Żewġ kotba oħra għat-tagħlim tal-Malti bħala Lingwa Barranija
Il-kotba l-ġodda jsegwu approċċ ta’ tagħlim progressiv billi jibnu fuq l-ewwel livel
BDL Publishing għadhom kif nedew it-tieni livell tas-serje bilingwi (Malti/Ingliż) Maltese as a Foreign Language for Juniors ta’ Charles Daniel Saliba. Dan il-livell, li hu bbażat fuq il-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi, u li jkopri l-Livell A2, Elementari, fih żewġ kotba: Learning Maltese 3 / Nitgħallem il-Malti 3 u Learning Maltese 4 / Nitgħallem il-Malti 4.
Il-kotba l-ġodda jsegwu approċċ ta’ tagħlim progressiv billi jibnu fuq l-ewwel livell. Fihom, l-istudenti jkomplu jitgħallmu r-regoli bażiċi tal-grammatika bl-użu ta’ approċċ tematiku, jisimgħu kull djalogu jew kontenut moqri bil-Malti standard minn kelliema nattivi, jiffamiljarizzaw ruħhom mal-kultura Maltija, u jinvolvu ruħhom f’diversi attivitajiet prattiċi għal tagħlim u reviżjoni effettivi. L-istudenti jipprattikaw l-erba’ ħiliet tal-lingwa — is-smigħ, it-taħdit, il-qari, u l-kitba — u jużaw it-taqsima tal-kisbiet mit-tagħlim biex jivverifikaw jekk laħqux l-għanijiet tal-unità.
Dr Saliba qal, “Wara s-suċċess tal-ewwel livell, dan il-livell kien mistenni ħafna. Dan il-proġett se jappoġġja, mhux biss lit-tfal ta’ nazzjonalità barranija li jgħixu f’Malta u Għawdex biex ikomplu jitgħallmu l-lingwa, iżda wkoll lit-tfal ta’ dixxendenza Maltija li jgħixu barra minn Malta. Dawn il-pubblikazzjonijiet jgħinu biex il-wirt lingwistiku u kulturali ta’ Malta jibqa’ jiġi ppreservat sabiex il-lingwa nazzjonali tagħna tkompli tisseddaq.”
Il-kotba jiġu bl-awdjo u bi ktejjeb tat-tweġibiet għall-eżerċizzji li fihom, li jistgħu jitniżżlu b’xejn. Il-kotba f’din is-sensiela huma approvati mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu ta’ Malta.
