Editorjal | Malta ħanina (ħobża u sardina) .. imma mhux belha!

L-ewwel priorità u obbligu - morali u legali -  hija l-ħajja, it-tieni hija li nużaw kull mezz politiku biex l-UE tqum mill-indifferenza li tinsab rieqda fiha

I
I

Ma nkunux qed neseġeraw jekk ngħidu li l-ġimgħa l-oħra  l-Prim Ministru Robert Abela ffaċċja kritika qalila fuq il-midja soċjali - mhux l-inqas minn ħafna attivisti Laburisti.  Naturalment il-midja soċjali toħloq dik il-bużżieqa u wieħed ma jridx jaħseb illi l-għajjat fuq il-Facebook huwa neċessarjament riflessjoni ta' x'jaħseb il-poplu.  Jidher imma li dwar id-dgħajsa li daħlet Malta bejn Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira, il-Gvern ftit li xejn sab appoġġ.

Naturalment il-PM jagħmel tajjeb illi jiggverna skont dak li huwa ġust, uman, inklussiv u bħala Mexxej Laburista - skont it-twemmin Soċjalista li twieżen lil min hu batut, emarġinat u fil-bżonn inkwantu minn kulur, reliġjon, ġeneru, nazzjonalità, assoċjazzjoni, twemmin politiku u sesswalità.

Sakemm it-tħassib dwar dħul ta' immigranti jibqa' tħassib, u sakemm dan it-tħassib huwa espress b'mod ċivili, ġenwin u raġunat din il-gazzetta ma ssib xejn kuntrarju u ħażin.  Wieħed jifhem illi l-immigrazzjoni f'dan il-punt partikolari  - ta' kriżi ta' saħħa pubblika, kriżi ekonomika u bir-riżorsa mġebbda kif inhi fil-forzi tal-ordni u l-qasam tas-saħħa - mhix ideali.  Wieħed jifhem ukoll li fi żmien meta il-pajjiż għalaq il-fruntieri kollha, li jidħlu nies fil-pajjiż tmur kontra d-direzzjoni ta' fruntieri magħluqa.  Jekk l-fruntieri magħluqa, magħluqa għal kulħadd - teknikament.

Ir-razziżmu huwa ħażin, jixhed injoranza grassa fuq min ixerrdu u juri kemm għad hawn intolleranza lejn nies li l-unika ħtija tagħhom f'għajnejn ħafna huwa l-kulur. Pero jekk nieqfu hemm inkunu superfiċjali

Imma nafu wkoll li ħafna kummenti li saru fuq il-midja soċjali ma kinux ta' tħassib ġenwin, ċivili u raġunat.  Li tgħajjar lil uman ieħor 'żibel', 'annimal', 'imbarazz' u li tixtiqilhom il-mewt jew inkella 'jiena x'jinteressani jekk imutu', hija l-antiteżi ta' ħsieb raġunat u oġġettiv.  Huwa l-antiteżi tal-wens li aħna suppost nemmnu li għandu jingħata l-fqir, iż-żgħir u l-batut.

Dan l-aspett tad-diskussjoni li qamet mhux aċettabbli. Suppost f'dan il-pajjiż hemm unit li jara illi ma jintużax kliem dispreġġjattiv u li ma tinxterdix mibgħeda fuq il-midja soċjali - imma mid-dehra, bħal ħafna affarijiet oħra f'dan il-pajjiż, nagħmlu naqra ħoss fil-bidu għat-taparsi qed nirrispondu għal sitwazzjoni - imbagħad kollox imut fuq ruħ ommu!

Ir-razziżmu huwa ħażin, jixhed injoranza grassa fuq min ixerrdu u juri kemm għad hawn intolleranza lejn nies li l-unika ħtija tagħhom f'għajnejn ħafna huwa l-kulur.

Pero jekk nieqfu hemm inkunu superfiċjali.

Ir-razziżmu huwa ħażin u suppost huwa punibbli b'multa jew aktar.  Imma ejja ma niqfux hemm.

X'se jiġri issa? La jkun hemm dgħajsa mimlija immigranti f'nofs ta' baħar fiż-Żona ta' Tiftix u Salvataġġ ta' Malta, x'se nagħmlu? Ħa nħalluha tegħreq?  Ħa nħallu lin-nies imutu? X'deċiżjoni moralment sana tkun din?

Diġa' kellna allegat każ - miċħud mill-Gvern -  ta' dgħajsa /dingy li għereq.  U la tiġi vera dgħajsa li tkun se tgħereq? 

U allura l-argument ta' ħafna huwa 'mela x'nagħmlu Malta tieħu lil kulħadd?' u dan punt saljenti.

X'qed tagħmel l-Unjoni Ewropea biex tgħin lil pajjiż bħal Malta? Qed tippretendi li kulħadd jagħlaq l-fruntieri ħlief Malta?  Qed tippretendi li jingħalqu l-għajnejn għall-Ġermanja u l-Italja u Malta terfa' r-responsabilità kollha hi? Għaliex?  Għax Kattoliċi?  L-Ewropa kollha Kattolika u Kristjana suppost, speċjalment l-Italja fejn hemm il-Vatikan. Allura Malta trid tkun aqwa mill-Vatikan?

L-argument ta' wħud li Malta għandha tieħu lill-immigranti għax Kattoliċi, bir-rispett kollu, ma jreġix.

Malta għandha tieħu kemm tiflaħ - xejn inqas.  Malta għandha ġġorr ir-responsabilità - imma mhux kollha.  Malta għandha tkun ħanina - kif dejjem kienet tant li hemm espressjoni użata popolarment fit-Tuneżija - 'Malta ħanina, ħobża u sardina!' Imma ħanina, mhux belha!
L-ewwel kunsiderazzjoni għandha tkun il-ħajja u din il-kunsiderazzjoni għandha tkun ta' kulħadd.  Jekk dgħajsa qed tegħreq, jekk immigranti jinsabu f'periklu dawn iridu jiġu salvati. Dak huwa obbligu legali u morali.

Pero, mhux kulħadd jiġbed għalih fl-UE! Ma jistax ikun li Malta taqdi dawn l-obbligazzjonijiet waħedha! U hawnhekk allura jeħtieġ li l-Gvern juża kull għodda possibbli politiċi li tagħtih l-UE.

Naqdu dmirna - legali u morali, insalvaw il-ħajjiet bħala prinċipju bażiku, pero jeħtieġ inkunu b'saħħitna u determinati li naraw illi kulħadd jaqsam il-piż - f'ġieħ is-sewwa

Ejja fiż-żmien li ġej ma nħallux lil min ikun bully ma' pajjiżna.

Naqdu dmirna - legali u morali, insalvaw il-ħajjiet bħala prinċipju bażiku, pero jeħtieġ inkunu b'saħħitna u determinati li naraw illi kulħadd jaqsam il-piż - f'ġieħ is-sewwa.

Din il-kwistjoni hija umana, soċjali u politika. U t-tlieta li huma jeħtieġ jiġu osservati f'livell Ewropew.

Jekk se niqbgħu niddisukutu din l-isfida fuq 'għax kattoliċi' jew 'Viva Robert' jew 'Ara x'għamlilna Robert' jew 'Għax illum il-Ġimgħa l-Kbira' jew agħar minn kollox 'ħalliehom jgherqu' se nibgħqu nduru magħha b'attitudni parrokjali u patetika li mhu se twassalna imkien.

More in Politika