Chloë Cauchi | Il-Vot16 u l-emanċipazzjoni taż-żgħażagħ

​Chloë Cauchi hija membru tal-bord tal-European Youth Forum. Chloë għandha 22 sena u bdiet fix-xena tal-attiviżmu għaxar snin ilu ġewwa Għawdex.  

Iż-żgħażagħ għandu jkollhom leħen fid-deċiżjonijiet li jifformaw ħajjithom, u dan jinkludi d-dritt tal-vot. Id-diskussjoni fuq l-età tal-votazzjoni ilha li bdiet, iżda f’dawn l-aħħar ftit xhur, ninnotaw kif madwar il-kontinent Ewropej ħadet spinta ’l quddiem. Għalhekk il-European Youth Forum, bħala l-akbar pjattaforma b’aktar minn 100 organizzazzjoni taż-żgħażagħ fl-Ewropa, u li tirrappreżenta d-diversità taż-żgħażagħ u li tippromovi d-drittijiet tagħhom fid-demokrazija, ilha tikkampanja biex l-età tal-votazzjoni għandha titbaxxa madwar il-kontinent kollu.  

F’Ewropa fejn iż-żgħażagħ għadhom ħafna drabi jitqiesu bħala ċ-ċittadini tal-futur u mhux tal-lum, il-kampanja attwali tal-European Youth Forum issaqsi mistoqsija sempliċi: “X’inhi d-demokrazija mingħajrna” (What is democracy without young people?)  

 

X’inhi l-problema fl-Ewropa?  

Madwar l-Ewropa, il-fiduċja fid-demokrazija qed tonqos. In-numru t’individwi li jemmnu li l-politikanti mhumiex kapaċi li jindirizzaw l-aktar kwistjonijiet urġenti qed jiżdied, u saħansitra fiż-żgħażagħ, dan in-numru huwa aktar evidenti. L-inviżibbiltà taż-żgħażagħ fis-sistemi demokratiċi twassal f’nuqqas ta’ fiduċja fl-istituzzjonijiet u fil-mexxejja politiċi speċjalment f’dawk iż-żgħażagħ li huma taħt l-età tal-vot.  

Meta ż-żgħażagħ jiġu eskluża mill-ħajja politika, issir ħafna aktar diffiċli li dik il-fiduċja tinbena mill-ġdid u din l-esklużjoni tispiċċa twassal għal parteċipazzjoni baxxa fil-first-time voters u nuqqas t’involviment ġenerali fil-politika. U dan huwa l-għan tal-kampanja tal-European Youth Forum, li tagħti l-viżibbiltà lil dawk li qegħdin jiġu injorati fil-politika billi tagħti d-dritt tal-vot lil aktar nies.  

 

Il-Vot16 u x’jirrappreżenta  

It-tnaqqis tal-età tal-vot għal 16 huwa mod ċar ta’ kif terġa’ tinbena mill-ġdid il-fiduċja u tiġi promossa l-inklużjoni. Dan jibgħat messaġġ ċar: li ż-żgħażagħ mhumiex ħsieb sekondarju iżda li huma parti essenzjali minn demokrazija.  

Li d-dritt tal-vot jingħata lil dawk ta’ sittax u sbatax-il sena mhuwiex biss dwar l-età. Huwa dwar l-inklużjoni, il-viżibbiltà, u l-kultivazzjoni ta’ drawwiet demokratiċi fit-tul mill-iżgħar età possibbli. Ir-riċerka turi li aktar ma persuna tivvota kmieni f’ħajjitha, speċjalment waqt li tkun għadha fl-iskola jew f’ambjent stabbli, iktar hemm ċans li tibqa’ tivvota tul ħajjitha kollha.  

Pereżempju, ġewwa l-Awstrija, l-ewwel pajjiż li naqqas l-età tal-vot għal 16 fl-2007 għall-elezzjonijiet kollha, uriet riżultati pożittivi fir-rata ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ. Fl-elezzjonijiet nazzjonali tal-2013, ir-rata ta’ votazzjoni fost dawk ta’ 16 u 17-il sena kienet ogħla minn dik ta’ dawk bejn 18 u 20 sena. Bl-istess mod, kienet ogħla minn dik ta’ votanti għall-ewwel darba f’etajiet ogħla.  

