Enċiklopedija tal-Festa Maltija: L-armar fil-knejjes (3)

Il-gazzetta ILLUM tkompli b’sensiela ta’ artikli li matulhom se tkun qed tispjega kliem li huwa assoċjat mal-festi Maltin u Għawdxin, mill-armar tal-knisja u l-funzjonijiet sal-armar ta’ barra u n-nar 

Illum se niftħu din l-enċiklopedija bl-apparat tal-festa. X’inhu dan l-apparat? L-apparat huwa dak is-sett ta’ lbies liturġiku li jintuża fil-festa. 

Dan, ġeneralment ikun jinkludi sitt kapep, kappa aktar elaborata għas-saċerdot li jkun qed imexxi, pjaneta li jilbes is-saċerdot waqt il-quddiesa, żewġ tuniċelli (jiġifieri forma ta’ pjaneta differenti li jilbes id-djaknu) u verumeral, dak id-drapp li jitpoġġa fuq spallejn iċ-ċelebrant biex bih jaqbad l-isfera (ara l-artikli tal-ġimgħat li għaddew) biex jagħti l-barka sagramentali. 

Forsi wieħed jistaqsi għaliex dan l-apparat jinkludi biss pjaneta waħda meta fil-quddiesa tal-festa, x’aktarx li jikkonċelebraw aktar minn saċerdot wieħed. It-tweġiba hija faċli. Qabel il-Konċilju, ma kinux isiru konċelebrazzjonijiet. Il-bqija tas-saċerdoti kienu jilbsu t-tuniċella jew inkella l-kappa, skont is-servizz li jkunu qed jagħtu waqt il-quddiesa.  

L-apparat li jintuża fil-festa ta' Santa Katarina taż-Żurrieq
L-apparat li jintuża fil-festa ta' Santa Katarina taż-Żurrieq

L-apparat tal-festa jkun irrakmat u l-kulur tad-drapp (ġeneralment bellus), bħal fil-każ tat-tużell, il-ventartal u l-kanipew (ara l-artiklu tal-ġimgħat li għaddew) ikun dak liturġiku, jiġifieri skont il-festa. Jekk il-qaddis jew il-qaddisa li qed tkun iċċelebrata huwa jew hija martri, mela l-apparat se jkun tal-bellus aħmar. 

Hawn knejjes li l-apparat tagħhom huwa elaborat u antik ħafna tant li llum ma għadux jintuża biex jibżgħu għalih u għalhekk jarmawh biss fil-knisja jew fis-sagristija. Oħrajn jużawh biss fit-Tranżlazzjoni u ma jużawhx fil-purċissjoni, kemm biex jibżgħu għalih, jew għax hu wisq tqil jew sempliċiment għax tkun wisq sħana biex jintlibes fit-tul.  

Il-ġilandra tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl tal-Belt Valletta
Il-ġilandra tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl tal-Belt Valletta

Il-Ġilandra 

Tista’ tgħid li kull knisja għandha dik li tissejjaħ ġilandra. Anke jekk normalment din ma tintużax fil-ġranet tal-festa, hawn knejjes li jarmawha wkoll f’xi parti tal-knisja jew inkella fis-sagristija, biex tkun tista’ titgawda minn dawk li jżuru l-festi. 

Il-ġilandra hija bħal tabernaklu kbir tal-injam jew inkella tal-fidda. Warajha jkun hemm raġġiera kbira bħal raġġi tax-xemx. Ġeneralment, il-ġilandra tintrama għall-festi tal-kwaranturi, jiġifieri erbgħin siegħa ta’ adorazzjoni solenni. Fil-fatt, il-kelma kwaranturi, ġejja mit-Taljan ‘Quarant’Ore’ li ma tfisser xejn ħlief erbgħin siegħa. 

