.png)
Il-jazz letterarju tal-poeżija ta’ Joe Friggieri
Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Miriam Galea titpaxxa taqra ‘Jgħaddi Maħrub it-Tren’, li fih Joe Friggieri jurina l-ħila letterarja tiegħu mżewġa ma’ stil modern u eleganti fil-poeżija inċiżiva u evokattiva, minkejja l-ħeffa u s-sempliċità tagħha

L-ewwel ħaġa li tolqtok fil-kitba ta’ Friggieri hi kemm hi inċiżiva, minkejja li tant ħafifa u sempliċi. Però hi hawn il-ħila tal-kittieb. Is-sempliċità tiegħu hi qarrieqa, u riżultat ta’ proċess ferm aktar sofistikat u kumpless, li jeħtieġ perċezzjoni sensittiva, ħsieb ċar imnaqqax għall-essenzjali, u l-għażla fina tal-aktar kliem mirqum li jaqbad il-ħsieb, filwaqt li jżewqu poetikament. Friggieri kapaċi jaqbad riflessjonijiet u sensazzjonijiet astratti u profondi f’erba’ kelmiet magħżula bir-reqqa u bil-ħlewwa — biċċa xogħol ħafna iktar iebsa milli kieku kellu jelabora b’mod aktar prolifiku.
Dan narawh saħansitra mit-titlu tal-ktieb, Jgħaddi Maħrub it-Tren, ukoll l-ewwel linja ta’ poeżija. Friggieri jpinġilna f’erba’ linji s-sensazzjoni ta’ tren li jgħaddi bil-ħeffa minn quddiemna, u jħalli biss impressjoni, bħalma jagħmlu l-poeżiji qosra u ħfief tiegħu. Qabel ma tkun taf, ikunu diġà sgiċċaw bħat-tren, iżda jħallu warajhom “ħjiel imċajpar fil-memorja” li jevoka iktar milli jgħid, bħal fwieħa li tibqa’ mdendla fl-arja kif jgħaddi stranġier, jew togħma li tibqa’ ttiegħem f’ħalqek wara li tkun blajt l-ikel. B’dan il-mod, Friggieri jittratta lill-qarrej b’mod intelliġenti u anki nebbiexi, bħallikieku jħalli f’idejh ikompli jixtarr u jidħol fil-logħba miegħu. “Niżlet bil-ħatfa x-xemx / wara l-għelieqi, / u fuq il-bjut / tinfirex mingħajr ħoss / id-dalma.” F’sentenza sempliċi li tiftaħ il-poeżija Settembru, dħul Ottubru, jevoka perfettament is-sensazzjoni u l-atmosfera ta’ tmiem il-jum. “Bejn il-kampnar u l-koppla / ittir qatgħa ħuttaf / u terġa’ lura”, u f’sentenza qasira oħra jikkonkludi l-kwadru ta’ xena familjari ta’ nżul ix-xemx Malti. Fi Stasi, jirnexxilu jaqbad b’mod daqstant effiċjenti l-ħedla wieqfa ta’ waranofsinhar. Fil-poeżija qasira Ma’ kull imħabba ġdida jaqbad, bħal f’perla waħdanija, jiddeskrivi ċ-ċiklu tal-imħabba minn bidu sa tmiemu. Bl-istess ekonomija eleganti, f’Tal-festa jaqbad f’żewġ stanzi l-kuntrast bejn il-profanità tat-tbaħrid taż-żgħażagħ u d-devozzjoni tal-qassis magħkus.
L-istil impressjonistiku ta’ Friggieri jxebbhu ma’ pittur li b’erba’ pinzellati jevoka xbieha mingħajr il-bżonn li jidħol fid-dettall. Il-poeżija tiegħu hi viżiva u atmosferika ħafna. Bosta mill-poeżiji huma deskrizzjoni viżiva ta’ xena. Poeżija minnhom isimha magħha — Still Life — li fiha litteralment ipittrilna natura morta bi kliemu. Friggieri jitpaxxa, u juri kunfidenza meta, billi sempliċement jelenka s-sensiela maħlula ta’ elementi ta’ xena, jirnexxilu jqanqal fina ħsibijiet u memorji, bħal f’Milied fejn jelenka elementi ta’ Milied Malti, u f’Sunett Botaniku magħmul minn lista ta’ pjanti differenti. F’L-isqaq li ma jinfidx, l-istess forma innovattiva japplikaha minflok biex jiddeskrivi stat psikoloġiku skomdu li jixbah sens ta’ għeluq fiżiku: “L-isqaq li ma jinfidx, il-qtates suwed, / il-lazz maħlul, il-qomos issikkati, / iż-żrara fiż-żarbun, it-trab f’għajnejja”. Spiss l-ispunti li jispiraw poeżija jkunu wkoll viżivi, bħal f’Il-fjura u r-rixa, ispirata minn mument trivjali fejn jaqgħu flimkien mill-arja fjura u rixa.