Vot16 mhux biss isaħħaħ l-individwu, iżda jsaħħaħ ukoll id-demokrazija u s-soċjetà kollha kemm hi.  

L-isforzi tal-European Youth Forum biex il-Vot16 jiġi introdott f’pajjiżi oħra Ewropej  

F’Malta, diġà sar pass importanti ’l quddiem billi tnaqqset l-età tal-vot għal 16-il sena, li jirrikonoxxi li ż-żgħażagħ mhumiex biss il-futur tad-demokrazija, iżda wkoll il-preżent tagħha. Madankollu, ħafna pajjiżi Ewropej għadhom lura meta mqabbla ma’ Malta u pajjiżi oħrajn li naqqsu l-età tal-votazzjoni bħall-Awstrija, il-Ġermanja u l-Belġju, (l-aħħar żewġ pajjiżi għandhom Vot16 kemm f’livell reġjonali u lokali).  

Il-European Youth Forum ilu jikkampanja biex titnaqqas l-età tal-votazzjoni fil-pajjiżi kollha tal-Ewropa, u għall-elezzjonijiet kollha: lokali, nazzjonali, u Ewropej. L-aħħar sforz tiegħu, il-kampanja “What is democracy without us?”, hija sejħa biex nimmaġinaw mill-ġdid demokrazija tassew inklużiva, fejn dawk inviżibbli jsiru viżibbli — b’mod partikolari ż-żgħażagħ.  

B’mod partikolari, il-European Youth Forum jappoġġa lill-organizzazzjonijiet membri tiegħu fil-kampanji nazzjonali. Riċentement, il-Kamra tar-Rappreżentanti ta’ Ċipru approvat emendi li jbaxxu l-età tal-vot għal 17. Ir-riforma tinkludi wkoll reġistrazzjoni awtomatika tal-votanti.  

Il-Kunsill taż-Żgħażagħ ta’ Ċipru (CYC) iċċelebra dawn il-bidliet u saħaq fuq il-ħtieġa għal edukazzjoni ċivika aktar b’saħħitha biex jiġi żgurat li l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ tkun sinifikanti u infurmata.  

Bl-istess mod, f’Lulju 2025, il-Gvern tar-Renju Unit ħabbar li dawk ta’ 16 u 17-il sena se jingħataw id-dritt jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali kollha — riforma importanti deskritta bħala l-akbar bidla fid-demokrazija tar-Renju Unit f’din il-ġenerazzjoni. Dan il-pass storiku huwa r-riżultat ta’ snin ta’ kampanji mill-British Youth Council (BYC) u attivisti żgħażagħ madwar il-pajjiż. Dan huwa pass sinifikanti lejn drittijiet akbar għaż-żgħażagħ, u jallinja lir-Renju Unit ma’ pajjiżi oħra li qed jimxu lejn sistemi demokratiċi aktar inklużivi.  

Għalkemm ir-riformi nazzjonali huma essenzjali, l-azzjoni fil-livell tal-UE hija daqstant kruċjali. L-inizjattivi tagħna jinkludu wkoll l-appoġġ għal inklużjoni ta’ età tal-vot aktar baxxa fl-Att Elettorali tal-UE. Din il-miżura hija proposta flimkien ma’ riformi oħra bħal l-abbiltà li tkun tistaa’ tivvota fl-ambaxxati tal-pajjiż, kollha intiżi biex isaħħu l-involviment taż-żgħażagħ fil-proċessi demokratiċi permezz tad-dritt tal-vot. Dawn ir-riformi huma essenzjali biex jitneħħew l-ostakli strutturali li jaffaċċjaw iż-żgħażagħ, b’mod partikolari dawk li jgħixu barra minn pajjiżhom, f’żoni rurali, jew f’sitwazzjonijiet prekarji.  

 

Konklużjoni 

It-tnaqqis tal-età tal-vot mhux simboliku biss. Huwa pass konkret u bbażat fuq l-evidenza lejn saħħa demokratika akbar, fiduċja mibnija mill-ġdid bejn iż-żgħażagħ u l-istituzzjonijiet, u politika aktar rappreżentattiva u inklużiva għaż-żgħażagħ tal-lum.  

 

More in Politika