Carmel Cacopardo | Politika dwar turiżmu sostenibbli

Carmel Cacopardo huwa ċ-ċerpersin tal-Alternattiva Demokratika

L-Awtorità Maltija tat-Turiżmu għadha kif ħabbret li tul l-2019 2.75 miljun turist żaru Malta. Din qabża kbira fuq perjodu ta’ 10 snin. Fl-2010, iċ-ċifra kienet ta’ 1.33 miljun turist. Ġejna infurmati wkoll li t-turisti li żaru Malta tul l-2019, kemm damu fostna, nefqu iktar minn 2.2 biljun ewro, ċifra li taqbeż ir-rekord stabbilit fl-2018.

Dawn numri impressjonanti, sakemm tistaqsi (u jkollok tweġiba għal) mistoqsija bażika. Dan kollu, sostenibbli? 

Xi snin ilu l-Awtorità tat-Turiżmu kienet ikkonkludiet studju li minnu joħroġ li t-turist li jiġi jżurna, ras għal ras, jikkonsma 50% mir-riżorsi iktar minna li noqogħdu hawn. Din l-informazzjoni kont sibtha jien u naqra wieħed mir-rapport dwar il-qagħda ambjentali tal-pajjiż (State of the Environment Report). Fil-qosor, dan ifisser impatt addizzjonali ras għal ras fuq ir-riżorsi li nagħmlu użu minnhom u mhux biss l-ilma u l-elettriku imma wkoll l-iskart iġġenerat, it-trasport, l-art żviluppata u ħafna iktar. 

L-istatistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika tiffoka fuq l-aħbar pożittiva relatata mat-turiżmu lejn Malta. Imma dan kollu xejn ma jispjega l-impatti ġġenerati bħala riżultat. L-istatistika, wara kollox, m’għandhiex dan l-iskop! Mhuwiex xieraq li tiffoka fuq l-aħbar li timpressjona mingħajr ma tfisser u tispjega l-impatti kkawżati biex jintlaħqu dawn ir-riżultati. 

Xi ġimgħat ilu, fuq dawn il-paġni kont iddiskutejt turiżmu li qed jikber iżżejjed (overtourism). Dakinhar kont staqsejt jekk l-impatt ekonomiku tat-turiżmu jiġġustifikax l-effetti soċjali u ambjentali tiegħu. Dak li jiflaħ pajjiżna, jiġifieri dak li nirreferu għalih bħala l-carrying capacity tal-gżejjer Maltin, ċioè n-numru ta’ turisti li għalihom għandna riżorsi adegwati, hu ta’ importanza fundamentali f’din id-diskussjoni. Politika dwar it-turiżmu li dan kollu ma tqisux sewwa hi politka difettuża. 

Julia Farrugia Portelli, Ministru għat-Turiżmu, donnha hi tal-istess ħsieb. Fil-fatt, hi u titkellem dwar iċ-ċifri tat-turiżmu għas-sena 2019 ħabbret li l-abbozz tal-pjan għat-Turiżmu li għandu jwassalna sal-2025 ser ikun ibbażat fuq il-prinċipji ta’ turiżmu sostenibbli, kif ukoll fuq il-kisbiet tas-snin li għaddew. 

Il-viżjoni għat-turiżmu għas-snin li ġejjin tkun waħda werċa jekk ma tagħtix kas tal-impatti soċjali u ambjentali tal-industrija

Jista’ t-turiżmu qatt ikun sostenibbli? Kif bosta minna bla dubju ntebħu, is-sostenibilità hi terminu minn l-iktar abbużat.

Aħna u neżaminaw il-kontribut tat-turiżmu lis-soċjetà Maltija m’għandniex nillimitaw ruħna għad-dħul finanzjarju: għandna nagħtu kas ukoll tal-ispejjeż, mhux biss f’termini ta’ flus imma wkoll l-ispiża soċjali u ambjentali. 

B’żieda mal-eċċessività ta’ riżorsi kkunsmati ras għal ras mit-turisti wieħed għandu jżid mhux biss l-iżvilupp esaġerat tal-art, li għalih it-turiżmu wkoll jagħti sehem mhux żgħir, imma wkoll il-kontribuzzjoni lejn it-tibdil fil-klima mill-industrija tal-avjazzjoni. Din hi materja li ma nistgħux nibqgħu ninjorawha. Bla dubju ser nisimgħu ħafna iktar dwar dan matul il-ġimgħat u x-xhur li ġejjin huwa u jiżviluppa d-dibattitu dwar il-Patt Ġdid Aħdar tal-Unjoni Ewropea (EU Green Deal) ippilotat mill-Kummissarju Frans Timmermanns. Dakinhar nifhmu aħjar dwar kif jaħsbuha dwar is-sostenibilità u l-iżvilupp sostenibbli dawk li jfasslu l-politika.  

Il-viżjoni għat-turiżmu għas-snin li ġejjin tkun waħda werċa jekk ma tagħtix kas tal-impatti soċjali u ambjentali tal-industrija. Dawk li jfasslu l-politika għat-turiżmu għandhom iħarsu lil hinn mid-dħul finanzjarju.  

Lura fl-2008 l-antropologu Katalan Manoel Delgado kien ħoloq it-terminu turistofobia, biża’ mit-turiżmu, terminu li jwassal taħlita ta’ sentimenti ta’ stmerrija, nuqqas ta’ fiduċja u tmaqdir tat-turiżmu. Il-politika dwar it-turiżmu għandha tindirizza dawn l-impatti tat-turiżmu billi tassigura li t-turiżmu jkun limitat u ma jaqbiżx dak li jiflaħ il-pajjiż (carrying capacity). Dan ikun pass tajjeb ’il quddiem għat-turiżmu u jikkuntrasta mal-qagħda xejn sostenibbli li għandna llum.

More in Politika