Mhux kull knisja tiċċelebra l-kwaranturi fl-istess żmien. Ħafna knejjes jagħmluhom bħal dan iż-żmien, meta l-Knisja tiċċelebra s-Solennità ta’ Pentecoste, Korpus (Il-Festa tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej) u anke l-Qalb ta’ Ġesù. Oħrajn jagħmluhom f’perjodi oħra, fosthom fi żmien il-Milied jew l-Ewwel tas-Sena. Fil-kolleġġjata ta’ San Lawrenz tal-Birgu, il-kwaranturi jibdew f’Ħadd il-Palm, tradizzjoni unika li tmur sa żmien il-Kavallieri. 

Lura għall-ġilandra. Peress li din l-adorazzjoni tkun solenni, fuq l-artal maġġur tintrama din il-ġilandra li fiha titpoġġa l-isfera bl-Ewkarstija. Tissejjaħ ġilandra għax fiha jkollha bieba li ddur biex l-Ewkaristija titgħatta fi tmiem l-adorazzjoni jew inkella waqt li tkun qed tiġi ċċelebrata l-quddiesa. Fil-fatt, il-kelma ġilandra, ġejja mit-Taljan girandola, li tfisser xi ħaġa li ddur. 

Hawn knejjes li fil-ġranet tal-festa, il-ġilandra jarmawha fin-niċċa tal-vara biex din ma tibqax vojta u tkun tista’ titgawda flimkien ma’ oġġetti sagri oħra, jkunu jistgħu jitgawdew. F’xi knejjes, il-ġilandra tintrama wkoll fil-Milied biex fiha jitpoġġa l-Bambin. 

Hawn knejjes oħra li l-ġilandra tagħhom hija tal-irħam u għalhekk hija parti integrali mill-artal maġġur. Il-knisja parrokjali ta’ Ħal Tarxien, dik ta’ Ħaż-Żebbuġ u anke l-knisja ta’ Santa Tereża ta’ Bormla, għandhom il-ġilandra tagħhom tal-irħam u għalhekk hija parti waħda mal-artal maġġur. 

 Il-baldakkin waqt waħda mill-purċissjonjiet bis-Sagrament fil-festa ta’ Korpus fir-Rabat
Il-baldakkin waqt waħda mill-purċissjonjiet bis-Sagrament fil-festa ta’ Korpus fir-Rabat

Il-Baldakkin u l-Umbrella 

Simili għall-ġilandra, il-baldakkin x’aktarx li ftit li xejn għandu użu fil-festa imma hawn knejjes li jarmawh xorta waħda fil-kappella tas-Sagrament (fejn ikun hemm it-Tabernaklu) biex ikun jista’ jitgawda. 

Il-baldakkin huwa bħal tinda kwadra u jinterfa’ minn erba’ jew sitt irġiel waqt il-purċissjoni bis-Sagrament, bħal dawk il-purċissjonijiet li jsiru fl-aħħar jum tal-Kwaranturi. Jintuża wkoll meta jsir il-Vjatku solenni, jiġifieri purċissjoni li matulha jsiru waqfiet għat-tqarbin tal-morda fi djarhom. 

Fl-antik, il-baldakkin kien ukoll jinġarr fit-tieġ fuq l-irjus tal-għarajjes u fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann kien jintuża biex taħtu jimxi l-Gran Mastru u jkun protett mix-xemx u aktar tard anke l-Isqof tad-Djoċesi kien jimxi taħtu, b’mod partikolari meta jagħmel l-Ingress tiegħu fil-Katidral. Ir-rejiet ukoll kienu jimxu taħt il-baldakkin. 

Għalhekk, bħalma r-Rejiet u l-kbarat kienu jimxu taħt il-baldakkin, daqstant ieħor kien xieraq li l-Ewkaristija tkun protetta. Il-baldakkin għalhekk għandu l-istess sens u tifsira tat-tużell li dwaru tkellimna fl-ewwel artiklu minn din is-sensiela. Il-baldakkin mhux biss jipproteġi lill-Ewkaristija, imma jostora wkoll u joħloq sens ta’ venerazzjoni.  