Friggieri juri wkoll li għandu sensittività kbira li tippermettilu jħoss l-uġigħ eżistenzjali, josserva l-iċken emozzjonijiet, sensazzjonijiet u ħlejjaq, u jempatizza — sensittività li tgħix f’intensità u skiet intimu li donnu tlifna. F’Għaddejt, jinnota kif mat-tielet darba li għadda mill-istess post, osserva gremxula ħierġa minn ġol-ħajt. Jislet il-vulnerabbiltà mill-imġiba esterna ta’ missieru meta f’Tas-sold-xelin, jagħfsilna qalbna jgħid kif missieru kien dejjem jitlef: “M’għamilna xejn” / kien jgħid minn taħt l-ilsien / kif jara n-numru. / Ir-rota tas-sold-xelin / qatt ma waqfet / fejn kien jixtieqha tieqaf. / Kultant kont inħoss / li donnu kien jaf / li mhux se jirbaħ.” Il-poeżija ta’ Friggieri misbuqa b’dil-melankonija, hi u tagħraf it-telfien inevitabbli fil-kundizzjoni umana. F’Hemm Għadu anki l-kurċifiss tellief, abbandunat minn dawk kollha li sahru miegħu għall-bidu, għadu jistenna fil-vojt l-irxoxt.
Friggieri però jagħraf ukoll l-assurdità u l-ironija f’dan it-telfien eżistenzjali, u jiddeskrivih b’umoriżmu skur. F’Wieħed li kellu jagħti, l-imdejjen “daħal jistkenn / fix-xita nieżla qliel / ġo kamra abbandunata / u qagħad iħares lejn il-wied għaddej / taħt il-bankina / iġorr il-kontijiet / tad-dawl u l-ilma / u l-laned kollha lwien / tal-luminata.” Qabel u wara tittratta b’mod xott u nebbiexi l-aspettattivi tagħna: “Damet ħafna tissara / biex tiftaħ l-arzella, / imbagħad meta fetħitha / sabitha vojta.” Jagħraf il-bluha tal-bnedmin u l-ironija tal-ambizzjoni: “Qabel ma ħalla ħajtu / fil-ġlied fuq il-fruntiera / mar jiġri biex jixxabbat / mal-arblu tal-bandiera”. Jirrifletti fuq id-dispjaċir għal imħabbiet mitlufin u kliem imgħoddi. Kif ukoll l-ikreh telfien, dak tal-gwerra u l-imwiet, li jissemmew bosta drabi f’din il-ġabra.
In-natura hi reżiljenti u intemporali meta mqabbla mat-telfien uman mal-mogħdija taż-żmien. Il-ġabra tibda proprju billi f’Eden iqabbel l-istat mortali tagħna man-natura li ma tinbidel qatt biż-żmien u l-elementi: “Is-siġar taċ-ċipress / il-blat u l-baħar / jifilħu l-lejl u n-nhar [...] / u ma jinbidlu qatt / fil-bard u s-sħana. / Hekk kellha tkun / meħlusa mit-taħsir / il-ħajja tagħna.” Is-sempreviva t’Għawdex “B’saħħitha daqs ix-xemx / u l-blat u l-baħar / tegħleb iż-żmien / mill-bidu tal-ħolqien”. Fil-masġar tan-nixxiegħa “tistħajlu jdub iż-żmien / u terġa’ tisma’ bħalma smajtha darba / id-daqqa tal-imgħażqa fil-ħamrija.” F’Koħelet, iwissi liż-żagħżugħ biex igawdi żgħożitu, u f’Armageddon isaqsi jekk meta tintemm id-dinja jifdalx żerriegħa li tinbet mit-tifrik.
