Roberta Metsola | Il-gvern iberbaq flusek

Roberta Metsola hija l-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew

Fil-politika trid dejjem tħares ’il quddiem. Hu inutli li tħares lura biex toqgħod tagħti raġun lilek innifsek. Imma jekk kien hemm billboard fl-aħħar kampanja elettorali li b’mod viżiv kien qaxxar u antiċipa s-sitwazzjoni politika kien dak fejn il-Partit Nazzjonalista wera l-uċuħ ta’ Konrad Mizzi, Joseph Muscat u Keith Schembri bil-kliem Shame on You. 

Din hi klikka li għamlet ħsara kbira lil pajjiżna u lill-poplu Malti. Illum hu ċar li dawn kien hemm rabta bejniethom tant fi li spazju ta’ ftit sigħat waqgħu t-tlieta li huma – wieħed wara l-ieħor. Kienu qishom katina bi tliet ħoloq. Għamlu snin sħaħ jiddefendu lil xulxin imma mbagħad ġie mument meta ħadd minnhom ma salva u kif waqa’ l-ewwel wieħed – Keith Schembri, waqgħu t-tnejn l-oħra warajh – Konrad Mizzi u wara Joseph Muscat. Kienu inseparabbli: jew jibqgħu jsalvaw it-tlieta, jew jaqgħu kollha f’daqqa t-tlieta.

Imma anki fil-mument li bdew jitmermru, bla mistħija ta’ xejn Joseph Muscat baqa’ jiddefendihom. Saħansitra waqt li Keith Schembri waqa’, Joseph Muscat ħareġ jirringrazzjah u jiddefendih b’ruħu u b’ġismu kif kien ilu jagħmel is-snin. Dan kollu juri li dak li nafu sa issa hu biss il-ftit u min jaf x’hemm aktar li għad irid joħroġ. X’jafu t-tlieta li huma dwar xulxin li sa issa għadu mistur? X’għamlu biex bl-azzjonijiet li ħadu ppruvaw li kemm jista’ jkun ma joħroġ xejn?

Ir-rabta ta’ bejniethom kompliet tkun ikkonfermata wkoll bil-kuntratt li ngħata Konrad Mizzi ta’ €80,000 fis-sena. Joseph Muscat kien qal li se jkun Prim Ministru caretaker biex jara li l-amministrazzjoni tibqa’ għaddejja. F’dak il-perjodu kien qiegħed isir u jiġi ffirmat dan il-kuntratt. Kuntratt mogħti lill-persuna li fetaħ kumpanija sigrieta biex jgħaddu l-miljuni, li għabba lill-poplu Malti u Għawdxi b’kontijiet tad-dawl għoljin b’Power Station li hi monument tal-korruzzjoni u li pajjiżna ma kellux bżonnha, u li biegħ l-isptarijiet bix-xejn u waqt li l-poplu qed iħallas ħaddieħor il-miljuni, is-servizz ma tjiebx. X’obbligazzjonijiet kellu u għandu Joseph Muscat lejn Konrad Mizzi u Keith Schembri?

Waqt li l-ħaddiema jridu jaqtgħu bi sninhom għall-paga u jħallsu t-taxxi dovuti, Konrad Mizzi ngħata kuntratt ta’ aktar minn €6,500 fix-xahar. Waqt li s-self employed u min hu fin-negozju qiegħed jimla r-returns tal-VAT, Konrad Mizzi kien qed jistenna l-paga ġejja minn kuntratt skandaluż. Waqt li l-familji kienu qed jirċievu l-kontijiet tad-dawl bl-ogħli mfassla minn Konrad Mizzi, dan tal-aħħar kien qed jistenna li l-kont bankarju tiegħu jiżdied b’€6,500 fix-xahar. Waqt li min hu fl-industrija tat-turiżmu kien qed iħallas il-permessi u l-liċenzja għall-operat legali, Konrad Mizzi għamel kuntratt biex jieħu flushom mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu.

