Roberta Metsola | Il-kuntrasti ta’ żewġ kriżijiet

Jenħtieġ li l-Gvern jibda jmexxi bi trasparenza, b’ġustizzja, b’onesta, bil-ħaqq u bis-sewwa u b’kontabbiltà, f’kollox. Pajjiżna jrid isib l-għeruq tal-problema

Il-bidu tad-deċennju li għadu kif spiċċa kien ikkaratterizzat mill-effetti tal-aktar kriżi ekonomika u finanzjarja internazzjonali mill-Great Depression tas-snin tletin. Mexxejja ta’ bosta pajjiżi kienu qed jissieltu kontra istitutzzjonijiet finanzarji jiġġarrfu, eluf ta’ sensji, qgħad dejjem jikber u ekonomiji jiċkienu. Kienet kriżi internazzjonali kbira li għotru taħtha ħafna pajjiżi, anke Ewropej.

Il-kriżi ekonomika u finanzjarja li ġiet minn barra

F’dinja diġà globalizzata, pajjiżna kien intlaqat ukoll minn dik il-kriżi ekonomika u finanzjarja. Dak li jiġri f’pajjiżi oħra, irridu jew ma rridux, illum jolqot lilna wkoll.  Il-Gvern Nazzjonalista kien beda jieħu inizjattivi biex isalva l-impjiegi tal-ħaddiema, fosthom fit-turiżmu u fil-manifattura fejn kien hemm il-periklu li jonqsu l-impjiegi minħabba tnaqqis qawwi fl-attività ekonomika barra minn xtutna. It-tnaqqis fl-ordnijiet iġib miegħu tnaqqis fil-produzzjoni, inqas xogħol għall-ħaddiema u inqas esportazzjoni minn pajjiżna. Il-Gvern kien daħħal skemi apposta biex jgħin lill-investituturi u lill-ħaddiema. Għaraf x’inizjattivi kellu jieħu u x’politika kellu jwettaq biex joħroġ lil pajjiżna mill-kriżi ekonomika u finanzjarja li kienet ġiet imposta fuqu.

Fl-2013 saret l-elezzjoni ġenerali u l-Gvern Laburista ġdid sab pajjiż ħieles mit-toqol tal-kriżi finanzjarja u ekonomika internazzjonali. Sab pajjiż li fost kisbiet oħra kellu lest għalih baġit Ewropew ta’ aktar minn €1.2 biljun li kienu għadu kif ġie nnegozjat mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi.

Kriżijiet f’pajjiżna maħluqa mill-Gvern Laburista stess

Il-kriżi finanzjarja kienet għaddiet imma mbagħad il-Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat ftit ftit beda jdaħħal lil pajjiżna fi kriżijiet oħra.  Kriżi waħda wara l-oħra.  Il-kriżi li intensifikat fl-aħħar xhur u ġimgħat tal-2019 bdiet fl-2013, saħansitra mill-ewwel ġranet tat-tmexxija tal-Prim Ministru Muscat. Fost l-ewwel deċiżjonijiet li ħa neħħa lis-segretarji permanenti tas-servizz pubbliku. Rema snin ta’ esperjenza b’kapriċċ, b’ingratitudni. 

Imbagħad beda joħloq kriżijiet fl-istituzzjonijiet li jipproteġu liċ-ċittadini bit-tneħħija tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-Kap Kmandant tal-Forzi Armati. Għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna l-Ombudsman kellu jdaħħal lill-Gvern il-Qorti. Segwew riżenji mill-FIAU, jiġifieri l-aġenzija governattiva li taħdem kontra l-frodi. L-istituzzjonijiet finanzjarji bdew jonqsu milli jagħmlu xogħolhom. Quddiem dat-tnawwir apposta u l-falliment tal-istituzzjonijiet, rajna l-mafja lokali tieħu r-riedni fil-kuriduri u fl-uffiċċji tal-poter f’Kastilja.

