
L-ewwel edizzjoni ta’ FARAXA FEST, Fiera tal-Kotba organizzata minn Faraxa Publishing
FARAXA FEST hija fiera tal-kotba speċjali għal kull min iħobb il-kotba – minn qarrejja sa kittieba, kif ukoll professjonisti fl-industrija!
.png)
Faraxa Publishing se tkun qed torganizza l-ewwel edizzjoni ta’ FARAXA FEST, mill-15 sat-18 ta’ Mejju 2025, fis-Sala tal-Knisja tal-Parroċċa tal-Ibraġ.
FARAXA FEST hija fiera tal-kotba speċjali għal kull min iħobb il-kotba – minn qarrejja sa kittieba, kif ukoll professjonisti fl-industrija! L-avveniment ewlieni hu r-roħs kbir ta’ kotba, bit-titli kollha ta’ Faraxa Publishing igawdu skontijiet fil-prezz. Fost il-varjetà wiesgħa ta’ kotba ta’ Faraxa, se jkun hemm għall-bejgħ: traduzzjonijiet letterarji, finzjoni tal-ġeneru għall-adulti u ż-żgħażagħ, poeżiji, titli akkademiċi, u għażla inkredibbli ta’ kotba għat-tfal ta’ kull età.
U dak mhux kollox! Matul l-erbat ijiem ta’ FARAXA FEST, se jkun hemm numru kbir ta’ avvenimenti oħrajn. Philip M. Bonello se jżurna l-Ħamis għat-tnedija tal-ktieb awtobijografiku tiegħu, Jien Niftakar il-Belt…, u Terence Mirabelli se jkun qed jospita Trivia Night il-Ġimgħa, ispirat mis-suċċess tal-ktieb tat-trivia tiegħu, The Truly Useful Book of Useless Information. Is-Sibt, it-tim ta’ Faraxa se jingħaqad ma’ Bookmark Editors għal ġurnata ta’ seminars għall-awturi, u s-Sibt u l-Ħadd se jkun qed jilqa’ bosta kittieba/tradutturi li se jkunu parti minn panels ta’ diskussjonijiet miftuħin għall-pubbliku.
Qed taħseb tistax iġġib it-tfal miegħek? Dażgur! Is-Sibt u l-Ħadd se jkun hemm diversi sessjonijiet ta’ qari u krafts għat-tfal, kif ukoll imagination workshop ma’ Aunty Sab – perfett għall-ġenituri li jixtiequ jduru l-imwejjed tal-kotba għal ftit minuti żejda!
FARAXA FEST se tkun miftuħa f’dawn il-ħinijiet:
- Il-Ħamis 15 ta’ Mejju: 5 p.m. – 8 p.m.
- Il-Ġimgħa 16 ta’ Mejju: 9 a.m. – 8 p.m.
- Is-Sibt 17 ta’ Mejju: 9 a.m. – 8 p.m.
- Il-Ħadd 18 ta’ Mejju: 9 a.m. – 6 p.m.
Segwina fuq il-midja soċjali għal aktar informazzjoni u l-aħħar aġġornamenti – speċjalment jekk int interessat f’xi wieħed mill-avvenimenti speċjali li se jkollna, għax uħud jeħtieġu li terfa’ post minn qabel. Jekk għandek xi mistoqsijiet jew tixtieq xi informazzjoni speċifika, ibagħtilna email fuq [email protected].