Il-baldakkin ġeneralment ikun abjad tad-damask jew inkella jkun irrakmat b’simboli Ewkaristiċi. Fil-parroċċa ta’ San Pawl tar-Rabat, il-baldakkin (bħall-ġilandra) għandu rwol ċentrali u importanti hekk kif apparti l-festa titulari ta’ San Pawl, din tiċċelebra wkoll, bl-akbar solennità, il-Festa Prinċipali ta’ Korpus, fejn apparti l-adorazzjoni, isiru żewġ purċissjonijiet kbar bis-Sagrament. 

F’xi parroċċi, bħal fil-każ tal-Parroċċa ta’ Kristu Re ta’ Raħal Ġdid jew tat-Trinita tal-Marsa, il-baldakkin kellu rwol ċentrali fil-festa hekk kif qabel saru l-vari rispettivi, il-purċissjoni tal-festa kienet issir bis-Sagrament. Fil-fatt, fil-każ tal-Marsa, il-baldakkin mill-isbaħ għadu jintrama f’post ċentrali fil-knisja anke fil-ġranet tal-festa, anke għax imbagħad jintuża għall-festa ta’ Korpus li taħbat ħadd wara s-Solennità tat-Trinita. 

Il-baldakkin jista’ jkun aħmar ukoll meta jintuża fil-purċissjonijiet bil-verulinju (ara verulinju). 

Wara l-baldakkin ġeneralment jimxi fratell b’umbrella żgħira. Din għandha l-istess użu tal-baldakkin imma tintuża meta s-saċerdot joħroġ minn taħt il-baldakkin biex jidħol fi djar waqt il-vjatku jew inkella sakemm is-saċerdot joħroġ jew jidħol il-knisja. 

Il-Verulinju fil-kustodja fil-festa ta' Santu Kruċ f'Birkirkara
Il-Verulinju fil-kustodja fil-festa ta' Santu Kruċ f'Birkirkara

Il-Verulinju u l-Kustodja 

Il-Verulinju jew il-Veru Linju hija r-relikwa tas-Salib ta’ Kristu. Il-kelma ġejja mit-Taljan, ‘Vero Legno.’ 

F’Malta hawn diversi knejjes li għandhom relikwa tas-Salib ta’ Kristu u żgur li l-aktar waħda popolari hija dik li tinsab fil-Bażilika ta’ Santa Elena f’Birkirkara. Fil-fatt, nhar it-3 ta’ Mejju, f’Birkikara ssir il-Festa tas-Sejba tas-Salib, jew inkella tas-Santu Kruċ kif inhi magħrufa. 

F’din il-purċissjoni ma tinħariġx biss l-istatwa sabiħa ta’ Santa Elena, li kienet sabet is-Salib ta’ Kristu, imma warajha, taħt il-baldakkin aħmar, tinħareġ ukoll din ir-relikwa. 

Fost ir-relikwi kollha, dik tal-Verulinju hija l-aktar waħda venerata fil-knejjes u propju għalhekk li din tinġarr taħt il-baldakkin u anke wieħed huwa mistenni li jinżel għarkupptejh quddiemha. 

Meta din ir-relikwa tintrama fuq l-artal, x’aktarx li titpoġġa fil-kustodja, bħal ġilandra żgħira, iżda bla bieba. 

Apparti Birkirkara, hemm diversi knejjes oħra li jżommu b’tant għożża r-relikwa tal-Verulinju. Fil-Belt Valletta, wkoll issir il-festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib u apparti l-istatwa tinħareġ ukoll din ir-relikwa. Il-festa tkun iċċelebrara mill-Fratellanza tas-Ssmu Kurċifiss imwaqqfa fil-Knisja tal-Franġiskani, magħrufa bħala Ta’ Ġieżu.  

Il-festa kienet tiġi ċċelebrata wkoll b’solennità kbira f’Bormla, fejn wieħed isib statwa mill-isbaħ tal-Eżaltazzjoni tas-Salib. Anke f’Bormla, fost l-lokalitajiet oħra, għadek issib baldakkin aħmar li taħtu kien jinġarr il-Verulinju. 

Fil-ġranet tal-festi, dawk il-knejjes li għandhom din ir-relikwa, x’aktarx li jesponuha wkoll għall-qima tal-pubbliku, jew fin-niċċa tal-vara jew inkella f’xi post prominenti fil-knisja. 

