Enċiklopedija tal-Festa Maltija: L-armar fil-knejjes (2)

Il-gazzetta ILLUM tkompli b’sensiela ta’ artikli li matulhom se tkun qed tispjega kliem li huwa assoċjat mal-festi Maltin u Għawdxin, mill-armar tal-knisja u l-funzjonijiet sal-armar ta’ barra u n-nar

Din is-sena, l-ILLUM se tagħmel xi ħaġa differenti. F’dawn is-sensiela ta’ artikli, l-ILLUM qed tħares lejn terminoloġija użata fil-festi u tispjega t-tifsira tagħha. Illum se nkomplu nħarsu lejn l-armar fil-knejjes u fil-ġimgħat li ġejjin se nħarsu wkoll lejn aktar terminoloġija marbuta mal-armar fil-knejjes, mal-liturġija, l-armar ta’ barra u anke n-nar. 

L-Umbrellun u t-tintinabblu tas-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt Valletta jinġarru waqt it-Tranżlazzjoni Solenni ta’ Lejlet il-Festa
L-Umbrellun u t-tintinabblu tas-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt Valletta jinġarru waqt it-Tranżlazzjoni Solenni ta’ Lejlet il-Festa

L-Umbrellun u t-Tintinabblu

Fost l-aktar armar interessanti li nsibu f’uħud mill-knejjes hemm l-umbrellun u t-tintinabblu. Dawn mhux se ssibhom fil-knejjes kollha iżda f’dawk il-knejjes li ngħataw id-dinjità ta’ Bażilika Minuri.

Apparti li jintramaw fil-knisja, biswit l-artal maġġur, l-umbrellun u t-tintinabblu jinġarru fil-purċissjonijiet u jqajmu wkoll il-kurżità ta’ diversi nies li jżuru l-festi. Għaliex tinħareġ din il-qanpiena u din l-umbrella kbira bil-kuluri sofor u ħomor? 

L-umbrellun u anke t-tintinabblu huma żewġ insinji, jiġifieri żewġ simboli li juru li knisja jkollha d-dinjità ta’ Bażilika. Jekk inħarsu lejn l-etimoloġija tal-kelma Bażilika, naraw li din oriġinarjament ġejja mill-kelma Griega basileus li tfisser, re. Bil-Latin, bażilika tfisser ‘dar irjali’ riservata għall-amministrazzjoni ta’ atti pubbliċi, ta’ struttura stabbilita imponenti. Maż-żmien, il-bażilika bdiet tirreferi għal tempju pagan imponenti.

L-Insara wkoll kellhom bżonn dawn ‘is-swali’ kbar fejn jiltaqgħu. Għalhekk il-Bażilika, fil-kuntest Kristjan, kienet il-post fejn ir-Re tar-rejiet, jiġifieri Alla, jilqa’ lill-poplu tiegħu, jiġifieri lill-kongregazzjoni biex tiċċelebra l-Liturġija. Dawk il-knejjes li kienu jinbnew fuq l-oqbra tal-martri, wkoll bdew jissejħu Bażiliċi. 

Dawk il-knejjes importanti marbuta mal-Papa, bdew jissejħu Bażiliċi Maġġuri. Dawn sal-lum issibhom f’Ruma u huma erba’, inkluż il-Bażilika Maġġuri ta’ San Pietru fil-Vatikan. Knejjes oħra, anke barra minn Ruma li ngħataw dan it-titlu, bdew jissejħu Bażilika Minuri.

Hawn niġu għall-insinji. It-tintinabblu hija dik il-qanpiena li storikament kienet takkumpanja l-purċissjoni pontifiċja, jiġifieri l-purċissjoni tal-Papa biex tindika l-wasla tal-purċissjoni. L-Umbrellun, min-naħa l-oħra jaf il-bidu tiegħu lil din l-umbrella li kienet tintuża biex tgħatti lill-Papa fil-purċissjonijiet. Il-kuluri sofor u ħomor huma l-kuluri ta’ Ruma li huma wkoll il-kuluri Pontifiċi.

