Kast b’saħħtu taħt it-tmexxija ta’ Kiril Manolov għall-opra ta’ Verdi Falstaff, fi produzzjoni ġdida ispirata mis-snin sittin
It-Teatru Manoel, flimkien mal-MNO, iħabbru produzzjoni ġdida tal-opra Falstaff ta’ Verdi, li qed terġa’ tittella’ f’Malta b’kast internazzjonali ta’ klassi dinjija, li ħafna minnhom qed jerġgħu jinterpretaw l-irwoli famużi tagħhom f’Falstaff minn fost l-aqwa teatri tad-dinja.
Taħt id-direzzjoni kreattiva tat-tenur Malti u nominant tal-Opera Awards Nico Darmanin, l-MNO flimkien mat-Teatru Manoel se jibdew kapitlu ġdid ta’ sħubija internazzjonali u ambizzjoni artistika, li se jġibu quddiem l-udjenzi Maltin xogħlijiet klassiċi li jirriflettu l-ogħla livelli operistiċi u viżjoni moderna għall-futur.
Din il-produzzjoni ġdida sseħħ ġewwa studio tax-xandir tas-snin sittin mimli ħajja, ispirat mid-Direttriċi Barbara Diana, fejn Falstaff jisplodi bil-kulur, il-kummiedja u l-esperjenza ta’ televiżjoni diretta. Il-kapolavur finali ta’ Verdi jieħu ħajja ġdida f’din id-dinja ta’ dwal ON AIR mixgħula, kameras ta’ studio, purtieri tal-bellus u kaos ta’ wara l-kwinti … ambjent li jkabbar l-umoriżmu u l-enerġija eżuberanti tal-opra.
Din il-produzzjoni hija mmexxija minn Federico Tibone, figura li qed timraħ fis-settur operistiku Ewropew. Ix-xogħol ta’ Tibone jinkludi l-Opéra National de Paris u l-Opéra de Marseille, li jġib miegħu tmexxija mużikali preċiża, fejn se joħroġ l-istil komiku ta’ Verdi u l-brillantezza tal-ensembles tiegħu. Hu se jkun qed imexxi l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta fl-opra Falstaff.
Id-disinn tas-sett u tal-kostumi, maħluqa minn Stewart J. Charlesworth, huma ċ-ċentru viżiv ewlieni tal-produzzjoni. Ispirat mill-palette qawwija u l-istil grafiku tas-snin sittin, id-dinja ta’ Charlesworth hija mimlija b’waqtiet komiċi, dwal tal-istudio, splużjonijiet ritmiċi ta’ kulur u siluwetti mfassla b’mod ċar li jirriflettu r-ritmu u l-briju tal-mużika ta’ Verdi, filwaqt li jarrikkixxu l-kummiedja ħajja mmexxija mill-karattri li tiżvolġi fuq il-palk.
Kapitlu ġdid għall-opra f’Malta
Din il-kollaborazzjoni bejn l-MNO u t-Teatru Manoel timmarka bidla fil-pajsaġġ operistiku Malti, lejn produzzjonijiet mibnija fuq kast internazzjonali, teatru kontemporanju u sens wiesa’ ta’ ambizzjoni artistika fuq il-palk nazzjonali.
Bil-ħidma vibranti tagħha tas-snin sittin u t-tim kreattiv eċċezzjonali tagħha, Falstaff tagħti bidu għal approċċ aktar miftuħ lejn l-opra f’Malta: wieħed definit mill-eċċellenza artistika, l-iskala u konnessjoni ġdida mad-djalogu operistiku Ewropew iktar wiesa’.
Dwar il-produzzjoni
Din il-verżjoni ġdida ta’ Falstaff tieħu lill-udjenzi fid-dinja frenetika ta’ studio televiżiv tas-snin sittin, post fejn il-vanità, l-ambizzjoni, l-għajdut u x-xewqa jiżvolġu taħt id-dwal bla ħniena tal-istudio. Hekk kif l-iskemi ta’ Falstaff jaqgħu għalkollox madwaru, in-nisa ta’ Windsor jieħdu l-kontroll f’vendetta komika bi ħsieb brillanti.”
Dati tal-produzzjoni: 22 ta’ Frar – 1 ta’ Marzu March 2026
Post: Teatru Manoel, Valletta
