Editorjal: Il-vapur nieżel u l-Kap idoqq il-vjolin!

F’ġieħ il-partit, f’ġieħ il-pajjiż u f’ġieħek. Itlaq!

Il-Partit Nazzjonalista qed jegħreq, huwa bħal pazjent li issa lanqas l-aktar mediċina preventiva ma tista’ ssalvah minn mewt, mewt tal-mod kif nafuh illum. Il-Partit Nazzjonalista jeħtieġ mhux jirriforma imma jibda mill-bidu.

Lil hinn mill-emozzjoni u l-għamad wieħed irid jistaqsi f’sobrjetà: b’Adrian Delia fit-tmun, il-partit għandu ċans jibda dan il-proċess? Għandu ċans jerġa’ jieħu n-nifs tal-ħajja?  Għandu xi forma ta’ ċans li jressaq partit magħqud u b’saħħtu għal elezzjoni ġenerali? U finalment b’Delia fit-tmun, il-PN għandu ċans ikun partit li jaspira biex tal-inqas jibda jnaqqas dak id-distakk enormi u minimament joffri sfida lill-Gvern Laburista?

Ir-risposti għal dawn il-mistoqsijiet huma l-istess: Le! Delia llum imexxi partit maqsum, forsi mhux uffiċjalment maqsum, imma maqsum. Maqsum ideoloġikament, maqsum fil-ħsieb dwar il-futur, maqsum dwar il-Kap, maqsum dwar l-eks Kap u maqsum dwar l-aktar ħaġa fundamentali: ir-raġuni għall-eżistenza tal-Partit Nazzjonalista.

Din lilek Adrian Delia: nafu li kellek intenzjonijiet tajbin, nafu li ma ħallewkx u naqblu miegħek illi dan mhux ġust. Imma dan kollu u l-irġulija kollha u l-intenzjonijiet tajbin kollha mhumiex se jtellgħu lill-partit mill-fondoq li jinsab fih

Delia issa ilu jmexxi lill-PN sentejn u nofs. Ninsew is-sondaġġi għal mument. F’sentejn Delia ma rnexxilux jagħti direzzjoni lill-partit, ma rnexxilux joħloq idea u twemmin li jgħaqqad il-partit, ma rnexxilux jaspira fiduċja, ma rnexxilux jagħmel gwadann elettorali lanqas fl-eqqel kriżi politika ta’ Gvern Laburista, lanqas bil-qtil politiku ta’ ġurnalista.

Delia fuq kollox ma rnexxilux jgħaqqad il-partit u ma rnexxilux jieħu l-miżuri biex jara li ħadd ma jkun ta’ bastun fir-roti. Huwa veru illi klikka mdaqqsa ta’ Nazzjonalisti, li llum saret il-fehma ta’ ħafna li jivvutaw lill-PN, ma ħallitux jaħdem, huwa vera wkoll li kien hemm min m’aċċettax illi xi ħadd minn barra jisfida l-poteri fil-PN, huwa vera wkoll illi Delia tilef ħafna biex seta’ okkupa din il-kariga.

Però huwa vera wkoll, li bih imexxi l-Oppożizzjoni l-PN se jmur għall-elezzjoni tturufnat, mgħerreq u mdamdam minn ġewwa, se jmur għall-elezzjoni, probabbilment xi ftit kmieni biex Abela joħroġ aktar rebbieħ, b’interessi jiġbdu kontra xulxin, grupp parlamentari mifrud u n-nies f’karigi ġodda li jkunu għadhom qed isibu saqajhom u jippruvaw jibnu xi forma ta’ struttura. Aktar minn kollox il-PN se jmur għal elezzjoni ġenerali b’Kap sfiduċjat mill-Grupp Parlamentari, sfiduċjat mill-persuna li hu poġġa fit-tmun tar-riforma tal-partit u sfiduċjat minn eluf fuq eluf ta’ votanti tradizzjonalment Nazzjonalisti.

Ma ninsewx, Delia diġà ġarrab telfa ta’ 42,656 vot fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, telfa rekord fl-istorja politka filwaqt li tilef bil-kbir l-elezzjonijiet lokali u allura l-kontroll tal-Kunsilli Lokali mal-pajjiż kollu.

Il-PN, bħall-vapur storiku, nieżel u nieżel se jmiss mal-qiegħ, u l-Kap idoqq l-vjolin.

Kuntrarjament għall-impressjoni li ngħatat fuq Xarabank, is-sondaġġi huma l-quċċata tal-problema, mhux il-problema.

Il-problema hija li n-nies ma jridux jafu bil-Partit Nazzjonalista, ħadu grazzja ma’ Robert Abela u kuntenti bl-ewwel deċiżjonijiet tiegħu, ħafna qegħdin komdi taħt il-Labour u biex tgħaxxaq il-PN huwa mifrud f’sitwazzjoni surrealissima fejn is-swar kollha madwar il-kap qed jinżlu, nies qed jaqbżu mill-vapur bħal ġrieden u ħafna nies oħrajn telgħu fuq il-vapur l-ieħor.

 Il-PN, bħall-vapur storiku, nieżel u nieżel se jmiss mal-qiegħ, u l-Kap idoqq l-vjolin.

Din lilek Adrian Delia: nafu li kellek intenzjonijiet tajbin, nafu li ma ħallewkx u naqblu miegħek illi dan mhux ġust. Imma dan kollu u l-irġulija kollha u l-intenzjonijiet tajbin kollha mhumiex se jtellgħu lill-partit mill-fondoq li jinsab fih.

F’ġieħ il-partit, f’ġieħ il-pajjiż u f’ġieħek. Itlaq!

More in Politika