Illum il-Bażiliċi jfakkru fir-rabta tal-knisja mxerrda madwar id-dinja mal-Kattedra ta’ Pietru. Għalhekk, dawn l-insinji, mhumiex sempliċiment privileġġ, imma simboli li jfakkru f’din ir-rabta tal-knisja mal-Papa, is-suċċessur ta’ San Pietru.

Apparti minn hekk, nistgħu ngħidu li t-tintinabblu u l-umbrellun, illum ħadu dimensjoni ġdida. Bħalma t-tintinabblu u l-umbrellun kienu jinġarru fil-purċissjoni u juru li ġej il-Papa, meta jinġarru fil-purċissjonijiet illum, ifakkru lill-Insara għaliex huma miġbura fil-knisja jew f’purċissjoni.

Il-qanpiena tat-tintinabblu, b’mod partikolari, issejjaħ lill-Insara għat-talb. Jekk qabel kienet tinġarr quddiem il-purċissjoni tal-Papa, illum tiftaħ il-purċissjoni tal-bidu tal-quddiesa u anke tindaqq fil-ħin tal-Konsagrazzjoni, biex timmarka l-preżenza reali ta’ Ġesù fl-Ekwaristija. 

L-istandard tal-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp tar-Rabat tal-Imdina waqt it-Tranżlazzjoni Solenni tal-festa
L-istandard tal-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp tar-Rabat tal-Imdina waqt it-Tranżlazzjoni Solenni tal-festa

L-Istandard u l-kruċċetta

L-istandardi huma dawk il-bnadar kbar, miżmuma minn lasta kbira, li jinġarru quddiem il-fratellanzi fil-purċissjonijiet u li jkunu armati wkoll fil-knejjes tagħna fi żmien il-festi u li jagħtu lill-korsija jew lill-kappelluni (skont fejn jintramaw) dehra mill-isbaħ anke minħabba l-kuluri differenti tagħhom.

Jekk illum l-importanza tal-fratellanzi ma għadhiex tinħass daqshekk, dahri kienu importanti ħafna u kellhom funzjoni importanti fis-soċjetà. Dawk membri fi fratellanza jissejħu fratelli (jekk irġiel) u konsorelli (jekk nisa). Il-fratellanzi huma ddedikati lil xi qaddis jew qaddisa partikolari. 

Apparti li jieħdu ħsieb l-artal iddedikat lill-qaddis jew il-qaddisa u anke l-festa tiegħu, fl-imgħoddi l-fratellanzi kellhom il-missjoni tagħhom. Pereżempju fratellanza tal-Madonna tal-Karità kienet tgħin ħafna lin-nies foqra u l-fratelli membri fi fratellanza tas-Sagrament kienu jaraw li l-morda u l-anzjani jitqarrbnu, tant li kienu responsabbli mill-vjatku, jiġifieri t-tqarbin tal-moribondi. 

Ma nistgħux ma nsemmux il-Fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju mwaqqfa fil-parroċċa Dumnikana tal-Belt Valletta. Apparti t-tixrid tad-devozzjoni lejn ir-Rużarju, ir-Rużarjanti kienu jakkumpanjaw lil dawk il-ħabsin ikkundannati għall-forka u kienu jiġbru wkoll il-flus għad-dfin tagħhom u biex isir quddies għal ruħhom.

Apparti minn hekk, il-fratellanzi kienu jagħmlu, fi kliem sempliċi, ix-xogħol tal-unjins tal-lum. Pereżempju l-mastrudaxxi x’aktarx li kienu jingħaqdu u jissieħdu f’xi fratellanza ddedikata lil San Ġużepp.

Biex nifhmu l-importanza tal-istandard, riedna qabel nifhmu l-importanza tal-fratellanzi. L-ilbies tal-fratelli jiddistingwi fratellanza minn oħra u daqstant ieħor l-istandard. Fil-fatt, l-istandard huwa, biex ngħidu hekk, is-simbolu ewlieni li juri l-preżenza ta’ fratellanza fi knisja partikolari. L-istorja tiegħu tmur lura mijiet ta’ snin. Quddiem xi armata jew inkella xi re, x’aktarx li kien jimxi wkoll l-istandard.

