1881: Esperjenza unika teatrali li tisfidak tagħżel inti t-tmiem
Ispirata mit-teatru immersiv internazzjonali fuq skala akbar, mir-rwol attiv tal-udjenza f’logħob tal-ħajja (LARP), u mill-intensità għolja tal-video games, 1881, hi kkummissjonata minn Teatru Malta
Il-ġurnata hija dik fis-sena 1881, iżda mhux l-1881 li taf int. Hawn, iż-żmien huwa fluwidu, forsi irrilevanti wkoll. F’din il-Malta alternattiva, moħbija f’kantuniera mudlama ta’ dar Maltija li qed tikkrolla, id-dinja tinsab fuq xifer ta’ kollass. It-tmiem qiegħed qrib, l-apokalissi qed iħabbtu u, int tinsab hawn fil-qofol ta’ kollox. Kif se taffaċċja d-destin tiegħek? L-arja hi mgħobbija bix-xewqat moħbija, ħolm minsi, u d-dellijiet ta’ dak li seta’ kien.
Ispirata mit-teatru immersiv internazzjonali fuq skala akbar, mir-rwol attiv tal-udjenza f’logħob tal-ħajja (LARP), u mill-intensità għolja tal-video games, 1881, hi kkummissjonata minn Teatru Malta. Hija maħluqa mill-moħħ viżjonarju tal-game designer u kunċettwalizzatur Gordon Calleja, mid-drammaturgu tal-logħob u kokittieb Rob Morgan, u mid-Direttur u Kokittieb Sean Buhagiar.
Il-prestazzjoni se ġġorr lill-udjenzi lejn univers fejn kull deċiżjoni tista’ tkun l-aħħar waħda tagħhom. Mhijiex biss spettaklu, iżda hija wkoll bieb għal dimensjoni minsija fejn iż-żmien u l-ispazju jinħakmu minn kull pass li tieħu, jiġbduk f’dinja ta’ ritwali misterjużi.
1881 se ddum għaddejja għal aktar minn tliet xhur – l-itwal produzzjoni li qatt għamel Teatru Malta s’issa. Il-premiere se jkun fil-lejl tal-Ewwel tas-Sena, b’din il-produzzjoni rari u intima tilqa’ biss 30 parteċipant f’daqqa.
Din l-esperjenza esklussiva toffri vjaġġ personali lejn dinja fejn kast fuq skala kbira joħloq konfronti sigrieti u profondi għal kull viżitatur.
Allura, lest? It-tmiem ġej, imma int tista’ tbiddel kollox.