Saviour Balzan | Mela le ... u l-104,000 ħaddiema l-oħra?

Il-problema hi li dan hu pajjiż fejn minn jgħajjat u jsabbat jieħu li jrid.  Min qiegħed hemm u ma jgħid xejn jibqa’ l-art

Rari nikteb hawn.  Jiena qed nikteb hawn għax mhux biss iddisgustat imma mmeraviljat kif il-Gvern ta’ Robert Abela ma ndunax li ħalla 104,000 ħaddiema fil-privat b’ €160 fix-xahar.  

Biex ħadd ma jibda jaħseb li qed nivvinta ara xi tgħid l-annex:  “Full time employees of enterprises in other adversely effected sectors (Annex B), including wholesale, manufacturing and warehousing will be entitled to one day’s salary per week, equivalent to €160 per month. Part-time employees will be eligible to one day’s salary per week, equivalent to €100 per month.”

Jigifieri għax ċertu David Xuereb tal-Kamra tal-kummerċ u Tony Zahra tal-MHRA marrew isabbtu mal-mejda u ħadu li riedu, €800 fix-xahar għal kull min kien impjegat fil-lukandi, kollox sew.  Imbagħad kellna nies bħal Kevin Decesare li lanqas ma ddejqu jippożaw fil-konferenza tal-aħbarijiet. Dawn tinsewx ilhom jgħumu fil-gravy u jieħdu li jridu.

Nistaqsi kemm minnhom ħadu artijiet b’xejn, bajjiet b’xejn, sulari żejda, konċessjonijiet, deferred tax – jiġifieri ma ħallsux it-taxxi u l-bolla.  Alla biss jaf!

Imbagħad l-oħrajn, 104,000 ħaddiema, impjegati mal-privat, dawk iridu jkantaw l-Aida.  Għax l-għorrief ta’ Kastilja daħħlu f’rashom li l-oħrajn huma ċittadini tat-tielet klassi.

Il-problema hi li dan hu pajjiż fejn min jgħajjat u jsabbat jieħu li jrid. Min qiegħed hemm u ma jgħid xejn jibqa’ l-art

Ara per eżempju l-iskejjel privati, dawk l-għalliema dawk mhux bħal tal-Gvern, dawk se jagħtu lezzjonijiet online bilfors u hekk għandu jkun, u l-pagi tal-għalliema fl-iskejjel tal-privat min se jħallashom?

Le, le, dawk privati, mela dawn ifendu għar-rashom. U bħal dan l-eżempju hemm mijiet oħra.

Hemm punt ieħor.  

Jekk din hija kriżi Nazzjonali, għaliex Robert Abela ma jaqbadx u jdur fuq il-ħaddiema tal-Gvern u tal-agenziji fuq ċertu grad u jgħidilhom: “Isma, aħna se nagħmlu sagrifiċċju għal ħutna Maltin u se nieħdu 20% inqas paga.” Ma tarax.

Ghaliex ma jagħmilx windfall tax fuq il-banek bħalma għamel Tony Blair. Tajba il-banek jagħmlu €150 miljun profitt u xorta b’interessi għoljin.

Mela, Joe li jaħdem mal-Gvern jirċievi paga sħiħa, imma Charles li joqgħod bieb ma’ bieb miegħu, jaħdem mal-privat mela jekk jaħdem ma’ tal-lukandi ma hemmx problemi, imma jekk huwa wieħed minn dawk il-104,000 – le dak klassi għalih.

Il-piloti tal-Air Malta, per eżempju qegħdin id-dar, ma jagħmlu xejn u dawn jirċievu paga sħiħa. Se jagħmlu bħall-kollegi tal-British Airways u jieħdu 50% cut?  Il-kumpanija fejn jaħdmu hi l-Air Malta fejn hemm dejn ta’ €90 miljun - sakemm waslet biex tieqaf mill-operazzjonijiet. 

Alla jbierek il-GWU u l-UĦM jew x’inhi, Voice of the Workers, mid-dehra insewhom dawn l-argumenti ta’ solidarjetà.  Għax il-unjins mhux solidarjetà jafu, imma li l-membri tagħhom jieħdu li jridu anke jekk ma ħaqqhomx.

Il-problema hi li dan hu pajjiż fejn min jgħajjat u jsabbat jieħu li jrid.  Min qiegħed hemm u ma jgħid xejn jibqa’ l-art.

Meta tgħaddi din il-pandemija, il-lukandiera se jkollhom l-artijiet, l-bini, il-lokalità.... dawk li bdew negozju bix-xejn, krew, hadu loans, u investew, emmnu fin-new economy ... dawk jistgħu jmorru jintremew.

L-uniku arma li għandi hija l-pinna.  Ħaddiehor għandu arma oħra li mid-dehra twassal aktar.

Viva s-solidarjetà, l-ugwaljanza u s-sens komun.

More in Politika