Roberta Metsola | Jimpurtana minn xulxin

Aħna lkoll nistgħu nagħtu l-appoġġ tagħna billi nixtru dak li hu lokali. Dan jista’ jsir b’ħafna modi

Covid19 kien sajjetta fil-bnazzi. Ħoloq problemi ta’ saħħa. Telf ta’ ħajjiet. Imwiet. Problemi ekonomiċi u finanzjarji. Għeluq ta’ negozji u attivita’ kummerċjali. Il-globalizazzjoni ta’ virus ġab iżolament; mhux biss ta’ pajjiżi minn xulxin bit-turiżmu jispiċċa fix-xejn, imma iżolament anki ta’ nies li kienu jgħixu flimkien, familji, qraba li llum ma jistgħux jiltaqgħu. Dak li konna nieħduh bħala ovvju, li noħorġu u nidħlu d-dar, li mmorru f’post pubbliku, li niltaqgħu, li nieħdu b’idejn xulxin, li nagħtu tgħannieqa, illum spiċċa barra minn loku. F’pajjiżna kollox inbidel fi ftit siegħat.

Għalija li dejjem tajt importanza l-laqgħat wiccimbwicc, fid-djar, fil-ħwienet, fl-uffiċċju, inħoss weġgħa oħra. Għalkemm inżomm kuntatt bil-media soċjali b’email, messenger, facebook … xejn ma jieħu post il-kuntatt dirett, fejn verament tħoss il-polz tan-nies, fejn il-weġgħa tan-nies issir il-weġgħa tiegħi, fejn il-ferħ tan-nies isir ukoll is-sodisfazzjon tiegħi.  Ħafna qed jistaqsuni kif qed tagħmlu biex ikomplu jittieħdu d-deċiżjonijiet fil-Parlament Ewropew.

Jekk hemm żmien fejn l-Unjoni Ewropea trid turi f’hiex temmen, għaliex twaqqfet u kemm għandha tgħin hu propju issa. L-Unjoni Ewropea twaqqfet wara t-tieni gwerra dinjija. Pajjiżi Ewropew ingħaqdu flimkien minħabba dak li kien ġara. Illum il-gwerra hi differenti, imma daqstant ieħor irridu nuru li l-Unjoni Ewropea hi strument ta’ għaqda, ta’ valuri, ta’ solidarjeta’ u ta’ rispett. 

Fil-parlament inbidel il-mod kif isiru d-diskussjonijiet u jittieħdu d-deċiżjonjiet fil-Parlament, madanakollu l-ħidma u l-laqgħat baqgħu għaddejjin bl-użu tat-teknoloġija. L-impatt tad-deċiżjonijiet li jittieħdu ma jiddependix minn fejn inkunu meta tkun għaddejja sessjoni tal-Parlament Ewropew jew tal-kumitat parlamentari. Li jgħodd u għandu valur hu x’tip ta’ deċiżjonijiet nieħdu. Irridu nibqgħu nsostnu li l-Unjoni Ewropea hi mibnija fuq valur important ħafna – is-solidarjeta’. Dan il-valur irid jintwera b’aktar saħħa issa li kull pajjiż, l-Ewropa, id-dinja għaddejjin minn sfidi ta’ saħħa, soċjali, ekonomiċi u finanzjarji. Sa din il-ġimgħa stess iltqajna b’mod virtwali biex iddiskutejna r-rispons tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma tas-saħħa u l-ekonomija minħabba dan il-virus. L-Unjoni Ewropea ħabbret pakkett finanzjarju ieħor ta’ €100 biljun f’għajnuniet biex jiġu indirizzati l-isfidi fil-qasam tas-saħħa u fl-ekonomija, partikolarment għall-ħaddiema, is-self-employed u s-sidien ta’ negozji. Sa issa l-fondi allokati għal din l-emerġenza diġa telgħu għal żewġ triljuni. Aħna nibqgħu nagħmlu l-almu kollu tagħna biex Malta tingħata l-għajnuna meħtieġa, tissieħeb u tgawdi fl-inizjattivi li qed jittieħdu biex min għandu bżonn isib l-għajnuna issa u biex inkunu preparati wkoll għal kull tibdil li jkun hemm bżonn, u għal meta l-mod ta’ kif ngħixu terġa’ għan-normal.

L-istess xogħol u volum ta' xogħol mhux biss se nibqa' nagħmlu, iżda se nżidu. Dan mhux żmien ta' waqfa. Għal kuntrarju, irridu naħdmu aktar biex Malta tingħata l-akbar għajnuna possibli.

Nagħtu appoġġ lil dak li hu lokali 

Is-sitwazzjoni preżenti ġabet inċertezza kbira: inċertezza dwar is-saħħa għaliex trid toqgħod b’seba’ għajnejn u inċertezza ekonomika u finanzjarja. Mhux żmien faċli u l-ebda kliem mhu biżżejjed biex isabbar lis-sidien ta’ negozji u min għandu investiment. Kulħadd ikun jixtieq li dak li ħadem u stinka għalih jagħti l-frott. Pajjiżna rebaħ diversi kriżijiet. Magħqudin u bis-sehem ta’ kulħadd nistgħu nirbħu din is-sitwazzjoni wkoll. L-Unjoni Ewropea trid tagħmel il-parti tagħha, il-Gvern ukoll irid jagħmel il-parti tiegħu biex jassigura li l-qafas soċjali jipproteġi u jilqa’ lil min ikollu diffikultajiet u fuq livell ekonomiku tingħata għajnuna immedjata u adekwata biex in-negozji ma jikkrollawx. U meta ma jikkrollawx in-negozji, ma jgħotrux il-ħaddiema. 

Appell li xtaqt naqsam mal-qarrejja hu li dan hu mument importanti biex nagħtu l-appoġġ tagħna lis-sidien ta’ ħwienet, self-employed u sidien ta’ negozji. Dak li ġara għalina bħal sajjetta fil-bnazzi, għalihom hu maltempata qalila. Aħna lkoll nistgħu nagħtu l-appoġġ tagħna billi nixtru dak li hu lokali. Dan jista’ jsir b’ħafna modi. In-negozji f’Malta għarfu jaddattaw ukoll biex jipprovdu prodotti fid-djar. Nistgħu ngħinuhom b’xiri li nagħmlu mingħandhom. Aħna l-Maltin dejjem urejna li aħna jimpurtana minn xulxin. Jeħtieġ li nibqgħu nħaddnu u nipprattikaw dan il-valur.

Grazzi

Irrid li anki permezz ta’ din il-gazzetta nirringrazzja lill-ħaddiema kollha fil-qasam tas-saħħa, lil kull minn qed jipprovdi servizzi u prodotti. Nirringrazzja wkoll lil dawk kollha li qed jaħdmu biex pajjiżna jilqa’ għad-diffikultajiet finanzjarji u ekonomiċi li din il-pandemija qed iġġib magħha. Irridu nagħtu sehemna lkoll biex is-sagrifiċċji ta’ llum ikun hemm fihom is-soluzzjonijiet tal-ġejjieni.

More in Politika