Carmel Cacopardo | Politika dwar il-klima fl-Unjoni Ewropea
Hu meħtieġ li l-President approvat għall-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra l-azzjoni dwar il-bidla fil-klima bħala prijorità
Il-politika dwar il-klima hi materja ewlenija li qiegħda taħt il-lenti fil-laqgħat li Ursula von der Leyen, innominata bħala President tal-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea, qed ikollha mal-gruppi politiċi diversi fil-Parlament Ewropew.
Kemm il-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi kif ukoll dak Liberali fil-Parlament Ewropew ippubblikaw lista ta’ talbiet li għamlu lil von der Leyen dwar dak li jriduha tikkommetti ruħha dwaru imma li s’issa evitat. Fuq quddiem nett f’dan kollu kemm impenn ikbar dwar li politika meħtieġa biex ikunu indirizzati l-impatti tat-tibdil fil-klima.
Min-naħa l-oħra, il-Grupp tal-Ħodor fil-Parlament Ewropew ħareġ stqarrija li permezz tagħha ta l-ġenb lill-kandidatura ta’ von der Leyen u dan għax, fi kliem Ska Keller, ko-president tal-grupp: “ma smajna l-ebda proposta konkreta, la dwar is-saltna tad-dritt u l-anqas dwar il-klima. Ġejna eletti b’mandat ta’ bidla u m’aħniex naraw kif din il-bidla tista’ sseħħ b’din il-kandidata.”
Azzjoni dwar il-bidla fil-klima hi prijorità u din il-prijorità għandha tkun riflessa fl-ambizzjonijiet li l-kandidat għall-Presidenza tal-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea trid tmexxi ’l quddiem. Sfortunatament hu magħruf li Ursula von der Leyen qatt ma tat prijorità lill-azzjoni dwar il-bidla fil-klima tul iż-żmien kollu li ilha attiva fil-politika nazzjonali tal-Ġermanja!
Tul l-għaxar snin li ġejjin, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fuq livell globali jeħtieġ li jonqsu b’iktar min-nofs. Anke iktar mit-tnaqqis ta’ 55% kif talab il-Parlament Ewropew kif ukoll mill-40% tnaqqis li s’issa aċċettaw il-pajjiżi membri. Dan fl-istess ħin li l-emissjonijiet netti għandhom jilħqu żero sa mhux iktar tard mill-2050. Il-miri tal-ftehim ta’ Pariġi llum jiffurmaw parti integrali mill-liġijiet tal-Unjoni Ewropea imma għad hemm ħafna ħidma xi ssir biex dawn il-miri jitwettqu fir-realtà.
Soluzzjonijiet jeżistu biex ikunu indirizzati u trasformati l-enerġija, it-trasport, l-agrikultura u l-proċessi industrijali. Imma jeħtieġ li nkunu kapaċi li naħdmu flimkien biex l-impenn li jitwettaq il-Ftehim ta’ Pariġi mhux biss ikun onorat, imma li nkunu kapaċi nħajru oħrajn jagħmlu bħalna.
Minkejja l-wegħdiet li saru mill-pajjiżi differenti dwar emissjonijiet bħala parti mill-ftehim ta’ Pariġi xorta waħda jidher li ż-żieda fit-temperatura, sa tmiem is-seklu kurrenti, ser tkun ta’ madwar tliet gradi Celsius (3°C) fuq it-temperatura pre-industrijali. Dan meta nafu li iktar minn nofs din iż-żieda jkollha effetti katastrofiċi.
Diġà bdejna nduqu l-konsegwenzi bis-sħana tilħaq livelli ġodda, estremi ta’ għargħar u nuqqas ta’ xita u nirien li qed jagħmlu ħsara mhux żgħira f’kull rokna tad-dinja. L-affarijiet sejrin għall-agħar. Imma għad baqa’ ċans, kemm-il darba niċċaqalqu bla iktar dewmien.
Il-Gvernijiet mhumiex jieħdu l-inizjattiva. Mhux qed jindirizzaw dak li qed jirriżulta mir-riċerka xjentifika. Sfortunatament, uħud mill-Gvernijiet (u l-partiti politiċi li jiffurmawhom) jaraw kull azzjoni meħtieġa biex tkun indirizzata l-bidla fil-klima bħala ta’ xkiel għall-industrija u għall-ekonomija.
Sa minn meta saru tibdiliet fit-trattati Ewropej fl-1987, l-Unjoni Ewropea bdiet tieħu deċiżjonijiet dwar l-oqsma ambjentali b’maġġoranza kkwalifikata. Dan wassal biex ġiet żviluppata leġiżlazzjoni ambjentali li tiffaċilita politika Ewropea li tirrispondi għal dak kollu meħtieġ mit-tibdil fil-klima.
Tul dan iż-żmien kollu, il-Parlament Ewropew kien dejjem fuq quddiem jinsisti dwar miri ċari u ambizzjużi fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima. Hu meħtieġ li anke l-Kummissjoni Ewropea timxi fuq dawn il-passi.
Hu għalhekk li hu meħtieġ li l-President approvat għall-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra l-azzjoni dwar il-bidla fil-klima bħala prijorità u li tkun lesta biex il-Kummissjoni mmexxija minnha taġixxi b’dan il-mod.
Carmel Cacopardo huwa ċ-Chairman tal-Alternattiva Demokratika