Sena ta' ħidma, 17-il raddiena u siegħa ta' piroteknika, kulur u mużika
Wara sentejn bla festa l-ILLUM tinżel f'kamra tan-nar viċin il-Gudja u ssib grupp ta' irġiel minn Birżebbuġa - ilkoll bil-flokk ħadrani - għaddejjin b'ħidma ma tiqafx miż-żerniq sa' nżul ix-xemx, biex nhar is-Sibt 6 ta' Awwissu jaqtgħu l-frott ta' sena ħidma...
Fl-għelieqi bħalissa - din is-sħana taqli l-ankri - ftit tara nies għajr xi bidwi l'hawn u l'hemm inaddaf l-għalqa. Iżda fl-għelieqi viċin Ħal Għaxaq u l-Gudja din il-gazzetta tiltaqa' ma' grupp ta' dilettanti tal-festa għaddejjin b'ħidma bla heda jlestu n-nar għall-festa. Ma hemmx ilmenti dwar is-sħana kbira li għaddejja bħalissa, l-ILLUM issib lil kulħadd għaddej ħerqan ilesti mhux biss in-nar tal-ajru iżda spettakklu kbir tan-nar tal-art li se jkun organizzat fil-Pjazza ta' Birżebbuġa lejliet il-festa ta' San Pietru fil-Ktajjen. Spettaklu li se jkun fih xejn inqas minn 17-il raddiena ta' dak magħruf popolarment bħala ġigġifogu, li se jagħtu spettaklu ta' kulur, mużika u emozzjoni liema bħalha tul ta' siegħa, kif fil-fatt l-istess grupp ta' voluntiera u artisti kienu tellgħu b'suċċess kbir l-aħħar li saret il-festa f'dan ir-raħal fin-nofsinhar ta' Malta, fl-2019.
Il-gazzetta tiltaqa' ma' Eman Farrugia u numru ta' voluntiera mill-Għaqda tan-Nar 22 ta' Frar- fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa A.D. 1990 - u minkejja illi Farrugia lbieraħ ingħaqad fiż-żwieġ u allura kien ħerqan għal dan il-jum hekk importanti għalih, xorta kien għaddej bil-mija, jitħabat, jirranġa u jispjega lil din il-gazzetta x'se tinvolvi din is-serata ta' kulur u mużika - li jekk se tkun sabiħa daqs dik tal-2019 - inti dilettant tal-festa, jew inti dilettant tan-nar, jew inti li tixtieq tqatta' serata ta' divertiment - żgur ma għandekx titlef.
Tibda mill-aktar bażiku u dejjem tkabbar...
Eman għandu 29 sena u ilu jaħdem in-nar 10 snin. L-ewwel kiseb il-Liċenzja B - li permezz tagħha jista' jgħin fil-ħidma tal-produzzjoni tal-piroteknika - u wara l-Liċenzja A li permezz tagħha jkollu aktar responsabilità fil-produzzjoni tan-nar tal-art.
Min ma jkunx daqstant dilettant forsi jgħid imma ċ-ġigġifogu mhux erba' roti jduru?
Eman jitbissem u jfakkar li llum biex tagħmel raddiena waħda kbira tiġik mat-€3,000 jew saħansitra €4,000. "Anke ċirku sempliċi jiġik ħafna flus..."
Imbagħad jibda jispjega lil din il-gazzetta kif isir ix-xogħol li jpaxxi tant l-eluf ta' għajnejn li se jkunu qed isegwu fil-pjazza tal-Birżebbuġin nhar is-6 ta' Awwissu.
Jurina ċ-ċirku u r-rota illi ddur permezz ta' dik li tissejjaħ 'funtana' - li timbotta f'direzzjoni jew oħra. Quddiemna hemm numru ta' roti mpoġġijin mal-art kollha lesti biex malli jsir l-Ħamis (jekk mhux qabel) il-madwar 15-il voluntier mis-Soċjetà Filarmonika jintefgħu lkoll fil-pjazza kbira li tiddomina ċ-ċentru ta' dan ir-raħal, jarmaw u jlestu għall-'ħarqa'.
U x'abilità jrid ikollok biex taħdem dan in-nar u taċċerta li dawn l-irdieden - li wħud minnhom jkunu enormi - jaħdmu kif suppost?
Huwa qal li meta tibda, trid tagħmel dan miż-żgħir u mill-bażiku. "Tibda mill-inqas ħaġa hux, tobrom il-karti u tibda billi toħroġ raddiena waħda u imbagħad dejjem tkabbar," spjega Farrugia mal-ILLUM.
U kif jiġuk l-ideat?
Eman qal li l-ideat għal forom mhux xogħlu, imma li hemm grupp ta' żgħażagħ "ibellħuk bil-kapaċità" li jpoġġu bilqiegħda u joħolqu l-forom il-ġodda b'mod virtwali. Fil-fatt iż-żagħżugħ minn Birżebbuġa jispjega kif din is-sena hemm tliet irdieden ġodda li se jiġu mżanżna għall-ewwel darba.
Sena wara sena, jissudaw...
