Owen Bonnici | Aktar xogħol għal Malta aħjar

Il-Ministru għall-Kultura dwar l-aħħar xogħlijiet ta' restawr f'diversi siti ta' patrimonju nazzjonali u internazzjonali

Żjara li għamilt din il-ġimgħa kienet interessanti ferm, apparti li rajt dak li qed isir fil-Palazz tal-Gran Mastri fil-Belt Valletta, biex dan jingħata lura lill-poplu. Dan huwa xogħolna, li nkomplu nistinkaw mingħajr waqfien biex apparti li nkabbru l-għarfien tal-wirt kulturali tagħna, inwassluh permezz ta’ restawr, biex jitgawda mill-ġenerazzjonijiet futuri.

Dan huwa proġett ta’ €10 miljun, li fil-maġġoranza tiegħu huwa ffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, u għandu l-għan li jġib il-prestiġju u l-grandjożità ta’ din il-binja storika lura għall-glorja tiegħu. B’hekk ikun jista’ joffri esperjenza eċċezzjonali għall-viżitaturi tiegħu.

Ir-restawr estensiv huwa ppjanat li jirrifletti l-importanza ta’ din il-binja storika, kif ukoll l-oriġinalità tagħha. Hemm żoni estensivi li qabel qatt ma kienu aċċessibbli, li permezz ta’ dan ix-xogħol kollu se jkunu disponibbli għall-pubbliku. Intenni li dan kollu jikkumplimenta l-approċċ ħolistiku tagħna biex nagħmlu l-arti u l-kultura aktar aċċessibbli, b’mod li nkomplu nissodisfaw b’suċċess l-istrateġija kulturali tagħna.

Għaddej ħafna xogħol fil-Palazz. S’issa x-xogħol beda fuq is-soqfa tal-kurituri tal-Palazz u fuq sett ta’ 19-il lunetta li kienu fi stat ħażin ħafna ta’ konservazzjoni. Sitta minnhom diġà ġew irrestawrati. It-tender tax-xogħlijiet infrastrutturali prinċipali wkoll ġie ppubblikat u għandu jingħata sal-aħħar ta’ din is-sena.

Il-parti li għandha bżonn l-aktar xogħol hija fejn hemm l-uffiċini li bħalissa qegħdin jintużaw mill-Avukat Ġenerali. Meta dawn jiġu vakati u rrestawrati, se jinbidlu f’ċentru ta’ informazzjoni għall-viżitaturi, biex dawn jingħataw dehra ġenerali tal-Palazz u l-faċilitajiet l-oħra tal-binja.

Il-proġett jinkludi wkoll li l-Armerija tal-Palazz titla’ lura fil-post oriġinali fl-ewwel sular, li sa ftit żmien ilu kienet tospita l-Parlament.

Ir-restawr se jiffoka wkoll fuq il-pitturi li hemm fil-kurituri u mas-soqfa tal-Palazz. L-art tal-irħam se tissewwa u s-swali se jiġu mżejna mill-ġdid u mgħammra. 

Il-Palazz tal-Gran Mastru huwa wieħed mill-ifjen binjiet tal-Belt Valletta imma minkejja l-importanza b’mod ġenerali tiegħu, il-Palazz qatt ma rċieva attenzjoni speċifika ħolistika mill-aħħar tat-Tieni Gwerra Dinjija lil hawn. Minn dak iż-żmien, il-post inqasam f’partijiet, ħafna drabi għal xi użu għal żmien qasir, li wassal għal viżjoni inkoerenti u danni għat-tessut tal-binja u l-konenut tiegħu, li tinkludi l-bini ta’ ħitan diviżorji u żidiet oħra. 

Il-proġett kollu huwa mmexxi mid-Direttorat tar-Restawr u Heritage Malta fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.

***

Biex inkomplu ngħinu fir-restawr, anki fil-lokalitajiet imxerrda mal-pajjiż, għall-ħames sena konsekuttiva, permezz tal-uffiċċju tad-Direttorat tar-Restawr, ftaħna s-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-iskema ta’ restawr tal-Kunsilli Lokali. L-iskema għandha l-għan li tassisti l-kunsilli lokali fir-restawr ta’ binjiet u monumenti ta’ valur storiku u/jew artistiku li jinsabu fil-konfini tal-lokalità.

Dan għaliex il-wirt lokali huwa prijorità fuq l-Aġenda Nazzjonali, u għalhekk, il-preservazzjoni u r-restawr tal-wirt Malti qiegħed isir fuq bażi regolari. Dan qiegħed isir grazzi għal inizjattivi regolari, li jinkludu r-restawr u r-riabilitazzjoni ta’ fortifikazzjonijiet storiċi, kif ukoll permezz tal-konservazzjoni ta’ siti storiċi importanti oħra. L-għan ta’ dawn l-inizjattivi huwa biex insaħħu l-prodott kulturali u turistiku, filwaqt li jipprovdi wkoll aktar għarfien, u esperjenza aħjar għaċ-ċittadini tagħna.

Dan huwa xogħolna, li nkomplu nistinkaw mingħajr waqfien biex apparti li nkabbru l-għarfien tal-wirt kulturali tagħna, inwassluh permezz ta’ restawr, biex jitgawda mill-ġenerazzjonijiet futuri.

