L-istorja ta’ ikona mużikali Malti: Dino Mifsud Lepre

Il-gazzetta ILLUM titkellem mad-drummer u kitarrist Dino Mifsud Lepre 

 

Dino Mifsud Lepre, artist li libes ħafna kpiepel differenti fix-xena mużikali lokali, qasam l-istorja tiegħu ma’ din il-gazzetta. 

Hu rrakkonta l-istorja tiegħu mill-bidu fejn hu twieled u trabba f’familja li tgħożż l-arti, inkluż il-mużika, b’ommu ddoqq il-pjanu kif ukoll tpinġi, tagħmel il-fuħħar u tinteressa ruħha fil-fotografija. Missieru kien idoqq il-kitarra wkoll b’ziju minnhom idoqq id-drums. Dan l-ambjent rabba interess f’Mifsud Lepre li kompla jikber meta sab imħabba għal bands bħal Black Sabbath, The Police, Bob Marley, u oħrajn. 

Mifsud Lepre beda bħala kitarrist imma meta beda l-ewwel band tiegħu Victims of Creation, kitarrist diġà kien hemm imma mhux drummer, allura dar għad-drums. “Id-drums minn dejjem kien strument li jaffaxxinani u minn dejjem kont it-tip li ma’ kwalunkwe mużika, kont nispiċċa nħabbat il-lapes jew il-pinna mar-ritmu ta’ dak li nkun qed nisma’.” 

Bħala drummer, hu qal li għandu numru ta’ drummers favoriti inkluż Bill Ward mill-band Black Sabbath, u Mitch Mitchell mill-band Jimi Hendrix. Barra minn hekk, hu qal li għandu ċerta ispirazzjoni minn ġeneri differenti inkluż ir-Reggae u l-Iska. Hu qal li jagħmel distinzjoni bejn ispirazzjoni u emulazzjoni billi jieħu ideat u jaddattahom għall-mużika tiegħu. 

Hu tkellem fuq il-kariera mużikali tiegħu fejn qal li hi diffiċli sabiex jagħżel proġett li jista’ jgħid li hu l-favorit tiegħu. Hu qal li hu dejjem daq għax jieħu gost jaqsam il-ħin tiegħu ma’ ħbieb veru li japprezza u jħoss konnessjoni mużikali magħhom. 

“Dak kollu li għamilt s’issa kien dejjem għax ħadt gost nagħmlu u anke għax kelli bżonnu, għax b’xi mod il-mużika għalina ħafna mid-drabi hi anke żvog u mod kif toħroġ dak li hemm ġo fik,” qal Mifsud Lepre. 

Hu qal li kien hemm gruppi fejn ma laħaqx jirrekordja xi xogħol magħhom inkluż Lithomancy, Griffin Device u Deluge of Shadow. Madankollu, kellu ċans jirrekordja ma’ bands oħrajn inkluż The I SKAndal, żewġ albums ma’ Xtruppaw, żewġ albums ma’ Victims of Creation, żewġ albums ma’ Pilgrimage u xogħol ieħor ma’ Hemplifier. 

Barra mix-xogħol ta’ Mifsud Lepre ma’ numru ta’ bands rinomati Maltin, huwa kkontribwixxa għax-xena b’modi oħra. Hu beda festival tal-mużika Reeferfest li għall-bidu kienet debutt live għall-band Hemplifier. Fil-fatt l-istess band baqgħet torganizza l-festival stess, li waslet fis-sitt edizzjoni. Hu spjega li dan il-festival huwa mezz ta’ kif nies fid-dinja tal-mużika lokali jagħmlu kuntatti ġodda ma’ bands barranin li huma interessati jdoqqu f’Reeferfest. Ġieli dawn il-kuntatti jwasslu għall-exchange-gigs fejn bands barranin idoqqu Malta u dawk Maltin idoqqu barra, hu spjega. 

Mifsud Lepre qal li hu dejjem iħares ’il quddiem b’ħafna ideat imma mhux dejjem ikunu jistgħu jissarrfu f’arti minħabba li jsibha diffiċli sabiex jittraduċi dak li jkun f’moħħu bl-istrument. Hu qal li bħalissa l-bands li hu attiv fihom, Hemplifier u Pilgrimage, qed jaħdmu fuq diski ġodda u li jdoqqu kemm jistgħu barra minn Malta, li hi xi ħaġa diffiċli minn aspett finanzjarju. “Dak li jmiss hu dejjem dak li għamilt s’issa – iktar records u iktar kunċerti barra minn Malta.” 

L-artist ta rendikont tal-istorja tax-xena mużikali lokali li ilu fiha mit-tmenijiet. Hu qal li bejn it-tmeninijiet u d-disgħinijiet hu jiftakar iżjed għaqda fix-xena fejn kulħadd kien jappoġġa lil kulħadd. Hu qal li minn ċerti aspetti, l-internet għen minn aspett ta’ konoxxenza fuq ix-xena. Hu spjega li llum l-internet qed jgħin anke gruppi żgħar li għadhom jibdew isibu segwaċi. Hu argumenta wkoll li l-internet qed jgħażżen ħafna nies u anke naqqas l-attendenza għall-kunċerti, u l-band tista’ biss iżżomm introjtu sostenibbli bil-merchandise.  

Hu spjega kif il-pandemija kompliet tnaqqas l-attendenza fil-kunċerti. “Sa qisu għaxar snin ilu, kulħadd kien ikun qed jistenna bil-ħerqa għall-kunċert, jew fi żmieni anke sempliċement ‘Rock Night’.” Mifsud Lepre ħa spunt sabiex jirrikonoxxi l-midja u kif din qed tgħin bands żgħar isemmgħu leħinhom u The Garage, post li dejjem ta spazju sabiex kwalunkwe grupp jew artist idoqq il-mużika tiegħu. 

Fuq nota pożittiva, hu qal li l-livell tal-bands lokali kompla jikber ġmielu b’iżjed mużiċisti bravi u rikonoxxuti, iżjed recording studios u sound engineers li qed itejbu bil-kbir il-livell tal-kunċerti. Hu għalaq billi appella li jekk in-nies iridu li din il-mużika tibqa’ ħajja, irid ikun hemm sapport mingħand in-nies, u tiżdied l-attendenza fil-kunċerti. 

More in Divertiment