ŻfinMalta ttella’ produzzjoni teatrali bbażata fuq ‘Ħolm tal-Milied?’ ta’ Trevor Żahra

‘Ħolm tal-Milied?’ huwa avveniment għall-familja kollha; Il-kuntrasti bejn id-drawwiet tradizzjonali Maltin u l-mużika u l-viżivi moderni se jqanqlu memorji sbieħ lill-udjenza

Ix-xahar id-dieħel, se tasal produzzjoni ġdida u eċitanti fil-Valletta Campus Theatre. ŻfinMalta se ttella’ addattament tar-rumanz tal-Milied ‘Ħolm tal-Milied?’, rakkont klassiku li ħafna Maltin jiftakru minn tfulithom. 

Miktub mill-awtur bravu Trevor Żahra fl-1987, l-istorja tiċċentra fuq Leli, tifel li għeluq sninu jinzerta fil-25 ta’ Diċembru u jibda jimrad iktar u iktar hekk kif joqrob il-Milied. Hekk kif Leli jibda jkollu ħolm stramb u sopranaturali, jibda jiskopri għala l-familja tiegħu tobgħod il-Milied. In-narrattiva tinseġ il-passat u l-preżent flimkien, biex turi d-drawwiet tradizzjonali Maltin tal-Milied fi ħdan il-qafas ta’ plott kontemporanju. 

‘Ħolm tal-Milied?’ huwa avveniment għall-familja kollha; Il-kuntrasti bejn id-drawwiet tradizzjonali Maltin u l-mużika u l-viżivi moderni se jqanqlu memorji sbieħ lill-udjenza preżenti. Victor Jacono, kollaboratur frekwenti ta’ ŻfinMalta, qed jieħu ħsieb id-dramaturġija. Barra minn hekk, Anna Horvath tiddisinja s-settijiet, filwaqt li Laurent Uyttersprot qed jieħu ħsieb il-kostumi. Komplut b’koreografija maħduma minn Adriano Bolognino u mużika oriġinali li se tindaqq live minn The New Victorians, din hija l-ewwel produzzjoni marbuta mal-Milied ta’ ŻfinMalta. 

The New Victorians huma duo ta’ aħwa li huma magħrufa u rebbieħa fix-xena tal-mużika kif ukoll tat-teatru. Huma ppubblikaw żewġ studio albums u bosta EPs mill-2015. Kienu fetħu għall-artista Amerikana Anastacia waqt li kienet fl-Evolution Tour. Dehru wkoll fil-BBC Concert Orchestra fl-2019. The New Victorians mhux biss qed jikkontribwixxu għall-mużika ta’ din il-produzzjoni, iżda qed jidderiġuha wkoll! 

Barra minn hekk, ŻfinMalta qed iħejju kompetizzjoni żgħira (li fil-verità ma tantx hi kompetizzjoni), miftuħa esklussivament għal tfal ta’ bejn il-5 u t-12-il sena! Sempliċement ibgħat pittura jew tpinġija ta’ xena jew karattru mir-rumanz klassiku u tista’ tintwera fil-wirjiet kollha ta’ ‘Ħolm tal-Milied?’. Dawk interessati jistgħu jibagħtu l-arti tagħhom bil-posta (l-indirizz jinsab fuq is-sit uffiċjali ta’ ŻfinMalta) jew imorru fl-istudios ta’ ŻfinMalta huma stess. Tinsiex tissottometti sad-9 ta’ Diċembru u tikteb ismek, flimkien mal-isem tal-iskola tiegħek. 

Titlifx iċ-ċans biex tara din it-taħlita tal-arti li tonora lil wieħed mill-aktar rumanziera maħbuba ta’ Malta. ‘Ħolm tal-Milied?’ se tintwera fil-Valletta Campus Theatre mill-15 ta’ Diċembru sat-22 ta’ Diċembru, f’kull ġurnata ħlief fit-18 u d-19 ta’ Diċembru. Iddum madwar 70 minuta u tibda fis-7:30 pm. Dan l-avveniment huwa appoġġjat mill-Italian Cultural Institute of Valletta, flimkien ma’ Visit Malta, FACES mt, MeDirect Bank Malta u Osteopathy Malta. 

Il-biljetti jistgħu jinxtraw minn fuq showshappening.com. ‘Ħolm tal-Milied mhuwiex xieraq għal tfal ta’ taħt il-ħames snin. Barra minn hekk, dawk li jixtru biljett jistgħu jattendu l-Open Rehearsal fit-2 ta’ Diċembru b’xejn. 

More in Divertiment