Baħar, dgħajjes u statwi: Illejla u għada terġa' lura t-tradizzjoni ta' San Pietru fuq il-baħar f'Birżebbuġa

It-tradizzjoni - li tagħlaq it-43 sena - terġa' lura llejla l-Ħamis u għada l-Ġimgħa permezz taż-żewġ soċjetajiet tal-lokal, segwiti minn spettakkli ta' nar, mużika u Dj Ziggy

Bejn illum u għada se terġa' tirritorna tradizzjoni unika u partikolari fil-festa ta' Birżebbuġa - dik li permezz tagħha ż-żewġ soċjetajiet jġibu l-istatwa tad-dimostrazzjoni ta' San Pietru fil-Ktajjen permezz tal-baħar, karatteristika nieqsa matul dawn l-aħħar sentejn li matulhom ma kinitx saret il-festa minħabba l-pandemija. Din hija tradizzjoni li mhux biss hija marbuta mal-fatt li San Pietru kien sajjied iżda ilha ssir f'dan ir-raħal mill-1979 u kienet tradizzjoni mibdija mill-Kapillan ta' Birżebbuġa Dun Karm Frendo.

Dak iż-żmien kienet issir dimostrazzjoni waħda - dik tal-Għaqda Mużikali San Pietru fil-Ktajjen - sakemm fl-1990 kienet imwaqqfa s-Soċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa li bdiet torganizza hi wkoll dan il-marċ. Interessanti li fl-ewwel sena ż-żewġ baned użaw l-istess statwa, sakemm illum, snin wara, iż-żewġ soċjetajiet għandhom l-istatwi separati tagħhom, xogħol ta' artistrija u sbuħija.

Illejla, l-ewwel dimostrazzjoni...

Illejla fis-7:15 p.m. tibda l-ewwel dimostrazzjoni mmexxija mill-Għaqda Mużikali San Pietru fil-Ktajjen permezz ta' diversi dgħajjes, b'waħda mid-dgħajjes li jġorru l-istatwa tas-Soċjetà magħmula minn Michael Camilleri Cauchi u ibnu Adonai. L-istatwa proprjetà tal-Għaqda Mużikali tinżel fuq l-art għall-ħabta tat-8:00 p.m tal-lejla quddiem il-piċċ tal-Waterpolo u minn hemm jibda marċ li jilħaq il-qofol tiegħu fil-Pjazza ta' Birżebbuġa fl-10:30 p.m. 

Id-dimostrazzjoni tal-Għaqda Mużikali San Pietru fil-Ktajjen
Id-dimostrazzjoni tal-Għaqda Mużikali San Pietru fil-Ktajjen

Hemmhekk mistenni jsir spettaklu awdjo-viżiv ta' nar minn fuq il-bejt il-każin, spettakklu li sar ukoll fl-2019 u kien wieħed pjuttost sabiħ u milqugħ tajjeb mill-mijiet ta' nies, attivisti tal-Għaqda u dilettanti li - bħal-lejla - jinħabru fil-Pjazza. Wara jsir it-tlugħ tal-istatwa ta' San Pietru fuq il-pedestall. 

Għada l-Ġimgħa mbagħad ikun imiss it-tieni dimostrazzjoni bil-baħar, din id-darba organizzat mis-Soċjetà Filarmonika. Fit-8:00 p.m. għall-ħruq ta' kaxxa nfernali, wara li tkun telqet mill-Bajja ta' San Ġorġ fid-6:30 p.m. akkumpanjata minn diversi opri tal-baħar. L-istatwa tas-Soċjetà wkoll hija xogħol l-istatwarju u artist Camilleri Cauchi.

Id-dimostrazzjoni tas-Soċjetà Filarmonika Banda San Pietru
Id-dimostrazzjoni tas-Soċjetà Filarmonika Banda San Pietru

Minn hemmekk jibda marċ li fid-9:30 p.m jingħaqad minn nar tal-ajru maħdum mill-istess membri tas-Soċjetà, permezz tal-Għaqda 22 ta' Frar. Fil-11:00 p.m imbagħad l-istatwa tittella' fuq il-pedestall għal kaxxa infernali, biex minn hemm imbagħad jibda spettaklu ta' divertiment immexxi minn Dj Ziggy. 

Ara hawnhekk l-ispettakklu li għandha lest s-Soċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa nhar is-Sibt. 

More in Festi