Carmel Cacopardo | Il-mużika ta’ matul il-lejl
Ikun ferm aħjar kieku l-Ministru għall-Ambjent jinsisti mal-ERA biex din tieħu ħsieb iż-żoni ekoloġiċi sewwa
Ir-ritratti mis-satellita juru kemm hu kbir it-tniġġiż mid-dawl f’Malta. Fil-fatt, dan hu komparabbli mat-tniġġiż miż-żoni urbani fil-kontinent Ewropew! It-tniġġiż mid-dawl ma jħallix li nisimgħu l-mużika ta’ matul il-lejl. Joħnoqha u jżommna milli napprezzaw is-sbuħija tal-lejl li bil-mod jurina dak li jostor. Hekk jenfasizza l-Ħares tal-Opra (Phantom of the Opera) fix-xogħol teatrali kapulavur ta’ Andrew Lloyd-Weber.
Xi snin ilu waqt dibattitu dwar il-baġit ġie varat proġett biex id-dwal tat-toroq ikun ikkontrollat b’mod elettroniku. Proġett li meta jkun implimentat għandu jkun ta’ kontribut sostanzjali biex fil-gżejjer Maltin jonqos it-tniġġiż mid-dawl. Imma sfortunatament ftit li xejn smajna dwar xi progress seta kien hemm dwar din il-materja mill-2013 lil hawn, meta tħabbar il-proġett.
Id-dawl eċċessiv użat matul il-lejl mhux biss hu użu ħażin u ineffiċjenti tal-enerġija imma jagħti kontribut konsegwenzjali għall-emissjonijiet tal-karbonju li jistgħu jkunu evitati. B'dan il-ħajja fin-natura tul il-lejl qed tiġi ddisturbata u potenzjalment ukoll kawża għal ħsara lis-saħħa umana.
Fl-2007, il-Birdlife f’Malta ppubblikat studju dwar l-impatt tad-dwal bil-lejl fuq l-għasafar li jgħixu fl-irdumijiet u qrib il-baħar kif ukoll speċi oħra li jpassu bil-lejl. L-istudju hu intitolat ‘Light Pollution and its effects on Yelkouan Shearwaters in Malta; causes and solutions’. Il-kuntest tal-istudju kien proġett fl-iskema EU Life fl-Aħrax tal-Mellieħa fl-inħawi magħruf bħala l-Irdum tal-Madonna, sit li hu kolonja tal-garni, għasfur li jgħix mal-baħar.
L-osservazzjonijiet fir-rapport u s-soluzzjonijiet proposti jistgħu faċilment iservu ta’ bażi għal pjan ta’ azzjoni biex fil-gżejjer Maltin nibdew nindirizzaw bis-serjetà t-tniġġiż mid-dawl billi dan f’Malta mhux biss hu ta’ theddida għall-garnija (Yelkouan shearwater) imma wkoll kawża ta’ emissjonijiet ta’ karbonju bla bżonn u theddida għall-kwalità tal-ħajja tagħna lkoll.
Bħala riżultat tad-densità qawwija ta’ popolazzjoni, it-tniġġiż mid-dawl matul il-lejl għandu impatt konsiderevoli kemm fuq iż-żoni urbani kif ukoll fuq dawk rurali tal-gżejjer Maltin. Ekoloġikament għandu impatt fuq l-għasafar, friefet u insetti kif ukoll friefet il-lejl imma ukoll fuq l-imġiba tal-annimali b’mod ġenerali. Lil hinn mill-ħajja naturali, it-tniġġiż mid-dawl joħloq leħħ qawwi li jweġġa’ l-għajn u li għandu impatt fuq is-sigurtà fis-sewqan. Jaffettwa lil min isuq, lil min jimxi, kif ukoll lil min juża r-rota u jagħti kontribut mhux żgħir fl-inċidenti tat-traffiku li jseħħu matul il-lejl.
L-ERA għandha tasserixxi ruħha u tinforza r-regoli, u jekk hemm bżonn tibqa’ għaddejja minn fuq l-Awtorità tal-Ippjanar kif tista’
Il-każ dwar it-tniġġiż mid-dawl fid-Dwejra deċiż mit-Tribunal ta’ Reviżjoni dwar l-Ambjent u l-Ippjanar nhar is-27 ta’ Ġunju hu każ rari fejn deċiżjoni tajba tal-Kummissjoni għall-Kontroll tal-Iżvilupp tinbidel mit-Tribunal fl-appell: ġeneralment bil-maqlub jiġri. Meta jinbidlu, is-soltu jkunu d-deċiżjonijiet il-ħżiena li jinbidlu, mhux dawk tajbin! Fil-fatt il-Kummissjoni għall-Kontroll tal-Iżvilupp kienet irrifjutat l-applikazzjoni oriġinali minħabba li l-inħawi tad-Dwejra huma żona ta’ importanza ekoloġika. Sfortunatament it-Tribunal ittratta t-tniġġiż mid-dawl b’mod leġġer u kien insensittiv għall-impatti ekoloġiċi.
Li l-15-il għaqda ambjentali ngħaqdu biex jiġbru l-fondi ħalli tkompli l-ġlieda b’appell fil-Qrati hu pass tajjeb 'il-quddiem. Il-ħarsien tas-siti tan-Natura 2000 hi għadma iebsa, imma jeħtieġ li jibqa’ għaddej. Imma li jsir appell minn din id-deċiżjoni skandaluża tat-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar għandu jkun biss l-ewwel pass. Għandna nirrealizzaw li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi għandha l-poter u l-awtorità taħt id-Direttiva Ewropea dwar l-abitat li mhix tagħmel użu tagħhom sewwa. L-ERA għandha tasserixxi ruħha u tinforza r-regoli, u jekk hemm bżonn tibqa’ għaddejja minn fuq l-Awtorità tal-Ippjanar kif tista’ u għandha tagħmel kull meta dan ikun neċessarju.
Ikun ferm aħjar kieku l-Ministru għall-Ambjent jinsisti mal-ERA biex din tieħu ħsieb iż-żoni ekoloġiċi sewwa. Ovvjament għandu jassigura li jkunu pprovduti riżorsi adegwati.
Il-każ tad-Dwejra hu każ speċifiku li fih l-ERA tista’ tieħu l-mazz f’idejha. X’ser tagħmel?
Carmel Cacopardo hu ċ-Chairman ta’ Alternattiva Demokratika