Stennija kbira fil-Labour għall-kap il-ġdid tal-PN

Alex Borg f’għajnejn Robert Abela u l-PL huwa aktar avversarju perikoluż minn Adrian Delia 

Hemm stennija kbira fil-kamp Laburista għall-eżitu tar-riżultat aħħari tal-elezzjoni għall-kap tal-Partit Nazzjonalista. Jidher ċar li aktar diriġenti Laburisti jixtiequ li l-għażla tkun ta’ Adrian Delia li kien l-Eks Kap tal-PN qabel ma ġie dekapitat minn sħabu stess. Anke Robert Abela kieku jippreferi lil Delia, għax minkejja li huwa jaf jitkellem aħjar minn Alex Borg, għandu gwardarobba difetti li jistgħu jservu tajjeb lil Abela f’kampanja elettorali. 

 

Min-naħa l-oħra, Alex Borg ‘qisu’ — skont diriġenti għoljin tal-Labour — ‘papra’ għax l-ilma sempliċement jiżloq minn fuqu u xejn ma jeħel. Militanti Laburisti anke jwissu li Borg huwa kkunsidrat pożittivament minn ħafna Laburisti u l-istil moderat tiegħu jagħmilha diffiċli li jiġi kkritikat. 

Imma l-ikbar biża’ fil-kamp Laburista mhumiex Delia u Borg imma kif dan kollu se jinfluwenza lil Robert Abela. Hemm biża’ li l-għażla ta’ Borg tista’ twassal biex Abela jikkunsidra elezzjoni bikrija. Ħafna li kellmuna qalulna li dan ikun żball kbir. Dan għaliex Alex Borg, jekk jirbaħ, ikun għadu fil-perjodu tal-honeymoon u bħalissa hemm stima kbira għalih mill-elettorat li huwa diżilluż jew għajjien mil-Labour.  

“Robert Abela meta tpoġġih maġenb Alex Borg jirbaħ hands down bla dubju ta’ xejn,” qalilna diriġent ewlieni li jkun fiċ-ċrieki ta’ Robert Abela. Kompla jargumenta li Abela għandu jkollu l-paċenzja li jħalli lil Alex juri kemm hu politikament limitat. 

Min-naħa l-oħra, it-tim ta’ Alex Borg huwa ħerqan juri li Borg għandu tim formidabbli u li jista’ jrebbaħ lill-PN. Minkejja l-fatt li ħafna mill-hekk imsejħa blue heroes u n-nies ta’ Daphne, ta’ Metsola u tar-Repubblika huma ironikament fil-kamp ta’ Adrian Delia. 

Minkejja li s-sondaġġi interni qed juru li m’hemmx ċertezza assoluta min se jkun il-favorit mat-tesserati, hemm sinjali indikati li Borg għandu vantaġġ żgħir fuq Delia mat-tesserati. Aktarx xprunati mill-aħħar sondaġġi pubbliċi ppubblikati b’mod esklussiv mill-MaltaToday li juru li l-pubbliku jaħseb li Borg iktar jista’ jqarreb il-PN lejn il-Labour fl-elezzjoni ġenerali li jmiss milli Delia. 

Aktar sinifikanti — bħalma qalulna bosta uffiċjali tal-Labour — insibu li hemm aktar Laburisti li jiffansjaw lil Borg, u dik verament hija raġuni valida li għandha tinkwieta lil Robert Abela u l-partit tiegħu. 

More in Politika