Editorjal | Il-liġi m’għandhiex issegwi lill-iżviluppatur
Meta l-Awtorità tal-Ippjanar tissanzjona żvilupp illegali u fl-istess nifs tapprovah u testendih, il-messaġġ ikun wieħed perikoluż: ibni l-ewwel, applika wara. Il-każ ta’ Manoel Island iqajjem mistoqsija fundamentali dwar jekk il-liġi għadhiex tmexxi l-iżvilupp — jew jekk hux l-iżvilupp qed imexxi l-liġi
Qatt m’għandha tkun ir-regola li l-liġi ssegwi lill-iżviluppatur. Iżda proprju dan hu l-messaġġ li ħareġ mill-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar din il-ġimgħa meta ddeċieda li jissanzjona 20 court tal-padel mibnija illegalment fuq Manoel Island u, fuq kollox, jagħti l-permess għal għaxra oħra. Deċiżjoni li tmur lil hinn minn każ ta’ ppjanar. Hija deċiżjoni li tikkonferma kultura perikoluża: ibni l-ewwel, applika wara, u fl-aħħar tħallas multa li, għal ħafna żviluppaturi, hija biss spiża oħra tan-negozju.
Din hija l-mentalità tal-cowboy development fl-aktar forma pura tagħha. Mentalità fejn xi negozjanti jemmnu li jistgħu jieħdu l-liġi f’idejhom, jokkupaw art pubblika, ibiddlu l-pajsaġġ, u wara jitolbu l-barka tal-awtoritajiet. Minflok l-Awtorità tal-Ippjanar tagħti sinjal ċar li min jikser il-liġi jħallas il-prezz, spiċċat bagħtet il-messaġġ oppost: jekk il-proġett ikun diġà lest, hemm ċans tajjeb li kollox jiġi rregolarizzat.
Il-każ ta’ Manoel Island huwa aktar gravi għax iseħħ fuq sit li l-Gvern stess wiegħed li se jkun park nazzjonali miftuħ għall-pubbliku. Kif jista’ Gvern jitkellem dwar spazji miftuħa u fl-istess ħin l-awtorità tiegħu tapprova kumpless kummerċjali mibni illegalment? Din hija kontradizzjoni li diffiċli tiġi spjegata. Mhux ta’ b’xejn li Moviment Graffitti, il-kampanja Manoel Island: Post Għalina u għexieren ta’ għaqdiet ambjentali kkundannaw id-deċiżjoni bħala tradiment tal-wegħda li tingħata lura l-gżira lin-nies.
L-għadab pubbliku ma waqafx mal-NGOs. Eluf ta’ ċittadini kienu diġà ffirmaw petizzjonijiet favur park nazzjonali, filwaqt li l-oġġezzjonijiet formali għall-applikazzjoni kienu numerużi. Il-kritika kienet sempliċi: jekk nibdew nippremjaw l-illegalità, inkunu qed inneħħu kull deterrent kontra min jagħżel li jinjora l-proċess tal-ippjanar.
Sfortunatament, dan mhux każ iżolat. Malta rat diversi episodji fejn żviluppaturi għażlu li jibnu jew jagħmlu xogħlijiet mingħajr il-permessi meħtieġa, bit-tama li aktar tard kollox jiġi ssanzjonat. Fost l-aktar każijiet magħrufa hemm dawk marbuta mal-iżviluppatur Joseph Portelli, fejn pixxini u żviluppi oħra f’Għawdex qajmu kontroversja kbira dwar kemm il-liġijiet tal-ippjanar qed jiġu infurzati b’mod ugwali għal kulħadd. F’kull wieħed minn dawn il-każijiet, il-mistoqsija tibqa’ l-istess: għaliex wieħed għandu jistenna l-permess qabel jibni jekk il-prattika qed turi li aktar jaqbel jibni l-ewwel?
L-argument li l-multa ta’ €25,000 hija ogħla mir-rakkomandazzjoni oriġinali ta’ €900 ma jbiddilx il-prinċipju. Il-problema mhijiex biss l-ammont tal-multa. Il-problema hija li l-iżvilupp illegali baqa’ hemm. Il-benefiċċju kummerċjali baqa’ intatt. U ngħata wkoll il-permess biex il-kumpless jespandi b’għaxar courts oħra.
Jekk Malta tassew temmen fl-istat tad-dritt, il-messaġġ għandu jkun wieħed ċar: min jibni illegalment ma jiġix ippremjat. F’pajjiż serju, il-konsegwenza ta’ żvilupp illegali għandha tkun it-tneħħija tiegħu, mhux il-legalizzazzjoni tiegħu. Inkella, l-Awtorità tal-Ippjanar ħa titlef kull kredibbiltà bħala regolatur u tinbidel f’awtorità li sempliċement tissiġilla deċiżjonijiet li diġà jkunu ttieħdu fuq il-post mill-iżviluppaturi.
Id-deċiżjoni dwar Manoel Island mhijiex biss dwar padel courts. Hija deċiżjoni dwar x’tip ta’ pajjiż irridu nkunu: wieħed fejn il-liġi tapplika għal kulħadd bl-istess mod, jew wieħed fejn min għandu biżżejjed flus u paċenzja jista’ jibni l-ewwel u jfittex il-permess wara. Din il-ġimgħa, sfortunatament, l-Awtorità tal-Ippjanar għażlet it-tieni triq.
