Josianne Cutajar | F’idejna l-pinna!

Inkunu inġusti jekk inħarsu biss lejn l-aspetti negattivi ta’ din is-sena

Jgħidu li ġimgħa hija perjodu twil fil-politika. Dan ikkonfermawh il-ġrajjiet li rajna fix-xena politika dan l-aħħar. Il-bidliet li saru – u li għad iridu jsiru – huma kbar. 

Inkunu inġusti, madankollu, jekk inħarsu biss lejn l-aspetti negattivi ta’ din is-sena.  

F’April sellimna lil Marie Louise Coleiro Preca u lqajna lil George Vella bħala President tar-Repubblika – rwol li Vella qiegħed jaqdi bl-aħjar mod grazzi għas-snin twal ta’ esperjenza fid-diplomazija u fl-affarijiet barranin. Bħal Coleiro Preca, il-President il-ġdid qiegħed jirrappreżenta lir-Repubblika tagħna bis-serjetà kollha li jixirqilha. 

F’Mejju mbagħad l-elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali reġgħu wrewna li f’pajjiżna l-attiviżmu politiku fost iż-żgħażagħ għadu ħaj, tant li għadd sabiħ ta’ żgħażagħ ġew eletti għall-ewwel darba fil-Kunsilli rispettivi tagħhom. Minn Mejju ’l hawn dawn is-Sindki, Viċi Sindki u Kunsilliera żgħażagħ bdew juru xi ssarraf tassew l-enerġija żagħżugħa permezz tal-ħidma tagħhom għal-lokal.

Iżda ma nkunx reali jekk ma nsemmix ir-rivelazzjonijiet li ħasduna dan l-aħħar. Ilkoll tħassibna, u mhux ftit

Ippermettuli nżid ma’ din il-mewġa pożittiva l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew li rriżultaw f’erba’ Membri Parlamentari Ewropej għall-Partit Laburista, inkluża jien. Bħala l-ewwel Għawdxija – u l-iżgħar – rappreżentanta eletta, il-fiduċja tal-poplu tonorani u timmotivani biex issa nsarrafha f’ħidma sfieqa favur pajjiżna fil-Parlament Ewropew. 

Iżda ma nkunx reali jekk ma nsemmix ir-rivelazzjonijiet li ħasduna dan l-aħħar. Ilkoll tħassibna, u mhux ftit. Kien hemm sentimenti ta’ diżappunt, xokk, konfużjoni, rabja u dwejjaq. 

 Bl-ebda mod, madankollu, ma rrid inħalli dan jitfa’ dell ikrah fuq ix-xogħol kollu tal-amministrazzjoni Laburista mill-2013 ’l hawn. Ħaġa  ċara li hemm min qiegħed jipprova jnessi l-ġid kollu li sar, iżda aħna li nafu u li għexna dawk il-bidliet ma nistgħux ninsewhom. Dan kien il-Gvern li wara ’l fuq minn għoxrin sena reġa’ poġġa lill-ħaddiem u lill-familji fiċ-ċentru ta’ ħidmietu u li żamm subgħajh fuq il-polz tal-poplu. Ir-rebħiet elettorali ma kinux biss rebħiet għall-Partit Laburista iżda wkoll riflessjoni ta’ dik il-ħidma li ma jista’ jħassarha ħadd. 

 Jixhdu wkoll dak li l-poplu jrid bi ħġaru: Gvern li jisma’, li jkattar il-ġid għal kulħadd, li jsaħħaħ il-ġustizzja soċjali u li jeqred l-inugwaljanza mis-soċjetà tagħna. 

Il-pass li jmiss issa mhu f’idejn ħadd ħliefna d-delegati u l-membri tal-Partit Laburista. Jenħtieġ nagħmlu għażla kruċjali, għażla li se tiddeċiedi d-direzzjoni tal-pajjiż – u tal-Partit

 Għalhekk il-bidliet li jridu jsiru ma jistgħux ifissru li nibdlu kollox bl-iktar mod drastiku bla ma nibnu fuq it-tajjeb li sar. Madankollu għandna nirrikonoxxu li jenħtieġ isiru ċerti bidliet sabiex id-demokrazija tagħna tissaħħaħ – filfatt, dwar dan diġà tkellimt. Irrid nara li jkun hemm attenzjoni ffukata fuq ir-riformi kostituzzjonali li teħtieġ is-sistema legali tagħna. Irrid nara l-onestà, it-trasparenza u l-maturità politika fost kulħadd, mill-iżgħar sal-ogħla wieħed. 

 F’dan il-mument dak li żgur għandu bżonn pajjiżna hu li jerġa’ lura għall-istabbiltà. Kienet proprju dik l-istabbiltà li għamlet possibbli t-tkattir tax-xogħol u l-qabża fil-kwalità tal-ħajja għall-biċċa kbira tal-familji Maltin u Għawdxin. Il-familji tagħna jridu jerġgħu lura għan-normalità u ħaqqhom amministrazzjoni li tagħtihom is-serħan tal-moħħ. Fuq kollox il-poplu ħaqqu dak li vvota għalih fl-2017 u dan għandu jitwassal. Il-mandat ta’ dan il-Gvern huwa b’saħħtu u r-riżultati pożittivi li ngħataw jitkellmu waħidhom. 

 Il-pass li jmiss issa mhu f’idejn ħadd ħliefna d-delegati u l-membri tal-Partit Laburista. Jenħtieġ nagħmlu għażla kruċjali, għażla li se tiddeċiedi d-direzzjoni tal-pajjiż – u tal-Partit – għas-snin li ġejjin. Is-sabiħ tal-Partit Laburista huwa li dejjem jibqa’ miftuħ għat-tiġdid tiegħu stess sabiex jibqa’ jirrappreżenta lill-pajjiż u liċ-ċittadini bl-aqwa mod. 

 Ejjew nixtarru dak kollu li ġara matul is-sena li għaddiet, nitgħallmu mill-ħażin u niftakru fit-tajjeb. Ejjew nieħdu din id-deċiżjoni bl-iktar mod responsabbli possibbli. 

More in Politika