![[L-EWWEL PARTI] Is-sensiela oriġinali Planet of the Apes](http://content.illum.com.mt/ui_frontend/thumbnail/684/0/planet_of_apes.png)
Jitnieda l-kalendarju tal-attivitajiet għal din is-sena ta’ Heritage Malta b’aktar minn 153 avveniment
Din is-sena hija waħda speċjali hekk kif se jiġu mfakkra diversi anniversarji importanti – fosthom il-50 anniversarju tal-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra, l-10 anniversarju mill-ftuħ tal-Forti Sant’Iermu, il-110 anniversarju mill-ewwel skizzi tal-Kumpless Preistoriku ta’ Ħal Tarxien, u l-460 anniversarju tal-Assedju l-Kbi

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda l-kalendarju tal-attivitajiet għal din is-sena ta’ Heritage Malta, programm ta’ tnax-il xahar mimli esperjenzi kulturali, edukattivi u interattivi għal udjenzi varji b’aktar minn 153 avveniment.
Il-ministru qal li din is-sena hija waħda speċjali hekk kif se jiġu mfakkra diversi anniversarji importanti – fosthom il-50 anniversarju tal-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra, l-10 anniversarju mill-ftuħ tal-Forti Sant’Iermu, il-110 anniversarju mill-ewwel skizzi tal-Kumpless Preistoriku ta’ Ħal Tarxien, u l-460 anniversarju tal-Assedju l-Kbir – dawn l-anniversarji se jagħmlu l-programm aktar speċjali.
“L-impenn tagħna għal din is-sena huwa li nkomplu nixprunaw l-inklużività u l-aċċessibbiltà, b’avvenimenti bilingwi, oħrajn maħsubin għal persuni b’abbiltajiet differenti, u bosta opportunitajiet għall-benefiċċjarji tal-passaporti tal-istudenti u tal-anzjani. Il-kalendarju fih ukoll kollaborazzjonijiet ma’ artisti u organizzazzjonijiet lokali li jiżguraw dinamiċità bejn dak li huwa tradizzjonali u modern,” ikkonkluda l-Ministru Owen Bonnici.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Noel Zammit, qal: “Il-viżjoni tagħna għas-sena l-ġdida hija li ngħaqqdu n-nies mal-wirt Malti b’mod sinifikanti u innovattiv. Il-programm tal-attivitajiet ta’ din is-sena jkompli jagħti ħajja lis-slogan ‘Parti Minna’, waqt li qed nintroduċu l-kampanja ‘Peek into Heritage’, li tistieden lill-pubbliku jesplora b’mod attiv il-wirt tagħna li qed nippreservaw għall-ġenerazzjonijiet futuri. Il-kalendarju ta’ din is-sena qed jara żieda ta’ 50 attività meta mqabbel mas-sena ta’ qabel u dan huwa frott il-ħeġġa u l-interess li dejjem ninnutaw fil-viżitaturi.”
Il-kalendarju tal-attivitajiet ta’ Heritage Malta huwa disponibbli hawnhekk: https://heritagemalta.mt/leaflets-and-brochures/, fejn tista’ tesplora l-lista sħiħa tal-avvenimenti u taqta’ l-biljetti għalihom onlajn. Kopji fiżiċi se jkunu disponibbli wkoll fil-mużewijiet u s-siti ta' Heritage Malta fil-jiem li ġejjin. Aktar tagħrif dwar l-attivitajiet imsemmija fid-dokument jistgħu jiġu aċċessati fuq: www.heritagemalta.mt/whats-on. Tista’ ssegwi wkoll il-WhatsApp Channel uffiċjali ta’ Heritage Malta: www.whatsapp.com/channel/0029Vb4UJxw1yT29ko3Gkq2F għall-aħħar aġġornamenti u spunti minn wara l-kwinti.