Il-Karmelitani Beltin jiċċelebraw l-400 sena mill-ewwel purċissjoni fil-festa tal-Madonna tal-Karmnu

Għall-Karmelitani Beltin, il-festa ta’ din is-sena hija waħda speċjali hekk kif nhar is-Sibt 16 ta’ Lulju se jkun iċċelebrat l-400 anniversarju mill-ewwel purċissjoni fil-festa tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta. 

Propju din is-sena, il-Karmelitani Beltin qed jiċċelebraw l-400 sena mill-ewwel purċissjoni tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta. Matul dawn l-400 sena jidher li kien hemm żewġ okkażjonijiet biss li minħabba ċirkustanzi straordinarji din il-purċissjoni ma saritx.  Dawn kienu fis-sena 1940, proprju ftit gimgħat wara li bdiet t-Tieni Gwerra Dinjija u fis-sena 2021 minħabba l-pandemija. 

L-ewwel purċissjoni li saret fl-okkażjoni tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt kienet fis-16 ta’ Lulju 1622. Dik is-sena jidher li kienet verament sena speċjali u ta’ fervur ġdid Karmelitan hekk kif proprju ħames xhur biss qabel kienet twaqqfet l-Arċikonfraternità tal-Madonna tal-Karmnu li għada attiva sal-lum il-ġurnata. 

400 sena purċissjoni u l-vari proċessjonali 

Fit-13 ta’ Frar 1622, twaqqfet b’mod uffiċjali l-Arċikonfraternità tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt Valletta. Żgur li t-twaqqif ta’ din il-Fratellanza kien strumentali biex bdiet il-purċissjoni tal-Madonna tal-Karmnu. Dan għaliex b’digriet li ħareġ mill-Kapitlu Ġenerali fl-1593, jigifieri 29 sena qabel, ġiet preskritta purċissjoni kull xahar f’gieħ il-Madonna tal-Karmnu, kull fejn kien hemm imwaqqfa l-Konfraternità tal-Labtu l-Kannella.  

Tradizzjonalment, dejjem kien jingħad li l-eqdem vara tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt hija dik li llum insibuha meqjuma fl-Oratorju u li hija proprjetà tal-Arċikonfraternità tal-Madonna tal-Karmnu.  

Peress li nafu li fis-sena 1657 tħallsu xi flus għall-ikel u x-xorb għar-reffiegħa, dejjem kien jinżamm li din il-vara kienet diġà teżisti fl-1657 u hija xogħol Bernini jew Ferrata u inġiebet minn Ruma. Biss, skond Sandro Debono, din il-vara saret xi snin wara u li allura żgur kien hemm vara oħra qabel din li kienet intużat fil-purċissjoni tal-1657. Jgħidilna li fl-1693, il-Fratellanza tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt ikkummisjonat ‘’un manto di broccato’’ u “veste del bambino del medesimo broccato”. Dan ifisser li l-vara li qed tissemma’ fil-purcissjoni tal-1657 ma kinitx il-vara li nsibu fl-Oratorju imma kienet manekkin li kien jitlibbes bil-ħwejjeġ.   

Wara r-restawr li sar fuq il-vara tal-Madonna tal-Karmnu (tal-Oratorju), Sandro Debono huwa tal-fehma li din l-vara mhijiex xogħol Bernini jew Ferrata kif dejjem kien jingħad imma hija xogħol Pietro Paolo Triosi. Peress li hemm xebh kbir bejn xogħlijiet dokumentati ta’ Triosi u l-profil tal-Madonna f’din il-vara, din hija xi haġa probabbli ħafna anke għax Triosi mhux biss kien fratell imma għal xi żmien anke segretarju, teżorier u rettur. Dan wassal biex biż-żmien twarrab il-manekkin li dwaru ma hemm l-ebda informazzjoni. 