Id-differenza bejn il-kriżijiet tad-deċennju li għadda huma ċari: l-ewwel waħda – il-kriżi finanzjarja – kienet imposta minn barra l-pajjiż; it-tieni waħda – il-kriżi politika u istituzzjonali li saħansitra wasslet għall-qtil faħxi ta’ Daphne Caruana Galizia – kienet kriżi maħluqa u minsuġa mill-poter politiku tal-pajjiż.

Waqt il-kriżi ekonomija u finanzjarja bosta pajjiżi barranin kienu jħarsu lejn kif Malta kienet qed tilqa’ kontra l-mewġ internazzjonali. Il-midja barranija kienet tirrapporta dwar Malta b’mod pożittiv filwaqt li fit-tieni kriżi pajjiżna qed jissemma minħabba r-raġunijiet il-ħżiena u bi stmerrija.

Joseph Muscat abbuża mill-fiduċja u mill-poter

Joseph Muscat qatt ma jista’ jgħid li safa’ vittma ta’ dak li ġara. Ir-responsabbiltà kienet, hija u tibqa’ tiegħu. Kien hu li ddeċieda kif jeżerċita l-poter li fdawh bih in-nies. Abbuża minn dak il-poter. Tradixxa l-fiduċja. Għamel dan b’detriment għall-poplu Malti u Għawdxi u għal pajjiżna kollu kemm hu.

L-effetti negattivi tal-iskandli, tal-abbuż tal-poter u tal-kollass tal-istituzzjonijiet ser jibqgħu magħna fit-tul. Hemm konsegwenzi li ma jistgħu jgħaddu qatt

L-effetti negattivi tal-iskandli, tal-abbuż tal-poter u  tal-kollass tal-istituzzjonijiet ser jibqgħu magħna fit-tul. Hemm konsegwenzi li ma jistgħu jgħaddu qatt. Qabelxejn, kif qatt tista’ ssabbar lir-raġel, lill-ulied, lill-ġenituri u lill-qraba ta’ Daphne Caruana Galizia? 

Il-midja Laburista ta’ Joseph Muscat kif ukoll dawk qrib tiegħu fuq il-mezzi soċjali kienu jattakkaw lil Caruana Galizia b’mod regolari, organizzat, skedat u sistematiku. Issa qed jippretendu li dak li għamlu bħal qisu ma sar qatt. Il-qtil kien beda bl-assassinju tal-karattru tagħha. Il-prezz ħallsitu Daphne Caruana Galizia u mhux Joseph Muscat. Intant il-Prim Ministru jibqa’ jaħseb li jista’ jinsulenta l-intelliġenza tan-nies billi jgħidilhom li l-akbar prezz ħallsu hu.

Neħtieġu azzjoni immedjata

Pajjiżna jeħtieġ azzjoni immedjata. Fi ħmistax oħra f’pajjiżna ser ikollna Prim Ministru ġdid. B’urġenza jenħtieġ li l-istituzzjonijiet jerġgħu jibdew jaħdmu kif suppost billi jipproteġu liċ-ċittadini. Jenħtieġ li l-Gvern jibda jmexxi bi trasparenza, b’ġustizzja, b’onesta, bil-ħaqq u bis-sewwa u b’kontabbiltà, f’kollox. Pajjiżna jrid isib l-għeruq tal-problema.

Dak li żara’ Joseph Muscat kabbar frott ħażin ħafna fl-istutuzzjonijiet u fis-sistema politika f’pajjiżna.

Dan kollu l-oppożizzjoni diġà għamlitu ċar, anke billi ppubblikat dokumenti bi proposti konkreti dwar x’għandu jsir. Il-Gvern ma jistax ikompli jtellef aktar żmien lil pajjiżna. Ma jistax jibqa’ jittratieni billi jkompli jipproteġi lill-kriminali u lill-korrotti. 
Pajjiżna għatxan għal tmexxija serja.

More in Politika