Miriam Dalli | 10 snin ċans

Biex nindirizzaw dan irridu nibdlu u ninbidlu biex minn ekonomija tradizzjonali mmorru għal waħda aktar sostenibbli

Fl-aħħar jiem żgur li smajt dwar il-miljuni li ngħaqdu fi strajk globali favur azzjoni biex niġġieldu l-impatt tat-tibdil fil-klima. 

Huwa żvilupp pożittiv li mexxejja ta’ pajjiżi differenti qed jgħidu li jridu jindirizzaw it-Tibdil fil-Klima. Kont fi New York għas-summit dwar it-Tibdil fil-Klima, niddiskuti u nipparteċipa f’dibattiti differenti dwar x’qed jiġri u x’nistgħu nagħmlu.

Imma li l-mexxejja jitkellmu biss mhux biżżejjed. Ma fadlilniex aktar ħin x’naħlu. Għandna 10 snin ċans biex nikkontrollaw il-klima u nevitaw effetti diżastrużi. Bħala Membru Parlamentari Ewropew ħdimt - u se nkompli naħdem - fuq politika li tindirizza l-ambjent kemm fiżiku u dak naturali. 

L-Unjoni Ewropea trid tieħu t-tmun f’idejha fil-qasam tal-klima. Dan aktar u aktar meta wieħed jikkunsidra l-pożizzjoni tal-Istati Uniti, l-iżviluppi fil-Brażil u aktar. L-Istati Membri kollha kemm huma, inkluż pajjiżna jridu jagħmlu l-parti tagħhom.

L-emissjonijiet fl-Ewropa jridu jonqsu b’55% sal-2030 biex ikollna ekonomija newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju qabel l-2050. Din se tkun trasformazzjoni kbira għas-soċjetà tagħna u għalhekk trid issir b’mod ġust u sostenibbli.

Il-Maltin u l-Għawdxin huma kkonċernati biż-żieda fit-temperatura tal-klima. Stħarriġ tal-Euro Barometer juri li l-maġġoranza assoluta ta’ dawk li pparteċipaw jqisu din bħala problema ‘serja ħafna’. Jidher ukoll li l-għarfien qalb il-Maltin qed ikompli jiżdied meta mqabbel mas-snin ta’ qabel. 

Il-Gvern Laburista qed jisħaq li l-politika fis-snin li ġejjin se tkun immirata lejn il-bilanċ bejn il-protezzjoni ambjentali u l-iżvilupp ekonomiku

Bir-raġun: it-tibdil fil-klima jaffettwa ħafna oqsma oħra. Problemi bħalma huma temperaturi estremi, nuqqas ta’ riżorsi ta’ ilma u għarar fost oħrajn, jippreżentaw lill-gżejjer Maltin u Għawdxin bi sfidi differenti, anke fejn jidħlu l-agrikoltura, is-saħħa, it-turiżmu u l-ekonomija. 

Biex nindirizzaw dan irridu nibdlu u ninbidlu biex minn ekonomija tradizzjonali mmorru għal waħda aktar sostenibbli. Irridu ninċentivaw imġiba sostenibbli li twassal biex nilħqu miri stabbiliti, inkluż trasport aktar nadif fis-setturi kollha; fit-toroq, fl-avjazzjoni u fis-settur marittimu. 

Għandhom l-irwol importanti li l-intrapriżi żgħar u medji, anke permezz ta’ servizzi u prodotti li jipprovdu u li jkunu aktar ekoloġiċi. Jien nemmen li biex nindirizzaw problemi kbar jagħmlu differenza kbira soluzzjonjiet żgħar li ġejjin mill-għeruq.

Hemm min iħares lejn it-tibdil li għandu jsir bħala piż finanzjarju. Jien nemmen li din hi opportunità għal mudell ekonomiku ġdid li jinċentiva komunitajiet sostenibbli, l-innovazzjoni, industrija aktar nadifa u infrastruttura aħjar. 

Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, f’Malta l-aktar żewġ oqsma li jikkontribwixxu għall-emissjonijiet huma s-settur tal-enerġija u t-trasport. Iżda l-istatistika turi wkoll li, tul perjodu ta’ 10 snin, l-emissjonijiet mill-industriji tal-enerġija naqsu b’aktar min-nofs. Dan grazzi għall-bidla li saret mill-heavy fuel oil għall-gass, u l-użu tal-interconnector. 

Irrid inkomplu nibnu fuq din il-mentalità ta’ sostenibbiltà. 