Interessanti ħafna li skont tradizzjoni orali ġieli ssemma ii kien jiġi misluf manekkin mill-Knisja tal-Porto Salvo tal-Belt. Dan huwa anke kkonfermat permezz ta’ dokument misjub riċentament u li juri kif fl-1731, il-Fratellanza tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt tablet biex, għal dik is-sena, il-Parroċċa Dumnikana tislifhom l-istatwa għall-festa tal-Madonna tal-Karmnu biex tkun tista tintuza waqt il-purcissjoni, “għax dik tagħhom, li kienu qed jagħmlu, ma kinitx lesta minn kollox.’’ Il-Fratellanza tar-Rużarju, fil-konsulta privata tal-10 ta’ Ġunju 1731, aċċettat din it-talba. Dan juri li f’dik is-sena, jiġifieri fl-1731 kienet qed tinħadem vara ġdida li għal xi raġuni kienet għada ma tlestitx sal-festa. Dan jista’ jagħtina dawl fuq meta saret l-istatwa ta’ Troisi li jekk allura din it-teorija hija minna, l-indikazzjonijiet huma li din l-istatwa saret fis-sena 1731.   

Jidher li l-vara ta’ Triosi baqgħet tintuża fil-purċissjoni sas-sena 1780, fejn saret vara oħra tal-Madonna tal-Karmnu, maħduma f’Napli minn Gennaro Reale. Din il-vara, li preżentament tinsab fil-Parroċċa tal-Madonna tal-Karmnu tal-Balluta saret ukoll mill-Fratellanza tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt. Din il-vara jidher li ma tantx ħarġet wisq drabi fil-purċissjoni għaliex sena biss wara ġiet ordnata l-vara preżenti tal-Madonna tal-Karmnu mill-Patrijiet u li għadha titgawda sal-lum fil-purcissjoni. Din hija xogħol mill-isbaħ ta’ Vincenzo Dimech.   

Pellegrinaġġi speċjali bil-vara tal-Madonna tal-Karmnu 

Matul is-snin ix-xbieha tant għażiża tal-Madonna tal-Karmnu ta’ Vincenzo Dimech ħarget mhux biss fil-festa tal-Madonna tal-Karmnu imma wkoll f’diversi okkażjonijiet u anniversarji speċjali. 

Fis-sena 1793, il-Fratelli ta’ San Ġużepp kienu talbu lill-Pirjol, li dak iż-żmien kien Patri Albert Camilleri, biex fil-purċissjoni ta’ San Ġużepp toħroġ ukoll il-vara tal-Madonna tal-Karmnu ta’ Dimech minflok dik tal-Fratellanza tal-Karmnu. Dan jindika li sa minn qabel l-1793, f’Marzu kienet toħroġ fil-purċissjoni ta’ San Ġużepp il-vara ta’ Trioisi.   

Jidher li din l-użanza kienet għoġbot ukoll lill-Fratelli tal-Anġlu Kustodju għaliex f’Ottubru tal-istess sena saret talba oħra lill-Pirjol biex il-vara tal-Karmnu (tal-Patrijiet) toħroġ ukoll fil-purcissjoni tal-Anġlu Kustodju li kienet issir f’Ottubru.  

Iktar riċenti, matul dawn l-aħħar 70 sena, kien hemm diversi okkażjonijiet fejn fihom saru pellegrinaġġi speċjali. Hawnhekk se nkun qed nagħti tagħrif fil-qosor fuq kull wieħed minnhom.  

Il-pellegrinaġġ tal-1951 

Żgur li l-akbar pellegrinaġġ b’din il-vara kien seħħ fil-lejl ta’ bejn is-Sibt 30 ta’ Ġunju u l-Ħadd l-1 ta’ Lulju 1951, fl-okkażjoni tas-700 sena Ċentinarju tal-Labtu.   

F’nofsillejl neqsin kwart, il-Korteo wasal fuq il-Fosos u l-vara tpoġġiet fit-tarf tal-Fosos in-naħa tal-Mall u kien inxtegħel riflettur fuqha waqt il-Kant tas-Salve Regina. Fil-kwarta, taħt tribuna li nbniet apposta, saret quddiesa bis-sehem tal-Arċisqof Mikiel Gonzi u l-Provinċja Karmelitana. Malli spiċċat il-quddiesa, il-vara intrefgħet u iddaħħlet fil-Knisja ta’ San Publju.  

L-għada, il-Ħadd l-1 ta’ Lulju ġiet meħuda mill-ġdid mill-Knisja ta’ San Publju għas-Santwarju Bażilika tagħha f’purċissjoni. 

