Taħdita ta' Wirt Għawdex: 'A complex wreck site off Xlendi Bay - how to study and how to share?'

"Din it-taħdita titlaq mill-bidu tar-riċerka f’din iż-żona, tiddeskrivi l-metodoloġiji użati matul id-deċenji, kif ukoll ir-riżultati preliminari, b’enfasi fuq il-firxa ta’ ċeramika f’qiegħ il-baħar, u l-isforzi ta’ Heritage Malta biex taqsam dan it-teżor kulturali antik"

Wirt Għawdex se torganizza t-tielet taħdita fis-serje ta' taħditiet għall-2025 nhar il-Ġimgħa 28 ta' Marzu s-6.30pm, il-Kappella ta' Santa Ċeċilja, Għajnsielem. It-taħdita, li se tingħata bl-Ingliż mill-Prof. Timmy Gambin, se tiffoka fuq sit ta’ ġifen mgħerreq, bl-isem “A complex wreck site off Xlendi Bay - how to study and how to share?”.

Għalkemm iż-żona tal-baħar tax-Xlendi f’Għawdex hi magħrufa l-aktar għall-ġifen Feniċju mgħerreq tas-seklu 7 QK, fiha jinstab materjal arkeoloġiku sinikanti ieħor. Mill-aħħar tas-snin ħamsin, numru ta’ oġġetti kulturali, primarjament amfori, ġew salvati minn qiegħ il-baħar eżatt taħt it-torri tal-għassa mal-kosta li jħares id-daħla għax-Xlendi.

Diversi proġetti esploratorji ġew imwettqa f’dan is-sit ta’ ilma fond f’perjodi differenti u b’riżultati varjati. Fl-1993, stħarriġ b’sottomarin kixef tixrix dens ta’ amfori f’fond li jvarja bejn 108 u 112-il metru. Fl-2007, il-firxa ta’ dan id-depożitu arkeoloġiku ġie mmappjat u rreġistrat, u wera żona rettangolari ta’ valur arkeoloġiku għoli b’densitajiet varji ta’ materjal arkeoloġiku, mifrux fuq total ta’ 70,000m².

Minbarra l-materjal viżibbli, hemm ukoll probabilità ta’ preżenza ta’ fdalijiet arkeoloġiċi midfunin fis-sediment, minħabba d-depożizzjoni kontinwa tas-sediment mid-daħla dejqa u twila tax-Xlendi. Il-qiegħ tal-baħar fih taħlita ta’ ramel u tajn qalb formazzjonijiet tal-blat ta’ daqsijiet differenti, li madwarhom akkumula materjal arkeoloġiku bħal urni, skutelli u oġġetti oħra taċ-ċeramika.

Il-kwantità ta’ materjal omoġenju tissuġġerixxi l-preżenza ta’ mill-inqas tifrik ta’ vapur wieħed, li jista’ jiġi datat għat-tielet seklu Q.K. Mill-2021, Heritage Malta nediet proġett ambizzjuż biex tiddokumenta s-sit b’riżoluzzjoni għolja sabiex tifhem aħjar il-morfoloġija ta’ dan is-sit arkeoloġiku taħt l-ilma.

Din it-taħdita titlaq mill-bidu tar-riċerka f’din iż-żona, tiddeskrivi l-metodoloġiji użati matul id-deċenji, kif ukoll ir-riżultati preliminari, b’enfasi fuq il-firxa ta’ ċeramika f’qiegħ il-baħar, u l-isforzi ta’ Heritage Malta biex taqsam dan it-teżor kulturali antik.

Timmy Gambin huwa Professur tal-Arkeoloġija Marittima fid-Dipartiment tal-Klassiċi u l-Arkeoloġija fl-Università ta’ Malta, minn fejn kiseb B.A. fl-Istorja. Wara l-istudji tiegħu fl-ewwel grad, kiseb M.A. fl-Arkeoloġija u l-Istorja Marittima mill-Università ta’ Bristol fir-Renju Unit, fejn kompla bl-istudji postgradwatorji tiegħu u kiseb dottorat fl-Arkeoloġija Marittima.

Fl-2001, Gambin ingħaqad mad-Dipartiment bħala lettur-viżitatur u ħa pożizzjoni full-time bħala Lettur Anzjan fir-rebbiegħa tal-2012. Fis-snin li għaddew, Gambin kien involut f’diversi proġetti ta’ riċerka kollaborattiva, fosthom il-Proġett PaleoMed mal-CNRS (Aix-en-Provence) bl-għan li jirrikostruwixxi l-pajsaġġi u l-ambjenti kostali tal-gżejjer Maltin fl-antik.

Ir-riċerka multidixxiplinarja tinvolvi kollaborazzjoni bejn arkeologi, ġeomorfologi u palinologi. Il-Proġett Ancient Cisterns mal-Università ta’ CalPoly (USA) jinvestiga sistemi ta’ ġestjoni tal-ilma taħt l-art permezz tal-użu ta’ vetturi żgħar operati mill-bogħod u mgħammra b’sensors differenti. Bi sħab ma’ entitajiet u awtoritajiet lokali, Gambin mexxa bosta studji taħt l-ilma f’diversi partijiet tal-Mediterran, fosthom Spanja, l-Italja u l-Kroazja. Proġett ewlieni tiegħu huwa l-iskavar tas-sit tat-tifrik Feniċju qrib il-gżira ta’ Għawdex – li jmur lura għal madwar is-700 Q.K. – u li bħalissa huwa l-eqdem sit tat-tip tiegħu magħruf fiċ-ċentru tal-Mediterran.

Wara t-taħdita se jkun hemm ħin għal mistoqsijiet mill-udjenza u diskussjoni.

Ħajr lill-APS Bank li qed jisponsorjaw is-sensiela ta’ taħditiet u lil Delicata Winery li jisponsorjaw ix-xorb ta' wara t-taħdita. L-avveniment fuq Facebook jinstab hawn: https://www.facebook.com/events/1131316625343381. Reġistrazzjoni b'xejn hija ssuġġerita permezz ta' din il-ħolqa: https://docs.google.com/forms/d/e/1FAIpQLSeeXsb9uYEYe54ezRRO1DavHfcnwxpAC6kq2l KO2qCyHfLw/viewform?usp=sharing.

Wirt Għawdex hija organizzazzjoni volontarja mhux governattiva mwaqqfa fl-1981 bl-għanijiet li jitrawwem l-għarfien tal-wirt tagħna fost il-livelli kollha tas-soċjetà u li taħdem biex tissalvagwardja l-patrimonju naturali, arkeoloġiku, storiku u antropoloġiku tal-gżejjer ta' Għawdex u Kemmuna. Din hija t-tielet minn serje ta' taħditiet li qed isiru kull xahar, li jvarjaw mil-letteratura u dokumenti antiki għall-wirt ta' taħt il-baħar. Il-pubbliku ġenerali mistieden jattendi.

More in Divertiment