Kull kunsill lokali jista’ jressaq applikazzjoni/proposta ta’ proġett kull sena u din trid tkun relatata ma’ binja jew monument wieħed f’din il-lokalità. Kunsilli lokali li jressqu aktar minn applikazzjoni waħda se jintalbu jagħżlu applikazzjoni waħda u jirtiraw l-oħrajn.

L-iskema, li tagħlaq fit-30 t’Awwissu, tinħareġ mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali permezz tal-uffiċċju tad-Direttorat tar-Restawr b’kollaborazzjoni tad-Dipartiment tal-Gvern Lokali. S’issa diġà bbenefikaw 21 lokalità minn din l-iskema.

***

Ir-restawr fil-lokalitajiet għaddej ġmielu wkoll. Se nirrestawraw in-niċċa tar-Redentur li tinsab fid-daħla ta’ Marsaxlokk, filwaqt li tlesta r-restawr tan-niċċa tal-Madonna tal-Karmu f’Raħal Ġdid.

Permezz ta’ interventi ta’ din is-sura, qegħdin inkomplu nissodisfaw l-istrateġija tagħna li nippromovu l-wirt u l-kultura lokali.

In-niċċa tar-Redentur f’Marsaxlokk, inbniet fis-seklu 19 u għandha preżenza importanti fid-daħla ta’ Marsaxlokk, filwaqt li hija monument magħruf sew man-nies tal-lokal u l-madwar.

F’Raħal Ġdid inawgurajt ir-restawr tan-niċċa ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu. Din ukoll  ġiet irrestawrata grazzi għall-Iskema ta’ Xogħlijiet ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali, li sservi bħala inċentiv biex il-Kunsilli Lokali jirrestawraw binjiet u monumenti storiċi fil-lokalitajiet tagħhom. S’issa, 21 lokalità bbenefikaw minn din l-iskema. Din l-inizjattiva għandha rwol importanti fl-istrateġija kulturali tagħna, minħabba li r-restawr għandu element ċentrali li jagħmel postijiet storiċi lokali aktar aċċessibbli għal kulħadd.

***

Ir-restawr li għaddej qed jagħti ħajja ġdida lill-wirt storiku tagħna. U hekk għandu jkun – għax din hija responsabbiltà li qed nieħdu b’serjetà.

Għalhekk inkun sodisfatt immens meta nara dan il-programm ta’ restawr għaddej kullimkien u fuq kull xorta ta’ binja, niċċa jew sit storiku ieħor. Bħalma se jsir f’Ħal Għaxaq.

Id-Direttorat tar-Restawr, li qed tagħmel xogħol imprezzabbli f’dan il-qasam, se tieħu ħsieb ukoll ir-restawr ta’ dil-kappella ddedikata lil Santu Kristu, li nbniet fl-1852 fuq is-sit ta’ niċċa ddedikata lil Santu Kristu li saret fl-1807.

Din il-kappella wkoll se tiġi restawrata permezz tal-Iskema ta’ Xogħlijiet ta’ Restawr għall-Kunsilli Lokali. Intenni li l-impenn tagħna lejn il-wirt lokali huwa mmanifestat f’dawn l-inizjattivi, hekk kif nimirħu biex inkomplu nsaħħu l-wirt tanġibbli tagħna permezz ta’ restawr u interventi ta’ siti u monumenti storiċi. Il-lokalitajiet tagħna huma miżgħuda b’dawn tal-aħħar, u permezz ta’ dawn il-proġetti, aħna qegħdin niddeddikaw ruħna biex insaħħu l-prodott kulturali.

Għall-ħames sena konsekuttiva, permezz tal-uffiċċju tad-Direttorat tar-Restawr, ftaħna s-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-iskema ta’ restawr tal-Kunsilli Lokali

Kultant wieħed forsi ma japprezzax ix-xogħol kollu wara restawr bħal dan. Jekk nieħdu din il-kappella naraw li ħmieġ u qoxra sewdenija akkumulaw fil-partijiet fejn ma jinħaslux bix-xita u t-tmermir tal-wiċċ tal-ġebla huwa preżenti f’kull parti tal-faċċata, speċjalment dik tan-Nofsinhar. Iz-zuntier esperjenza tmermir konsiderevoli fit-tessut tal-wiċċ tiegħu.

Għalhekk wara din il-biċċa xogħol delikata hemm bżonn tindif bil-galbu, il-kisi se jitneħħa, u fejn huwa possibbli, issir rikostituzzjoni tal-ġebel li ma jistax jiġi salvat. Fili miftuħa se jitnaddfu u jimtlew. Xogħol fil-ġebla dekorattiva skoplit li huwa mitluf jew immermer ħafna se jinbidel billi jintużaw mudelli apposta. U hemm pataflun xogħol ieħor.

Ir-restawr huwa xogħol delikat u wkoll ta’ responsabbiltà.

Aħna se nkomplu għaddejjin b’dan ix-xogħol b’impenn. Xogħol li dħalna għalih biex naraw li r-rispett lejn il-wirt kulturali tagħna ma jkunx biss bi kliem jew miktub fuq karta, imma jkun impenn li qed isir b’dedikazzjoni biex naraw li dak li huwa parti mill-istorja tagħna nħarsuh u nippriservawh bil-fatti.

Owen Bonnici huwa l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.

More in Politika