In-nar tal-art mhux xi ħaġa ġdida għall-Birżebbuġa, iżda nistgħu ngħidu li kien fl-aħħar 10 jew 15-il sena li dawk li jinżlu għal din il-festa bdew jaraw titjib sena wara sena f'din it-tip ta' piroteknika. Kull sena xi ħaġa ġdida u xi ħaġa aħjar, xi ħaġa akbar, iktar ikkulurita u li tagħmel aktar ħoss u tagħti gost. Kif jgħid il-marċ popolari f'ħafna toroq u bliet li ndaqq min jaf kemm-il darba f'Birżebbuġa stess; "sena wara sena jissudaw u jkantaw." Dan sakemm fl-2019 intlaħaq il-qofol bl-aqwa wirja li qatt ingħatat - wirja li tħabbatha bil-kbir ma' rħula oħrajn fejn isir ukoll nar tal-art ta' ċerta kobor.
Snin ilu mal-istess spettaklu kien inħoloq qisu kompjuter kbir - kif kien magħruf - li jinxtegħel bin-niċċa fuq wara u jibdew jidhru l-kliem, naturalment dejjem bil-messaġġ 'Viva tal-Iljun' u VSP - 'Viva San Pietru' għaċ-ċapċip ta' dawk preżenti. Dan baqa' jintuża għal snin sħaħ, sa erba' snin ilu.
"Trid dejjem tbiddel u tagħmel ikbar. Għalhekk l-aħħar li saret il-festa, qabel ma bdiet il-pandemija, konna bdejna bil-kunċett tan-nar sinkronizzat mal-mużika," jfakkar Eman. U dawk li kienu preżenti fil-pjazza sabiħa ta' Birżebbuġa jiftakru sew ħafna mill-mużika li ndaqqet u li magħha kien sinkronizzat il-famuż 'tapit' - mhux l-inqas 'The Final Countdown' u mużika tal-band leġġendarja Queen bħal 'Show Must Go on' u 'We will rock You.'
Mumenti indimetikabbli għal dawk li segwew u ħafna iktar għall-għexieren ta' voluntiera jċapċpu b'sodisfazzjon jaraw il-ħidma ta' sena, fis-sħana u fir-riskju, jħallu l-frott.
'Naħdmu bħala tim... kulħadd bir-responsabilitajiet tiegħu'
Imma nerġgħu nduru fuq il-ħidma ta' din l-artistrija.
Eman jispjega kif l-ewwel ikun hemm il-ħidma fuq l-istrutturi li jsir lilhinn mill-kamra tan-nar, biex imbagħad jibda x-xogħol tan-nar. L-ewwel jibda jinbaram ix-xogħol - ħidma ta' Teddy Agius, li waqt li kienet għaddejja l-intervista kien maġenbna għaddej bil-ħidma u xi kultant ikompli magħna b'xi anedottu jew biċċa informazzjoni dwar in-nar tal-art.
Farrugia jkompli jgħid li wara jibda x-xogħol fuq in-niċċa li jkun fiha porvli u tajjar u persuni oħra jibdew xogħol ta' kkargar ta' gassijiet u imbagħad x-xogħol fuq il-kulur li jsir permezz ta' taħlit ta' materjali. U għal kull pass ikun hemm persuna inkarigata. Per eżempju ir-responsabilità ta' Farrugia hija li jara illi finalment kollox jingħaqad f'postu qabel il-ħarqa tas-Sibt.
"Aħna ndumu sena għaddejjin b'din il-ħidma. Tispiċċa l-festa u tibda l-ħidma għall-festa ta' wara," spjega Farrugia.
Huwa qal li l-finanzi jiġu mid-dilettanti u l-poplu ta' Birżebbuġa kif ukoll permezz ta' xogħol li l-istess għaqda qed tagħmel għal diversi festi oħrajn fosthom nar tal-art għall-festa ta' San Ġużepp fil-Kalkara, ta' San Lawrenz fil-Birgu, ta' Kristu Re f'Raħal Ġdid u anke għall-festa ta' Sant'Anna f'Wied il-Għajn.
'Ħarqa tajba u d-dilettanti ma għandhomx jitilfuha'
U finalment nistaqsu lil Eman Farrugia - u f'dan il-punt ingħaqad magħna wkoll Johan Briffa, dilettant mill-kbar tal-festa ta' Birżebbuġa u magħruf ma' ħafna bħala l-Bobo - għaliex id-dilettanti għandhom jinġabru fil-pjazza ta' Birżebbuġa, li tiflaħ il-mijiet u l-eluf, biex jaraw dan l-ispettakklu ta' nar?
Waqt li tbissem Eman qal: "Mhux ħa ngħidlek li aħna l-aqwa... imma hemm ħarqa tajba u d-dilettanti ma għandhomx jitilfuha."
Teddy, Briffa u f'dan il-punt - mingħajr mistenni jagħmel żjara fil-post il-Ministru Owen Bonnici wkoll - ilkoll jaqblu ma' Eman.
U kif tħossukhom qabel ma jibda l-ispettakku?
"xejn hi hux..." jgħid Eman b'daħka. "Deni kbir, imma kbir ta jkollna..." jaqbeż Briffa. "Emozzjoni li ma tistax tiddeskrivi..." ikompli Farrugia, li jagħti ħjiel żgħir ta' soripriża fit-'Tapit'.
L-ispettakklu bl-isem Pyrocolours se jittella' nhar is-Sibt 6 ta' Awwissu, lejliet il-festa ta' Birżebbuġa, fil-pjazza u jibda fil-11:30 p.m. Qabel jibda dan l-ispettakklu - fid-9:00 p.m l-istess Soċjetà Filarmonika se tkun qed ittella' kunċert immexxi mill-Mro. Michael Bugelli, bis-sehem tas-Sopran Karen Camilleri u t-Tenur Charles Vincenti, filwaqt li taħraq nar tal-ajru li jagħlaq b'kaxxa infernali.