Taħdita pubblika fil-Mużew Il-Ħaġar: Religious Materiality: Christian Captives in North African Bagnos during the Early Modern Period

"Il-fidi kienet ukoll fattur li jiddistingwi lill-priġunieri bħala l-“barranin” meta kienu jiġu misruqa u meħuda f’soċjetà stranġiera imma wkoll bħala mezz ta’ faraġ u għaqda bejn il-priġunieri ġewwa l-ħitan tal-ħabs"

Nhar is-Sibt 17 ta’ Mejju fil-11:00 a.m. il-Mużew Il-Ħaġar se jorganizza l-aħħar taħdita pubblika ta’ qabel is-sajf li ġġib it-titlu Religious Materiality: Christian Captives in North African Bagnos during the Early Modern Period. Iż-żewġ lekċerers huma Dr Matthias Ebejer u Maria Dobos Falzon.  

Fil-perjodu modern bikri, il-Baħar Mediterran kien sfond ta’ kunflitti imma anke ta’ konverġenzi bejn il-baħrin Musulmani tal-Afrika ta’ Fuq u l-Insara Ewropej. Bħalma l-baħar spiss kien mezz ta’ mistrieħ u ta’ kuntatti kummerċjali u diplomatiċi, kien ukoll teatru ta’ kunflitt. Għalkemm mhux il-kunflitti kollha kienu motivati mir-reliġjon, fil-Mediterran, ir-reliġjon kienet spiss fattur ewlieni wara episodji ta’ jasar u segregazzjoni. Barra minn hekk, il-fidi kienet ukoll fattur li jiddistingwi lill-priġunieri bħala l-“barranin” meta kienu jiġu misruqa u meħuda f’soċjetà stranġiera. Imma l-fidi kienet isservi wkoll bħala mezz ta’ faraġ u għaqda bejn il-priġunieri ġewwa l-ħitan tal-ħabs (bagnos). 

Rakkonti dettaljati ta’ ċelebrazzjonijiet reliġjużi miżmuma mill-ilsiera waqt il-jasar tagħhom jikkonfermaw kif il-priġunieri spiss kienu jiksbu materjal reliġjuż, ħafna drabi bl-għajnuna tal-gwardjani tagħhom. Dawn l-oġġetti kienu jservu bħala mezz li għal ftit ħin kien inessi l-esperjenza tal-jasar u kienu joffru lill-priġunieri konnessjoni mal-pajjiż li ħallew warajhom. Dan il-materjal jista’ jiġi studjat kemm mill-perspettiva tal-priġunieri, li jsibu fih sors ta’ faraġ, kif ukoll mil-lenti tal-gwardjani li kienu jagħmlu dan il-ġest sabiex il-priġunieri jkunu aktar doċli. Din il-preżentazzjoni se toffri eżempji ta’ materjal reliġjuż marbut mal-Insara fil-jasar fil-bagnos tal-Marokk, Tripli u Algiers. Il-preżentazzjoni mhux se tiffoka fuq materjal personali ta’ individwi li ġew spostati minn darhom imma se tikkonċentra fuq dawk l-oġġetti użati fost il-priġunieri jew fuq dawk l-oġġetti offruti fil-knejjes jew fil-moskea minn dawk li rnexxielhom jirritornaw lura lejn darhom. 

Maria Dobos Falzon hija Uffiċjal tal-Kollezzjonijiet fl-Arċidjoċesi ta’ Malta u għandha MSc minn Leicester fl-Istudji dwar il-Mużewijiet. F’Leicester rebħet ukoll il-Jim Roberts Prize għar-riċerka tagħha dwar il-mużewijiet u l-bijodiversità. Dr Matthias Ebejer huwa storiku u speċjalista ewlieni tal-kollezzjonijiet mal-istess Arċidjoċesi. Kiseb il-PhD mill-European University Institute f’Firenze u għandu esperjenza kuratorjali f’diversi mużewijiet f’Malta.  

Id-dħul huwa b’xejn imma huwa rrakkomandat li tirriservaw il-post tagħkom billi tibagħtu email fuq [email protected].

More in Divertiment