Editorjal | Il-Prim Ministru l-ġdid jeħtieġ ...

'... dawk li fetħu kumpaniji fil-Panama u partikolarment dawk implikati b'xi mod fi qtil ta' ġurnalista lanqas jidħlu ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista m’għandhom jitħallew, aħseb u ara Kastilja'

Joseph Muscat, ma' Fearne u Abela kandidati għat-tmexxija tal-Partit Laburista | Ritratt James Bianchi/ILLUM
Joseph Muscat, ma' Fearne u Abela kandidati għat-tmexxija tal-Partit Laburista | Ritratt James Bianchi/ILLUM

Qed ngħixu żminijiet koroh. Isimna jinsab imċappas ma’ kull kantuniera tad-dinja. Dan huwa l-iktar punt baxx li qatt messejna. Dak kollu li ħadem għalih il-Partit Laburista u l-ġid kollu li sar fl-aħħar sitt snin jinsabu mhedda taħt din is-sħaba sewda u maħmuġa. Dan huwa tmiem inglorjuż u ċertament mhux mixtieq għal politiku li tant beda b’enerġija u determinazzjoni; Joseph Muscat

Dawn huma fatti li tarahom kif tarahom ma jistgħu jinbidlu qatt u ftit jistgħu jingħataw kuluri u sfumaturi. Imma għall-magħmul, ikrah kemm jista’ jkun ikrah, m’hemmx kunsill u jkun ta’ xejn li nużaw dan l-ispazju biex noqogħdu neqirdu fuq il-kwistjoni kurrenti tal-pajjiż.

X’hemm bżonn isir biex noħorġu minn din il-kriżi u naraw li ma nerġgħux nidħlu f’oħra bħalha? 

L-ewwel nett il-Partit Laburista jeħtieġ jagħmel għażla tajba. Għażla ta’ persuna, l-ewwel u qabel kollox nadifa u li għandha l-kuraġġ tnaddaf il-qiegħa maħmuġa li ninsabu fiha. Li tkeċċi li min għandha bżonn tkeċċi u tnaddaf l-għanqbut u tneħħi l-mistoqsijiet, imdendlin fuq il-Gvern bħal xabla. 

Min kien parti diretta minn din is-seħta li waqgħet fuq pajjiżna u fuq il-Partit Laburista, speċjalment dawk li fetħu kumpaniji fil-Panama, lanqas jidħlu ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista m’għandhom jitħallew, aħseb u ara Kastilja. 

Mexxej ġdid jeħtieġ ikun ukoll kariżmatiku biżżejjed biex ikompli jiġbed l-ammirazzjoni tal-poplu u jitħalla jlesti l-proġett ‘Malta Tagħna Lkoll’.

Imma apparti minn hekk irid ikun lest jagħmel bidliet reali u jitlef mill-poter. 

Għażla ta’ persuna, l-ewwel u qabel kollox nadifa u li għandha l-kuraġġ tnaddaf il-qiegħa maħmuġa li ninsabu fiha. Li tkeċċi li min għandha bżonn tkeċċi u tnaddaf l-għanqbut u tneħħi l-mistoqsijiet, imdendlin fuq il-Gvern bħal xabla

Prim Ministru ġdid għandu jkun lest jerħi minn idejh, il-poter assolut li sal-lum jagħtih id-dritt li jagħżel Kummissarju tal-Pulizija u jwiegħed li jiddiskuti din il-ħatra mal-Oppożizzjoni b’serjetà. Jekk hemm bżonn jasal għal qbil illi Kummissarju tal-Pulizija u jekk hemm bżonn tal-Forzi tal-Ordni għandhom ikunu maħturin b’żewġ terzi tal-Parlament. 

Irridu akkost ta’ kollox nevitaw li jerġa’ jkollna Kummissarju ppolitiċizzat u b’tant dubji, daqs kemm kellna dawn l-aħħar ftit. Jeħtieġ li Kummissarju tal-Pulizija jkun ’il fuq minn kull dubju.

Prim Ministru ġdid għandu jara wkoll li jerħi kemm jista’ jekk mhux kompletament mill-proċess tal-għażla tal-Maġistrati u l-proċess ta’ promozzjoni tal-ġudikatura. Mill-ġdid, dan jgħin ħafna biex din l-istituzzjoni importanti tkun tidher li hija verament u kompletament ħielsa u ’l fuq minn kull dubju. 

Prim Ministru ġdid jeħtieġ jerġa’ jibni l-pontijiet ta’ fiduċja mal-media, fiduċja li llum hija mkissra u mfarrka grazzi għall-qtil ta’ ġurnalista, il-paranoja li ħakmet lil bosta fil-qalba tal-Gvern u r-reżistenza għall-kritika, anke dik kostruttiva. Il-Prim Ministru jrid dejjem jidher li qed jitratta lill-media kollha l-istess. 

Prim Ministru ġdid jeħtieġ ikollu l-ħeġġa u d-determinazzjoni li jfejjaq il-ġerħa kbira li għandu l-pajjiż ta’ intolleranza u polarizzazzjoni u jkun verament Prim Ministru ta’ kulħadd, anke ta’ dawk li ma jriduhx. 

Il-Prim Ministru l-ġdid jeħtieġ imur barra minn xtutna u bl-arti tal-persważjoni jnaddaf isem Malta u isem il-Maltin

Prim Ministru ġdid jeħtieġ jara li ssir il-ġustizzja ma’ Daphne Caruana Galizia u l-familja tagħha u jiffaċċja dik il-ġustizzja jkun min ikun, u jkunu xi jkunu r-riperkussjonijiet. 

Prim Ministru ġdid jeħtieġ jirrispetta lin-negozju u jaħdem biex dan jiffjorixxi u kull min għandu idea jkun jista’ jwettaqha. Imma li ma jaċċetta qatt u qatt li n-negozju jsir il-Gvern u l-Gvern isir negozju. 

U finalment il-Prim Ministru l-ġdid jeħtieġ imur barra minn xtutna u bl-arti tal-persważjoni jnaddaf isem Malta u isem il-Maltin. 

Prim Ministru ġdid jeħtieġ jagħtina l-vera staġun politiku ġdid, għal Malta tagħna lkoll, fl-aqwa żmien. 

More in Politika