L-istandardi jkollhom kuluri differenti li jkunu assoċjati mal-qaddis jew il-qaddisa. Il-fratellanza ta’ San Ġużepp, x’aktarx li se jkollha l-istandard ċilest. Il-fratellanza ta’ San Mikiel se jkollha l-istandard aħdar. Dawk iddedikati lill-Madonna se jkollhom standard abjad jew blu. Dik iddedikata lil  Sant’Agata se jkollha l-istandard aħmar kif ikun dejjem ukoll l-istandard ta’ Sagrament. 

Jekk fi knisja jkun hemm aktar minn standard wieħed ta’ kulur parikolari, xorta ma hemmx problema biex wieħed jiddistingwi fratellanza minn oħra. Dan għax fin-nofs tal-istandard, ġeneralment, ikun hemm irrakmata l-arma jew xi simboli marbut mal-qaddis jew il-qaddisa partikolari.

Fuq nett tal-istandard ikun hemm salib tal-fidda jew inkella xi arma oħra b’simbolu tal-qaddis jew tal-fratellanza. Din tissejjaħ kruċetta.

Is-surġentina tal-Fratellanza tal-Madonna tal-Karmnu mwaqqfa fil-Parroċċa taż-Żurrieq
Is-surġentina tal-Fratellanza tal-Madonna tal-Karmnu mwaqqfa fil-Parroċċa taż-Żurrieq

Is-Surġentina

Wara li tkellimna fuq l-istandard, se nibqgħu nitkellmu dwar il-fratellanzi. Wara l-istandard, dejjem jimxu tliet fratelli, wieħed bil-kurċifiss u l-oħrajn b’żewġ lanterni, jiġifieri fanali tal-fidda. Ma’ dawn, x’aktarx li jkun hemm fratell ieħor li f’idu jkun qed iżomm is-surġentina.

Is-surġentina huwa dak il-bastun irqiq tal-fidda li fuqu jkun hemm statwa jew inkella xbieha tal-fidda tal-qaddis jew il-qaddisa li għaliha l-fratellanza tkun iddedikata. Fil-każ tal-fratellanzi tas-Sagrament, is-surġentina jkollha xi simbolu Ewkaristiku.

X’aktarx li l-fratell li jżomm is-surġentina jkun wieħed mill-uffiċjali tal-fratellanza mmexxija mir-rettur li jimxi wara l-fratelli kollha u jkun liebes medaljun tal-fidda bix-xbieha tal-qaddis jew il-qaddisa.

L-irwol ta’ dan il-fratell li jżomm is-surġentina huwa li jieħu ħsieb il-fratelli waqt il-purċissjoni. X’aktarx li jkun dan il-fratell li jmexxi l-fratellanza, jiġifieri jgħid lil tal-istandard meta jimxi u jieqaf u anke jara li l-fratelli jkunu mqassma tajjeb tul il-purċissjoni. 

Il-bankun u l-bradella tal-vara ta’ Santa Marija ta’ Ħ’Attard
Il-bankun u l-bradella tal-vara ta’ Santa Marija ta’ Ħ’Attard

Il-Bradella u l-Bankun

Kull knisja żgur li għandha bradella u bankun. X’aktarx li jkollha aktar minn sett wieħed, għal kull vara li jkollha anke jekk xi vara minnhom ma tkunx tinħareġ f’purċissjoni. Dan biex ma nsemmux dawk il-knejjes li għandhom ukoll il-vari tal-ġimgħa l-kbira. 