Iżda l-kuntrast krudili tal-intemporalità tan-natura meta mqabbla mal-mortalità tal-bniedem tagħmilha wkoll indifferenti, meta tibqa’ għaddejja bħal dejjem minkejja t-traġedja umana. Fi Żmien il-qtil, “jibqa’ l-qamar jifrex / velu tas-satin / fuq l-art maħruqa / jibqgħu l-kwiekeb / jiddu fuq il-mejtin”. Iż-żmien li jtir minkejja xewqat il-bniedem hu tema oħra: “Mgħabbar il-miżien / bil-kfief mimlija: / il-waħda bix-xewqat / u l-oħra bil-ħamrija.”
Madankollu, kif semmejt qabel, din il-melankonija eżistenzjali ma ttaqqalx kitbet Friggieri, għax fiha jagħraf l-assurdità. Barra minn hekk, insibu bosta mumenti ta’ għaxqa bid-dinja, fejn is-sensittività tal-poeta twasslu jara mhux biss l-uġigħ, imma wkoll l-iċken għeġubijiet bħal “fjura rqiqa ħamra / mitluqa f’nofs il-wied / fejn la ħadd jaraha / u hi lil ħadd ma tara” u mumenti intimi ta’ kuljum bħar-“riħa tal-kafè jintaħan”. Din l-għaxqa testendi għall-poeżija nnifisha, f’bosta metapoeżiji awtoriflessivi. Fi Ħsiebi, jgħid li “ħsiebi bħal vleġġa / jaqsam l-art u s-sema” u anki f’ċella “xorta bil-ħsieb ngħaddi mill-ħajt [...] u ma jwaqqafni ħadd / u ħadd ma jżommni.” F’Mingħajr ma naf sejjer il-poeta minn kamartu jtir bi ħsiebu: “Indur darbtejn mad-dinja / niddendel mal-qawsalla / immiss is-sħab b’idejja.”
Jidher kemm Friggieri jħobb jilgħab bil-lingwa u l-kunfidenza eleganti li għandu li tippermettilu jikteb poeżija bħal Qatra qatra, magħmula minn sensiela maħlula ta’ stanzi qosra bħal ħajki, imma daqstant inċiżivi u evokattivi. Il-poeżija ta’ Friggieri taf tidher li tirreferi ħafna għall-poeti Romantiċi antiki, minħabba l-ħakma tiegħu ta’ vokabularju letterarju u poetiku. F’kumment tiegħu dwar il-ġabra Sekwenzi, Immanuel Mifsud isaqsi Friggieri jaddottax “ton li forsi mhuwiex ta’ żmienu”. Però, dan fil-fatt juri biss kemm Friggieri hu kittieb mirqum. Minkejja li għandu vokabularju għani u letterarju, il-leħen xott u ħafif u l-istil eleganti u konċiż tiegħu huma għalkollox moderni. Jekk il-lingwaġġ ta’ Friggieri ma jinħassx ta’ żmienu għax drajna “t-traskuraġni kbira li biha hu mitħaddet u miktub il-Malti”, kif osserva Oliver Friggieri fl-istudju kritiku tiegħu ta’ Kadenzi, jew inkella għax, kif osserva Mifsud ukoll, “wħud mill-kontemporanji tiegħu għażlu r-rabja bħala l-espressjoni tipika tagħhom”, mela għandna nilqgħuh b’tant iktar ħerqa, u mmorru lura u naraw fejn tlifna l-Malti rfinut u galbat. Friggieri stess, f’Illum ma nafx, isaqsi: “Illum ma nafx / min għadu jisma’ r-riħ / iħaxwex qalb il-weraq, / il-mewġ iħabbat ġol-għerien / [...] Ma nafx min għadu jaqra / l-poeżija.”
Il-poeżija ta’ Friggieri mhijiex antikwata, affattu. Għall-kuntrarju, hi sempliċement fina, kwalità li sfortunatament drajna mingħajrha fil-faqar u t-tkażbir tal-Malti llum. Il-poeżija ta’ Friggieri mhi xejn inqas minn jazz lingwistiku: bil-ħila letterarja tiegħu li jħaddem it-teknika esperimentata. L-istil eleganti ta’ Friggieri jista’ jinġabar f’erba’ linji minn tiegħu stess: “Ħerġin mid-dar il-kbira / in-noti tawwalin / tal-klarinett. / Fis-sfura tal-lampjun / ix-xita traxxax.”