'Minn issa rridu nibdew diskussjonijiet dwar il-festi ħalli s-sena d-dieħla niċċelebrawhom'

L-Għaqda Każini tal-Banda saħqet li qed tinnota b'dispjaċir, dawk li sejħitilhom bħala "miżuri sproporzjonati" li qed jittieħdu fil-konfront tas-soċjetajiet tal-banda u anke d-dilettanti tal-festi

L-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda qed tħeġġeġ lill-awtoritajiet biex minn issa jibdew id-diskussjonijiet dwar il-festi 2022 biex is-sena d-dieħla, wara sentejn, il-festi, inkluż dawk tal-Ġimgħa Mqaddsa, ikunu jistgħu jerġgħu jiġu ċċelebrati.

Fi stqarrija, l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda saħqet li qed tinnota b'dispjaċir, dawk li sejħitilhom bħala "miżuri sproporzjonati" li qed jittieħdu fil-konfront tas-soċjetajiet tal-banda u anke d-dilettanti tal-festi matul iċ-ċelebrazzjonijiet jew inkella l-attivitajiet li dawn is-soċjetajiet qed jorganizzaw.

Fil-fatt, fl-aħħar jiem, diversi dilettanti tal-festi qasmu ritratti ta' għadd ta' pulizija għassa ma' partitarji bilqiegħda madwar l-imwejjed jiċċelebraw il-festa b'differenza u qabluhom ma' ritratti ta' eluf ta' nies li fi tmiem il-ġimgħa qed joħonqu t-toroq ta' Paceville.

L-Għaqda tal-Każini fakkret li l-festi huma wirt intanġibbli Nazzjonali u li anke wara ħidma mill-Għaqda ġiet sottomessa applikazzjoni li qegħda pendenti quddiem il-UNESCO sabiex il-Festa tiġi rikonoxxuti bħala Wirt Intanġibbli dinji tal-UNESCO. 

"Bħala Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda huwa d-dmir tagħna li nkunu minn ta’ quddiem sabiex nissalvagwardjaw dan il-wirt intanġibbli. Għalhekk qegħdin għal darba oħra nitolbu lill-awtoritajiet konċeranti sabiex minn ISSA nibdew diskussjonijiet dwar il-festi 2022 mingħajr dewmien, ħalli mis-sena 2022 nerġgħu nibdew niċċelebraw il-festi kollha fl-2022 inkluż  dawk tal-Ġimgħa Mqaddsa," insistiet l-istqarrija.

​Intant ħeġġet u appellat ukoll lil dawk li għad iridu jiċċelebraw il-festi tagħhom fil-ġimgħat li ġejjin sabiex jkomplu jagħmlu dan b’rispett sħiħ lejn id-direttivi u l-miżuri mħabbra dwar iċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi mill-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika.​

Aqra wkoll:

More in Festi