Ħtija Tiegħu? – Pageant tal-Ġimgħa il-Kbira fit-Toroq tal-Marsa, nhar il-Ħadd 13 t’April 2025

Il-Pageant ħa juri ġrajjiet mill-ħajja ta' Kristu kif ukoll għadd ta' personaġġi mit-Testment il-Ġdid u l-Antik

Il-Pageant Group Marija Reġina tal-Marsa se jtella’ Pageant fit-toroq taż-żewġ parroċċi tal-Marsa li l-bidu tiegħu jibda fil-5 pm bi ħruġ mill-Knisja Parrokkjali ta’ Marija Reġina fi Triq Nerik Sacco l-Marsa. 

Il-bidu ta’ din il-Pageant jibda billi naraw ġrajjiet mill-ħajja ta’ Kristu fosthom id-dħul ta’ Ħadd il-Palm u dan ikun segwit bil-parata tas-suldati Rumani u l-Kundanna għall-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu. 

Matul din il-Pageant se nkunu qed naraw ukoll għadd ta’ personaġġi mit-Testment il-Ġdid u l-Antik li bil-vestwarju tagħhom se jsebbħu t-toroq Marsin u jdaħħluna aktar fl-atmosfera tal-Ġimgħa Mqaddsa. 

Apparti dan, fit-tmien ta’ din il-purċissjoni, il-Group se jkun qed itella’ rappreżentazzjoni tat-tisliba li tinkludi l-mewt u l-qawmien ta’ Kristu fi Triq Azzopardi l-Marsa propju quddiem id-Dar Parrokkjali. 

Ma’ għadd kbir ta’ personaġġi li jammonta għal madwar 350 ruħ, se jieħdu sehem ukoll il-1st Marsa Scouts Group, il-Banda Rumana, kif ukoll iż-żewġ baned Marsin; dik ta’ Marija Reġina, kif ukoll tat-Trinità Qaddisa. 

Ta’ min isemmi wkoll li din is-sena dan il-Pageant Group se jkun qed jagħlaq 55 sena mit-twaqqif tiegħu lura fl-1970. Dan jimmarka l-ewwel Pageant tax-xorta tiegħu fit-toroq Maltin f’dawk iż-żminijiet. 

CREATIO – Wirja Artistika b’xogħol maħdum bil-melħ ikkulurit 

Apparti l-Pageant, il-Group itella’ Wirja Artistika tax-xorta tagħha ġewwa Malta. Din il-Wirja tikkonsisti f’xogħol bil-melħ fuq inkwatri u platti, fejn juru simboli u pitturi relatati mal-Ġimgħa Mqaddsa. 

Din il-Wirja tista’ tiġi apprezzata fis-Sala Marija Reġina li tinsab quddiem il-Knisja Parrokkjali ta’ Marija Reġina ġewwa Triq Nerik Sacco l-Marsa. Tistgħu żżuruha mis-6 t’April sa nhar il-Ġimgħa l-Kbira. 

Aktar dettalji rigward iż-żewġ attivitajiet li l-Group itella’ jinsabu fuq il-paġna soċjali tiegħu. 

More in Divertiment