Stefan Zrinzo Azzopardi | 100 jum ta' ħidma bla waqfien

'Bla dubju dawn kienu 100 jum, mhux ta’ qamar il-għasel kif tradizzjonalment jissejħu imma ta’ magħmudija tan-nar għall-Gvern Laburista l-ġdid immexxi minn Robert Abela'

L-ewwel mitt jum tal-Gvern immexxi minn Robert Abela fuq bażi personali fisser l-esperjenza ġdida li nservi lil pajjiżna bħala Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej. Tista’ tgħid li matul dan iż-żmien seħħew avvenimenti mingħajr preċedent b’ħidma ma taqta xejn minħabba l-pandemija tal-Covid-19.

Matul dawn il-jiem il-Gvern filwaqt li kompla jwettaq ħidma kbira skont il-pjani tiegħu, kellu jieħu deċiżjonijiet diffiċli izda meħtiega biex iwieġeb għall-isfidi li ġabet magħha din il-Pandemija.

F’dawn l-ewwel mitt jum, qabel faqqgħet il-pandemija, il-Gvern il-ġdid telaq għal għonq it-triq ta’ riformi istituzzjonali kbar li l-pajjiż kien ilu jitkellem dwarhom is-snin u li ħadd ma ażżarda jintroduċi fil-pajjiż. F’waħda mill-ewwel deċiżjonijiet tal-kabinett il-ġdid, twaqqaf il-Kumitat Ministerjali dwar il-Governanza u s-Saltna tad-Dritt immexxi mill-kollega Ministru Edward Zammit Lewis, li fih ħdimt mal-kollegi tiegħi biex fl-iqsar żmien possibbli nagħtu bidu għal dan il-proċess ta’ riformi iggwidati minn dak issuġġerit mill-Kunsill tal-Ewropa permezz tal-Kummissjoni Venezja.

Fi ftit ġimgħat ressaqna fil-Parlament ir-riforma dwar il-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija u issa mistenni li fi ftit taż-żmien ieħor tinħareġ is-sejħa għal din il-ħatra mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku biex mbagħad jiskatta l-proċess tal-iskrutinju Parlamentari tal-persuna magħżula. Il-mod kif se jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid huwa bla preċedent fl-istorja politika tagħna u huwa wkoll fil-linja ta’ dak li talbet il-Kummissjoni Venezja. Dan huwa bidu ta’ programm ta’ riformi fit-tisħiħ tal-korp tal-pulizija.
Il-Kumitat Ministerjali dwar il-Governanza kompla bil-ħidma tiegħu anke f’oqsma oħra bħalma huma dawk tal-ġudikatura u wasalna biex wara konsultazzjonijiet mal-Oppożizzjoni anke qbilna fuq il-metodu l-ġdid għall-ħatra tal-membri tal-ġudikatura u anke dwar kif ser jibda jinħatar il-Prim Imħallef. Għall-ewwel darba wkoll intlaħaq consensus mal-Oppożizzjoni u l-ħatra tal-Prim Imħallef Dr Mark Chetcuti saret bi qbil unanimu.
Waqt li kien għaddej dan ix-xogħol kollu bil-ministri u segretarji parlamentari kollha jsibu saqajhom fid-dekasteri l-ġodda, faqqgħet il-pandemija tal-Coronavirus. Din il-pandemija ġabet magħha realta ġdida fejn il-Gvern kollu, barra x-xogħol li kellu bilfors jibqa’ għaddej, ried jikkonċentra l-isforzi kollha tiegħu l-ewwel lejn il-ħarsien tas-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin kollha u mbagħad lejn il-miżuri li kellhom jittieħdu biex innaqqsu kemm nifilħu l-impatt tal-kriżi ekonomika kbira li din il-pandemija qed iġġib fuq id-dinja kollha.

