Pause & Play Festival: Festival tal-Arti mmexxi mill-istudenti tal-Kors tal-Istudji Teatrali

'Pause & Play huwa festival fejn il-kreattività se tkun fiċ-ċentru ta’ kollox, u jistieden lill-udjenza tesplora l-maġija tal-arti tal-ispettaklu'

Angelique Attard, Brendon Thearle, u Monique Falzon, studenti tal-aħħar sena fl-istudji teatrali, se jniedu Pause & Play, festival dinamiku tal-arti tal-ispettaklu li se jittella’ bejn id-9 u l-11 ta’ Mejju fil-qalba tal-Belt Valletta.  

Din l-inizjattiva mmexxija mill-istudenti bħala parti mill-proġett finali tagħhom, għandha l-għan li toħloq spazju ta’ riflessjoni, konnessjoni, u ċelebrazzjoni artistika. 

Pause & Play huwa festival fejn il-kreattività se tkun fiċ-ċentru ta’ kollox, u jistieden lill-udjenza tesplora l-maġija tal-arti tal-ispettaklu. Fuq medda ta’ tlett ijiem, se jkun hemm artisti li jesprimu l-ideat kreattivi tagħhom, filwaqt li dawk li se jattendu ħa jiġu mħeġġa biex jipparteċipaw, jirriflettu, u jilagħbu b’mod li jkun naturali għalihom.  

Bejn mumenti ta’ introspezzjoni kwieta u splużjonijiet ta’ ferħ bla riservi, il-festival se juri kif l-arti tgħin biex tinbena rabta aktar qawwija u profonda bejn l-individwi u l-komunità ta’ madwarhom. 

Bi programm varjat ta’ aktar minn 15-il avveniment, Pause & Play se joffri xi ħaġa għal kulħadd — inklużi produzzjonijiet teatrali, wirjiet taż-żfin, spettaklu drag, u kummiedji stand-up. Il-festival ġie maħsub bħala opportunità biex artisti żgħażagħ jaqsmu l-kreattività tagħhom u jinvolvu lill-udjenza b’mod profond. 

Il-festival se jittella’ fi tliet postijiet. Il-Valletta Campus tal-Università ta’ Malta se jkun iċ-ċentru ewlieni, u se jsiru għadd ta’ wirjiet artistiċi mferrxin mal-pjan terran tiegħu. 

Se jsiru avvenimenti oħra fil-Wild Honey Beer House & Bistro u fil-MaeWest, li jinsabu t-tnejn li huma qrib il-Valletta Campus. 

Id-dħul għall-avvenimenti kollha huwa bla ħlas. Aktar dettalji jinsabu fuq is-sit uffiċjali tal-festival: https://www.pauseandplay.mt/

More in Divertiment