Sett impuluzzi fil-Kolleġġjata tal-Immakulata Kunċizzjoni ta’ Bormla
Sett impuluzzi fil-Kolleġġjata tal-Immakulata Kunċizzjoni ta’ Bormla

L-Impuluzzi 

Kull knisja żgur li għandha aktar minn sett wieħed ta’ impuluzzi. Dawn huma bħal żewġ kontenituri jew vażuni żgħar li jinżammu fuq plattina. Wieħed jintuża biex fih jinżamm l-inbid tal-quddiesa u fl-ieħor jinżamm l-ilma u ġeneralment jittellgħu wkoll waqt l-offetorju. 

Matul is-sena, x’aktarx li l-impuluzzi jkunu tal-ħġieġ jew taċ-ċaqquf imma fil-festa, almenu dawk li jintużaw fuq l-artal maġġur, ikunu tal-fidda.  

Settijiet oħra ta’ impuluzzi x’aktarx li jintramaw ukoll fuq il-gradenzina, dik il-biċċa għamara li tkun fejn l-artal u li fuqha jitpoġġew dawk l-affarijiet li jintużaw waqt il-quddies. Fil-festa, il-gradenzina tkun armata b’diversi oġġetti tal-fidda u d-deheb, foshtom l-impuluzzi. 

Peress li qabel il-Konċilju kienu jiġi ċċelebrat diversi quddies fuq l-artali laterali (jiġifieri l-artali żgħar fil-ġnub tal-knisja) x’aktarx li kien ikun hemm diversi settijiet ta’ impuluzzi. 

Gradenzina tas-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt Valletta armata għall-festa. Fuq nett jidhru żewġ baċiri
Gradenzina tas-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt Valletta armata għall-festa. Fuq nett jidhru żewġ baċiri

Il-Baċir u l-Lavabo 

Fuq il-gradenzina, ma jkunx hemm armati biss l-impuluzzi imma diversi oġġetti oħra. Fost dawn ikun hemm il-baċir jew il-baċiri, għax normalment ikunu tnejn. 

Il-baċiri jkunu bħal żewġ platti kbar tal-fidda li jintużaw mis-Saċerdot biex jaħsel idejh waqt il-Quddiesa, eżatt qabel il-Konsagrazzjoni.  

Wieħed mill-baċiri jinżamm minn abbati li jkollu wkoll il-Lavabo, bħal vażun tal-fidda mimli bl-ilma. Il-baċir l-ieħor jinżamm minn abbati ieħor u fuqu jitpoġġa il-purifikatur, bħal xugaman żgħir li fih is-saċerdot jixxotta jdejh. 

L-Akkolti u s-Salib tal-Kleru waqt funzjoni fil-Knisja tad-Dumnikani tal-Birgu
L-Akkolti u s-Salib tal-Kleru waqt funzjoni fil-Knisja tad-Dumnikani tal-Birgu

L-Akkolti u s-Salib tal-Kleru 

Fuq il-gradenzina jkun hemm ukoll armati żewġ akkolti. Dawn ikunu gandlieri żgħar b’xemgħa twila li jinġarru mill-abbatini biswit is-salib tal-kleru. 

Is-salib tal-kleru huwa dak il-kurċifiss tal-fidda, fuq lasta twila, li jinġarr fuq quddiem waqt il-purċissjoni tal-ħruġ (l-introjtu) u d-dħul ta’ kull quddiesa. 

Jinġarr ukoll, dejjem bl-akkolti maġenbu, fil-purċissjonijiet kollha u warajh jimxu l-abbatini u anke l-kleru tal-parroċċa, jiġifieri s-saċerdoti. 

Huwa simbolu ta’ Kristu għaddej minn qalb il-Kongregazzjoni u meta jinġarr fil-bidu u fid-dħul ta’ kull quddiesa, ifakkar lin-Nisrani għaliex jinsab miġbur fil-Knisja. 

Segwi hawn l-ewwel artiklu ta' din l-enċiklopedija:

More in Festi