Għidli naqra: OBLIQUE VISIONS
F’din is-sensiela l-ġdida, il-gazzetta titkellem ma’ bands lokali fuq ix-xena tal-mużika f’Malta u fuq l-istorja tal-band innifisha
Minn fejn bdiet l-istorja tal-band?
L-istorja tal-band bdiet fl-1991, meta Conrad ‘Twister’ Attard u Brian ‘FUSA’ Sammut iltaqgħu bħala apprendisti u skoprew li kienu t-tnejn isegwu l-mużika ‘heavy’. Brian esprima x-xewqa tiegħu li jgħaqqad grupp mużikali u t-Twister ħatfu fil-kelma u wera l-interess li jidħol bħala drummer.
Kontu tafu lil xulxin qabel ma kontu fil-band flimkien?
Lil Jeffrey ‘Is-Serp’ sirna nafuh meta konna nitgħallmu l-kitarra għand Toni Pace, Santa Venera. Meta Brian u Twister staqsew lil Jeffrey jekk iridx jipprova mal-grupp, Jeffrey aċċetta u beda jattendi r-rehearsals, u qbilna mill-ewwel. Għal żmien qasir, kien hemm ukoll il-keyboardist Dennis ‘Il-Ganadu’ Attard. Dan kien ġar ta’ Brian u kien jieħu gost jintefa’ mal-grupp. Tħajjar jixtri Casio u rnexxielu joħloq atmosfera partikolari fil-mużika tal-band. Stefan ‘Wolff’ Borg kien ġie mill-Awstralja, u kien imur l-iskola tal-Fellenberg Training Centre ma’ Twister. Wolff kien digà jdoqq ma’ rock-band jisimha INSANITY. Twister kien ħajru jipprova mal-grupp, avolja ma kienx l-istil tiegħu ... però Wolff irnexxielu jgħaqqad il-melodiji u l-ideat tiegħu ma’ dawk tal-bqija tal-grupp. Wara, il-band għaddiet minn ħafna tibdil ta’ kantanti, sakemm Jason Agius (magħruf bħala Tal-Queens) kien dak li tefa’ lil band fi stil li kien tassew avvanzat għal dawk iż-żminijiet. Minn dak iż-żmien, il-band imbagħad għaddiet minn ħafna tibdil ta’ membri, sakemm fl-2017, il-membri oriġinali ddeċidew li jerġgħu jingħaqdu għal reunion gig. Wara dan il-kunċert il-grupp iddeċieda li jerġa’ jkompli fejn ħalla – però mingħajr Jason, minħabba raġunijiet personali u Wolff, li kien irritorna lejn l-Awstralja. Minflok Wolff, ingħaqad Frank Pizzo, li dak iż-żmien kien kollega ta’ Twister. Ftit wara Twister kellem lil Conrad Borg, li dak iż-żmien kien vocalist ma’ band oħra (IN SUFFERANCE) u kkonvinċieh jipprova magħhom ukoll. L-aħħar żieda fil-band kienet dik tat-tielet kitarrist, Roberto Guida, ħabib tal-qalb ta’ Frank. Il-band ġiet offruta kunċert prominenti f’Lulju li għadda, però kien hemm problema għax Jeffrey kien se jkun imsiefer. Fuq suġġeriment ta’ Jeffrey stess, Roberto ġie mistoqsi jekk kienx interessat idoqq minflok Jeffrey għal dan il-kunċert. Tant mar tajjeb li l-membri tal-grupp iddeċidew li jistaqsuh iridx jibqa’ permanentement, u dan aċċetta.
Kif għażiltu l-isem tal-band?
L-isem OBLIQUE VISIONS ġie mogħti lill-band mill-ħabib tal-grupp Malcolm ‘Gulu’ Callus, li ħafna jafuh mal-gruppi SCEPTOCRYPT u DYSMENORRHEA (li Conrad inzerta kien parti minnhom ukoll).
Liema hu l-iżjed proġett għal qalbkom?
Naħseb l-aktar proġett ambizzjuż s’issa kien il-kunċert li għamilna ma’ St Paul’s Metropolitan Orchestra – Dan kien l-ewwel kunċert f’Malta bejn grupp metal u orchestra, ibbażat esklussivament fuq mużika oriġinali tal-grupp (l-aħħar album ta’ OBLIQUE VISIONS, Out of Darkness).
X’inhu l-pass li jmiss?
Bħalissa qed naħdmu fuq l-album li jmiss li ħa jġib l-isem ta’ Fragments.
Liema hi l-ikbar ispirazzjoni tagħkom?
Bħala ispirazzjonijiet, għalkemm il-membri kollha tal-grupp jisimgħu rock u metal, kulħadd għandu l-istil favorit tiegħu. Naħseb hija din it-taħlita ta’ stili differenti li tagħti grupp mużikali l-identità tiegħu, filwaqt li tagħti wkoll lok li ‘jevolvi’.
Ix-xena tal-mużika lokali toffri opportunitajiet lill-artisti li għadhom jibdew?
Illum il-ġurnata nemmen li hawn aktar opportunitajiet, mhux fix-xena mużikali biss. L-avvanz fit-teknoloġija u l-media soċjali taw spinta sew u fetħu ħafna aktar orizzonti.
Kieku tistgħu tbiddlu xi ħaġa fix-xena mużikali Maltija, xi tkun?
Ix-xena mużikali Maltija fiha ħafna u ħafna talenti. Kif għedt qabel, illum il-ġurnata hawn aktar fejn grupp mużikali jista’ jimraħ. Madankollu naħseb li fejn tidħol ix-xena metal, din għadha kemxejn sottovalutata u jistħoqqilha aktar espożizzjoni.
