‘Reżiljenza u dedikazzjoni fenominali’: Produtturi u atturi ta’ Gladiator II ifaħħru lil Malta

F’intervisti u videos maħruġin kemm mill-Malta Film Commission, kif ukoll minn VisitMalta, il-membri tal-cast u l-ekwipaġġ faħħru bil-qalb lill-Maltin u l-infrastruttura li ppermettiet il-produzzjoni ta’ din l-epika ċinematografika

Malta qed tkompli tissaħħaħ bħala ċentru tal-produzzjoni ċinematografika internazzjonali, b’mod partikolari wara s-suċċess kbir tal-film Gladiator II, li l-maġġoranza tax-xeni tiegħu ġew iffilmjati f’pajjiżna.  

F’intervisti u videos maħruġin kemm mill-Malta Film Commission, kif ukoll minn VisitMalta, il-membri tal-cast u l-ekwipaġġ faħħru bil-qalb lill-Maltin u l-infrastruttura li ppermettiet il-produzzjoni ta’ din l-epika ċinematografika. 

Lucy Fisher, waħda mill-produtturi ewlenin tal-film, faħħret ir-reżiljenza u d-dedikazzjoni tal-Maltin li ħadmu bħala extras, anke waqt il-klima tikwi tas-sajf Malti.  

“Kellna bżonn numru kbir ta’ extras, ħafna minnhom Maltin. Minkejja s-sħana, kollha kienu fenomenali,” qalet Fisher. Hi kompliet tgħid li l-esperjenza f’Malta kienet waħda pożittiva grazzi għall-appoġġ tal-Malta Film Commission u tal-komunità lokali. 

Ridley Scott, id-direttur tal-film, għamel kummenti li laqtu ħafna lill-pubbliku lokali. “Inħobb l-atmosfera f’Malta. Inħobb il-ħajja f’Malta. Il-Maltin huma nies sbieħ. Malta hija vibranti.” Scott, li diġà kien ħadem f’Malta fl-ewwel “Gladiator” fl-2000, qal li dejjem isib ispirazzjoni ġdida meta jirritorna lejn il-gżejjer Maltin. 

L-atturi ewlenin tal-film ukoll ma naqsux milli jesprimu l-apprezzament tagħhom għal Malta. Paul Mescal, li interpreta lil Lucius, faħħar il-faċilitajiet ta’ Malta li jippermettu produzzjonijiet kbar, waqt li Denzel Washington, li interpreta lil Macrinus, ma waqafx jirrimarka fuq l-eċċellenza tad-disinn tal-sets. Fred Hechinger, li interpreta l-parti tal-Imperatur Caracalla, iddeskriva s-sett Malti bħala “il-ħolma ta’ kull attur,” u rringrazzja lid-disinjaturi u l-artiġjani Maltin għall-ħidma tagħhom. 

Il-Produttur Eżekuttiv tal-film, Aidan Elliott, iddeskriva s-sett bħala “fenomenali,” filwaqt li l-Produttur Michael Pruss enfasizza kif il-Maltin juru passjoni kbira għall-films. Għal Malta, din il-produzzjoni kienet, mhux biss opportunità ekonomika, iżda wkoll vetrina globali li tgħolli l-profil tal-pajjiż bħala destinazzjoni għall-industrija tal-films. 

B’suċċessi bħal “Gladiator II,” Malta qed tkompli ttejjeb ir-reputazzjoni tagħha bħala “il-Hollywood tal-Mediterran.” Minn Popeye fl-1980 sa Gladiator II fl-2024, il-gżejjer Maltin qegħdin jirnexxu f’dan is-settur billi joffru esperjenza unika, kemm għall-cast u l-ekwipaġġ, kif ukoll għall-udjenzi madwar id-dinja. 

More in Divertiment