Il-Gvern kollu kellna nieħdu deċiżjonijiet importanti u mill-aktar meqjusa li bihom, waqt li nħarsu s-saħħa tal-poplu kollu ridna naraw ukoll li ma nwaqqfux ir-ritmu ekonomiku għal kollox. Deċiżjonijiet importanti kienu dawk tal-għeluq tal-iskejjel, tal-ħwienet kollha ta’ oġġetti mhux essenzjali, l-għeluq tal-bars u r-ristoranti u mbagħad meta kien il-waqt, l-għeluq tal-ajruport u l-portijiet. Ħadna deċiżjonijiet importanti li nġibu minn barra minn Malta lil dawk il-Maltin kollha li riedu jiġu lura u issa anke qed ngħinu lill-barranin fostna li jridu jmorru lura lejn pajjiżhom. Riċentament kellna wkoll niddeċiedu li fl-aħjar interess tas-saħħa tal-poplu Malti niddikjaraw il-portijiet tagħna bħala portijiet mhux siguri għaliex m’aħniex f’pożizzjoni, f’dan il-perjodu, li nilqgħu aktar immigranti irregolari f’pajjiżna.

il-Gvern irnexxielu jġib il-finanzi tal-pajjiż tassew fis-sod, b’ekonomija li kienet qed tħalli surplus, dejn imnaqqas għal livelli rekord u b’miljuni ta’ Ewro mfaddlin fil-Fond Nazzjonali għall-Izvilupp Soċjali. Issa huwa ż-żmien li naħsdu l-frott Stefan Zrinzo Azzopardi

Fl-istess waqt kabbarna l-kapaċità tal-isptarijiet tagħna, fosthom fin-numru ta’ sodod għal terapija intensiva biex nilqgħu għal kull eventwalita. Ħadna ħsieb ukoll is-saħħa tal-poplu billi permezz tal-forzi tal-ordni infurzajna l-miżuri u l-kwarantina filwaqt li mijiet ta’ ħaddiema mid-Dipartiment tat-Tindif naddfu mijiet ta’ toroq, bankini u bus shelters.

Ma’ dan l-isforz nazzjonali kollu biex inħarsu s-saħħa tal-poplu, introduċejna wkoll pakkett bla preċedent ta’ għajnuna finanzjarja lill-ħaddiema, familji, negozji żgħar u kbar, fabbriki u lukandi, bil-għan prinċipali li l-għadd ta’ ħaddiema li jitilfu l-impjieg tagħhom jinżammu fl-aktar livelli baxxi. Dan stajna nagħmluh għaliex fl-aħħar seba’ snin, il-Gvern irnexxielu jġib il-finanzi tal-pajjiż tassew fis-sod, b’ekonomija li kienet qed tħalli surplus, dejn imnaqqas għal livelli rekord u b’miljuni ta’ Ewro mfaddlin fil-Fond Nazzjonali għall-Izvilupp Soċjali. Issa huwa ż-żmien li naħsdu l-frott ta’ dan l-għaqal li mxejna bih fl-aħħar seba’ snin.

Bla dubju dawn kienu 100 jum, mhux ta’ qamar il-għasel kif tradizzjonalment jissejħu imma ta’ magħmudija tan-nar għall-Gvern Laburista l-ġdid immexxi minn Robert Abela. Iżda għall-Partit Laburista, l-maltemp qatt ma qatagħlu qalbu. Anzi aktar ma tkun kbira l-isfida, aktar nimtlew bil-kuraġġ u d-determinazzjoni li naħdmu bla serħan biex fl-iqsar żmien possibbli noħorġu minn dan is-saram u nerġgħu naqbdu t-triq tal-progress.

Irridu nħarsu ‘l quddiem b’entużjażmu u ottimiżmu biex inwettqu miżuri biex nibqgħu b’saħħitna kemm fiżikament kif ukoll bħala pajjiż fuq livell ekonomiku. Dan huwa d-dmir ewlieni tagħna lejn il-poplu Malti u Għawdxi kollu.
 

More in Politika