Bidu u tmiem b’kuntratti skandalużi

Joseph Muscat beda l-mandat tiegħu bħala Prim Ministru fl-2013 billi ta kuntratt ta’ €160,000 kull sena lill-mara ta’ Konrad Mizzi u spiċċa l-mandat tiegħu fl-2020 billi ta kuntratt ta’ €80,000 fis-sena lil Konrad Mizzi. Il-poplu għandu jkun jaf x’kien hemm tul il-perjodu kollu bejn dawn iż-żewġ kuntratti mhux biss lil Konrad Mizzi imma kull kuntratt abbużiv li sar minn flus il-poplu.

Il-Partit Nazzjonalista diġà talab li l-kuntratt ta’ Konrad Mizzi jiġi diskuss fil-Parlament. 

Joseph Muscat beda l-mandat tiegħu bħala Prim Ministru fl-2013 billi ta kuntratt ta’ €160,000 kull sena lill-mara ta’ Konrad Mizzi u spiċċa l-mandat tiegħu fl-2020 billi ta kuntratt ta’ €80,000 fis-sena lil Konrad Mizzi

Li l-Gvern waqqa’ l-kuntratt ma jnaqqas xejn mill-gravità u mill-abbuż ta’ dak li sar. Jeħtieġ li ssir investigazzjoni sħiħa fejn l-għanqbuta tal-korruzzjoni tinkixef kollha kemm hi u jittieħdu passi. Bħal dan il-kuntratt jista’ jkun hemm oħrajn, li jridu jitpoġġew taħt il-lenti. Dak li kien ħażin ilbieraħ, għadu ħażin illum u jridu jittieħdu passi. Inkluż billi jitfasslu regolamenti ġodda li jħarsu kontra l-abbużi.

Dan il-Gvern irid jieħu azzjoni

Il-Gvern u l-Pulizija għandhom rapporti f’idejhom li juru l-korruzzjoni u l-abbuż li sar. Il-fatt li nbidel il-Prim Ministru ma jnaqqas xejn mill-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri u l-passi kollha li hemm bżonn. Għall-kuntrarju, ir-responsabbilità hi akbar. Il-piż u r-responsabbilità politika issa hi fuq il-Prim Ministru Robert Abela. 

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsisti li trid tintrefa’ r-responsabbilita politika u legali ta’ dak kollu li sar ħażin, li ssir ġustizzja, li jittieħdu l-azzjonijiet li huma meħtieġa, u li jitressqu n-nies il-Qorti.

Il-Gvern ta’ Muscat kien qiegħed jagħti protezzjoni lin-nies bħal Keith Schembri u Konrad Mizzi. Is-saltna tad-dritt ikkrollat. Hu biss meta nies bħal dawn jitressqu l-Qorti li pajjiżna jerġa’ jibda jittieħed bis-serjetà mill-istituzzjonijiet Ewropej u internazzjonali. Pajjiżna jerġa’ jiġi fuq saqajh meta l-Gvern u l-Pulizija juru bil-fatti li qed jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa favur il-governanza tajba; li l-istituzzjonijiet qed jaħdmu bis-serjetà; u li qed issir ġustizzja. Wara dak kollu li ġara tul it-tmexxija ta’ Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri, ħadd mhu se jagħti l-benefiċċju tad-dubju lil pajjiżna. U dan il-Prim Ministru jrid jirrealizzah ukoll.

Id-deċiżjoni tal-Prim Ministru Robert Abela li jagħmel lil Konrad Mizzi kap tad-delegazzjoni Parlamentari fl-OSCE bagħtet messaġġ ħażin. Possibbli ma antiċipax il-messaġġ wara din il-ħatra. 

Minkejja li l-ħatra ġiet irtirata wara biss ftit siegħat, il-Gvern kien diġà bagħat messaġġ negattiv. Kif qatt seta’ jimmaġina li dan jista’ jirrappreżenta lill-poplu Malti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u favur il-ġustizzja? Sakemm Konrad Mizzi jibqa’ mazra għall-Partit Laburista dik tibqa’ problema interna tal-Partit Laburista imma r-realtà hi li dan, u oħrajn miegħu, huma mazra għal pajjiżna. Il-Prim Ministru għandu jkollu l-kuraġġ politiku li jurihom il-bieb ta’ barra għall-ġid ta’ pajjiżna u tal-poplu Malti u Għawdxi.

More in Politika