Irridu nimbuttaw impenji ambizzjużi dwar infrastruttura li tilqa’ għat-tibdil fil-klima u li ma tiġġenerax aktar ħsara, b’mod partikolari t-trasport fit-toroq tagħna, il-bini, l-ilma u s-sistemi tal-iskart. Irridu nħarsu lejn l-ekosistemi naturali, naħsbu f’agrikoltura intelliġenti u sistemi tal-ikel sostenibbli.

F’pajjiżna ta’ spiss ikollna konferenzi internazzjonali li jiffukaw fuq it-teknoloġija, l-ekonomija diġitali u kif din tista’ tiġi applikata f’oqsma u setturi differenti. It-teknoloġija qiegħda hemm: qed tiġi studjata u qed tiġi żviluppata b’mod mgħaġġel. Din hija opportunità li ma nistgħux nitilfu.

Għalhekk nisħaq dwar bidla fil-ħsieb: jekk qed inħarsu lejn trasport aktar nadif, irid ikollna s-sistema li tappoġġja dan; jekk it-temperaturi qegħdin jinbidlu, irridu naħsbu għal dan anke billi jkollna aktar afforestazzjoni, irridu niffrankaw fil-konsum tal-enerġija, irridu noqogħdu attenti kif nibnu u x’materjal jintuża.

Waqt li kont qed naqra d-dokument maħruġ mill-Gvern dwar il-Baġit 2020 għal konsultazzjoni, ħadt gost nara li l-Gvern qiegħed jagħti kas l-ambjent. Il-Gvern Laburista qed jisħaq li l-politika fis-snin li ġejjin se tkun immirata lejn il-bilanċ bejn il-protezzjoni ambjentali u l-iżvilupp ekonomiku. Dan huwa importanti. L-ambjent u l-ekonomija għandhom ikunu żewġ ħoloq tal-istess katina. 

Fix-xhur li ġejjin u fil-futur qrib, il-Gvern qed jimpenja ruħu li jmexxi b’mod attiv fil-kisba ta’ standards ambjentali ogħla u aħjar.

Dwar is-sostenibbiltà fl-immaniġġjar tal-enerġija u l-ilma, il-Gvern qed jgħid li se jkompli jappoġġja lil dawk li jinvestu f’sistemi effiċjenti u enerġija rinnovabbli. Fl-istess ħin se titkompla l-ħidma biex l-ilma tal-vit ikun ta’ kwalità.

Dan id-dokument jindika li l-Gvern irid li t-tkabbir ekonomiku jkun inklussiv, fejn il-gwadann ekonomiku jitqassam b’mod ġust fost setturi differenti bħalma huma s-saħħa, l-edukazzjoni, il-protezzjoni soċjali u l-ambjent. Dan kollu, flimkien mal-iżviluppi teknoloġiċi, it-tibdil fil-klima, u l-bidliet demografiċi, jitolbu li nkomplu nsostnu riformi strutturali.

L-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp huwa neċessarju.

Ma nistax nisħaq biżżejjed kemm huwa importanti li l-azzjoni politika fil-qasam tal-bidla fil-klima ma titqies biss bħala mezz biex tiġi indirizzata problema, iżda pjuttost, l-azzjoni dwar il-klima għandha titqies bħala opportunità biex intejbu u saħansitra nsalvaw il-qasam soċjali, ekonomiku u ambjentali u l-impjiegi tagħna bħala Maltin, Ewropej u ċittadini ta’ din id-dinja

Għalija t-Tibdil fil-Kilma hija l-akbar sfida quddiema. Taffettwa l-ambjent, l-agrikolutra, l-ilma, is-saħħa, l-ikel, l-ekonomija, l-industrija, it-turiżmu u l-ugwaljanza.

Żieda fit-temperatura tista' twassal għal bidliet fiċ-ċiklu tal-ħajja tal-ispeċi tal-baħar. Il-preżenza ta' speċi tal-baħar li mhumiex indiġeni Maltin diġà ġew identifikati fl-ilmijiet lokali u ġiet attribwita l-aktar għax-xejra ġenerali fiż-żieda tat-temperatura tal-Mediterran, għal żieda fit-traffiku fil-baħar u attivitajiet tal-akkwakultura.

Iż-żieda fil-livell tal-baħar jista' jkollha konsegwenzi koroh għall-kosta Maltija. 

Ma nistax nisħaq biżżejjed kemm huwa importanti li l-azzjoni politika fil-qasam tal-bidla fil-klima ma titqies biss bħala mezz biex tiġi indirizzata problema, iżda pjuttost, l-azzjoni dwar il-klima għandha titqies bħala opportunità biex intejbu u saħansitra nsalvaw il-qasam soċjali, ekonomiku u ambjentali u l-impjiegi tagħna bħala Maltin, Ewropej u ċittadini ta’ din id-dinja. 

Miriam Dalli hija l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew

More in Politika