mejju l-Franċiżi jistgħu joħorġu, ġemgħat ta’ aktar minn 10 persuni mhumiex permessi.

Intant, il-funerali jistgħu jsiru jekk ikun hemm inqas minn 20 persuna, biċ-ċerimonju reliġjużi jibqgħu sospiżi sat-2 ta’ Ġunju. 

Kampjonati tal-futbol ma jistgħux ikomplu qabel settembru u għalhekk kellu jiġhom kkanċellati l-istaġuni tal-Ligue 1 and Ligue 2.

Jinfetħu l-iskejjel ... attivitajiet tal-massa mwaqqfa sal-1 ta’ Settembru

Fin-Norveġja wkoll bdew jiġu rrilaxxati xi miżuri hekk kif fost oħrajn infetħu l-kindergartens u anke l-iskejjel għal tfal żgħar.

Ħwienet tax-xagħar ukoll ingħataw permess biex jifħtu.

Madanakollu, l-appell ta’ Gvern kien biex kulħadd iżomm għajnejh miftuħa u jibqgħu jsegwu l-appelli dwar is-social distancing.

Intant, l-attivitajiet tal-massa fin-Noverġja ma jistgħux isiru sal-1 ta’ Settembru li ġej.

L-Awstrija l-ewwel li bdiet terħi r-restrizzjonijiet

L-Awstrija kien l-ewwel pajjiż Ewropew li beda jerħi r-restrizzjonijiet li impona biex jikkontrolla l-imxija tal-COVID-19.

Fil-fatt, fl-aħħar jiem, fl-Awstrija reġgħu fetħu xi ħwienet meqjusa ‘mhux essenzjali’ bil-Gvern jimponi l-użu tal-maskri fis-supermarkets, il-ħwienet u t-trasport pubbliku.

L-ewwel ħwienet li ngħataw permess jiftħu mill-14 ta’ April kienu dawk li mhumiex akbar minn 400 metru kwadru.

Intant, mill-1 ta’ Mejju,  infetħu wkoll iċ-ċentri kummerċjali u anke l-ħwienet tax-xagħar.

Madanakollu, ir-ristoranti u anke l-lukandi se jkollhom jistennew sa nofs Mejju biex jiftħu l-bibien tagħom. Magħhom, ukoll l-iskejjel. 

L-attivitajiet tal-massa ġew sospiżi sal-aħħar ta’ Ġunju.

Id-Danimarka fost l-ewwel li daħlet restrizzjonijiet u fost l-ewwel li tibda tirrilaxxa

Id-Danimarka kienet it-tieni pajjiż wara l-Italja li daħlet fis-seħħ lockdown nazzjonali biex tikkontrolla l-imxija tal-COVID-19 u jidher li dawn il-miżuri ħadmu tant li kienet fost l-ewwel pajjiżi Ewropej li bdiet tirrilaxxa l-miżuri.

Fil-fatt, id-Danimarka fetħet in-nurseries u anke l-iskejjel primarji għat-tfal li għandhom 11-il sena jew inqas u dan wara xahar magħluqa.

Ir-regoli dwar is-social distancing għadhom fis-seħħ u għadu projbit li jkun hemm ġemgħat ta’ aktar minn 10 persuni. Attivitajiet tal-massa ġew sospiżi sa Awwissu. 

Mill-20 ta’ April infetħu wkoll diversi negozji, fosthom dawk tax-xagħar, tat-tattoos u anke l-psikoloġi, fost oħrajn. 

Il-kafetteriji, ir-ristoranti u anke l-iskejjel għal dawk li għandhom 12-il sena ‘l fuq għadhom magħluqa.

Minn għada l-Belġju jibda jerħi r-restrizzjonijiet ... il-pjan ikopri sa Ġunju

Il-Belġju se jibda jerħi r-restrizzjonijiet tiegħu minn għada, hekk kif fost oħrajn ċerti ħwienet se jitħallew jiftħu mill-ġdid dejjem b’rispett lejn l-appelli tas-social distancing.

Persuni se jitħallew jiltaqgħu ma’ massimu ta’ żewġ persuni oħra li ma jgħixux magħhom, iżda għandhom xorta waħda jżommu d-distanza u jibqgħu barra.

Kull min għandu minn 12-il sena ‘l fuq irid jilbes il-maskri meta jirkeb it-trasport pubbliku u bil-għan li tiżdied il-produzzjoni tal-maskri se jkunu jistgħu jiftħu l-ħwienet tad-drapp u l-ħjata.

Mill-11 ta’ Mejju, il-ħwienet kollha fil-Belġju se jingħataw permess jiftħu taħt kundizzjonijiet stretti ta’ social distancing. 

L-iskejjel se jkunu qed jiftħu mill-ġdid fit-18 ta’ Mejju, iżda kull klassi ma jistax ikollha aktar minn 10 persuni.

Mit-18 ta’ Mejju, persuni se jkunu jistgħu jiltaqgħu, fi gruppi żgħar, fid-djar ta’ xulxin u se jinfetħu wkoll il-mużewijiet u l-hairdressers.

Mit-8 ta’ Ġunju, b’mod gradwali se jinfetħu l-kafetteriji, ir-ristoranti u anke xi attrazzjonijiet turisti.

More in Politika