Ħafna drabi ma nagħmlux distinzjoni bejn bankun u bradella. Madanakollu, il-bankun huwa dik il-bażi tal-injam li fuqha titpoġġa l-vara meta din tkun armata fil-knisja fil-ġranet tal-festa. Il-bankun jikkumplimenta l-vara fit-totalità tagħha u għalhekk ħafna drabi dan ikollu xogħol mill-isbaħ ta’ skultura jew interzjar u xi drabi anke statwi jew xbiehat tal-bronż.

Hawn knejjes fejn anke meta tkun fin-niċċa, l-istatwa tiddaħħal bil-bankun b’kollox u għalhekk dan ikun jista’ jitgawda matul is-sena kollha.

Il-bradella mbagħad hija dik il-bażi tal-injam li fuqha jkun hemm marbut il-pedistall u l-istatwa u li tinqala’ minn mal-bqija tal-bankun hekk kif fiha jiddaħħlu l-bsaten biex il-vara tkun tista’ tinġarr fil-purċissjoni. Fi kliem sempliċi, il-bradella ġġorr l-istatwa fil-purċissjoni, filwaqt li l-bankun jibqa’ jistenna fil-knisja.

Fil-knejjes, il-bankun jista’ jirreferi wkoll għal dik il-mejda kbira tal-injam li tkun fin-nofs tas-sagristija u li fuqha jkun hemm l-ilbies liturġiku. X’aktarx li dan il-bankun ikollu kxaxen kbar li fih jintrefa’ l-apparat liturġiku jew id-damask.

L-istellarju madwar ras il-vara ta’ Santa Marija tal-Katidral ta’ Għawdex
L-istellarju madwar ras il-vara ta’ Santa Marija tal-Katidral ta’ Għawdex
Ir-raġġiera tar-Redentur devot tal-Isla
Ir-raġġiera tar-Redentur devot tal-Isla
Id-dijadema ta' San Pietru ta' Birżebbuġa
Id-dijadema ta' San Pietru ta' Birżebbuġa

L-Istellarju, ir-Raġġiera u d-Dijadema

Jekk mhux dejjem nagħmlu distinzjoni bejn il-bankun u l-bradella, wisq inqas nagħmlu bejn l-istellarju, ir-raġġiera u d-dijadema. 

Madanakollu, id-distinzjoni hija sempliċi. L-istellarju jitlibbes biss lix-xbiehat tal-Madonna u jissejjaħ hekk għax ikun jinkludi tnax-il stilla li jdawru ras il-Madonna. L-istellarju għandu l-oriġini tiegħu fis-silta tal-Apokalissi fejn naqraw: “U deher sinjal kbir fis-sema: Mara, liebsa xemx, bil-qamar taħt riġlejha u b’kuruna ta’ tnax-il kewkba fuq rasha.” F’din is-silta, il-Knisja tara x-xbieha ta’ Marija Omm Ġesù u l-istellarju jissimbolizza din il-kuruna ta’ tnax-il kewkba.

Wisq inqas nagħmlu distinzjoni bejn raġġiera u dijadema. Madanakollu raġġiera titlibbes biss lix-xbiehat ta’ Kristu. Ir-raġġiera ma tkunx sempliċiment ċirku jew platt tond imma tkun tinkludi bħal raġġi tax-xemx ħierġa mir-ras ta’ Kristu. Tradizzjonalment, ir-raġġiera titlibbes ukoll lil qaddisin kbar tal-Knisja, magħrufa bħala Patrijarji, fosthom San Franġisk u San Duminku.

Ir-raġġiera tirreferi wkoll għal dik ix-xemx kbira tal-fidda li titpoġġa wara xi xbieha tal-Madonna, bħalma nsibu pereżempju fil-każ tal-Immakulata Kunċizzjoni ta’ Bormla jew ix-xbiehat kollha tal-Bambina. 

Id-dijadema, mill-banda l-oħra, titlibbes lill-bqija tal-qaddisin. Din tkun jew ċirku tond vojt, jew inkella bħal platt tal-fidda jew id-deheb, iddisinjat, li jdawwar ras il-qaddis jew il-qaddisa.

Segwi hawn l-ewwel artiklu ta' din l-enċiklopedija:

More in Festi