Ottubru 1960 

F’Ottubru 1960 kienu saru diversi pellegrinaġġi fil-Belt b’diversi xbiehat li jiġbru magħhom devozzjoni partikolari. It-Tnejn 10 ta’ Ottubru sar pellegrinaġġ bil-vara tal-Karmnu lejn il-Kon Katridral ta’ San Gwann.  

Din kienet l-ewwel darba li din il-vara u li vara titular daħlu f’dan il-Kon Katridral. Filgħaxija kien sar lejl ta’ talb u espożizzjoni tas-Sagrament u f’nofs il-lejl quddiesa solenni. L-għada, it-Tlieta u l-Erbgħa kienu saru pellegrinaġġi simili bix-xbieha tal-Madonna tar-Rużarju tal-Porto Salvo u bix-xbieha tad-Duluri tal-Knisja ta’ Ġieżu rispettivament.  

Lulju 1980 

F’Lulju 1980 kienu fetħu l-festi specċjali f’għeluq il-100 sena mill-Inkurunazzjoni tal-Kwadru devot tal-Madonna tal-Karmnu, li laħqu l-qofol tagħhom f’Lulju tas-sena ta’ wara. Għal din l-okkażjoni ġie organizzat Lejl Nazzjonali Marjan fejn fid-9.00 ta’ filgħaxija telaq Korteo mis-Santwarju bil-vara tal-Madonna tal-Karmnu għall-Fosos tal-Furjana fejn saret quddiesa mill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca u anke diskors u talb u manifestazzjoni devota lejn il-Madonna tal-Karmnu.  

Lulju 1987 u 1988 

Il-Papa Gwanni Pawlu II, llum qaddis, kien nieda sena Marjana bejn is-7 ta’ Ġunju 1987 (Festa ta’ Pentecoste) u l-Festa ta’ Santa Marija 1988. Għal dan il-għan il-ftuħ tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu tas-snin 1987 u 1988 kien iktar speċjali mis-soltu.  
 
Il-vara tal-Madonna tal-Karmnu kienet ittieħdet b’mod privat fil-Parrocca ta’ Porto Salvo fil-jiem ta’ qabel. Nhar l-Erbgha l-1 ta’ Lulju wara Konċelebrazzjoni solenni, il-vara ħarġet mill-knisja tal-Porto Salvo u f’pellegrinaġġ Aux Flambaux twasslet sas-Santwarju biex timmarka l-ftuh tal-festa ta’ dik is-sena.   

L-istess kif ġara s-sena ta’ qabel, wara li l-vara tal-Madonna tal-Karmnu ittieħdet privatament għall-Parroċċa ta’ Santu Wistin, nhar il-Ġimgħa l-ewwel ta’ Lulju infetħu l-festi ta’ dik is-sena permezz ta’ pellegrinaġġ sas-Santwarju.  

19 ta’ Marzu 1993 

Fis-sena 1793, il-Fratellanza ta’ San Ġużepp kienet talbet lill-Komunità Karmelitana biex fil-purċissjoni ta’ San Gużepp tibda tieħu sehem ukoll il-vara tal-Madonna tal-Karmnu. Bħala tifkira tal-200 sena minn din it-talba, nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Marzu nħarġu fil-purcissjoni kemm il-vara ta’ San Guzepp kif ukoll tal-Madonna tal-Karmnu.  

 

30 ta’ Gunju 1995 

F’din is-sena kien qed jiġi mfakkar għeluq il-100 sena mill-għoti tal-Bażilika lis-Santwarju tal-Karmnu. Għal dan il-għan kif sar fis-sena 1987 u 1988 l-festi fetħu permezz ta’ pellegrinaġġ bil-vara tal-Madonna tal-Karmnu mill-Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu sas-Santwarju.  
27 ta’ Ġunju 2001 

Fis-sena 2001 kienet qed tiġi ċċelebrata s-Sena Marjana Karmelitana.  Għal dan il-għan, il-festa tal-Madonna tal-Karmnu, kienet fetħet b’Manifestazzjoni Marjana Nazzjonali mmexxija mill-Arċisqof Gużeppi Mercieca mill-knisja Arċipretali ta’ San Publiju fil-Furjana sal-Kon-Katidral ta’ San Gwann.  

Fuq San Ġwann kienet saret Konċelebrazzjoni Solenni u wara kompla l-Pellegrinagg sas-Santwarju.  

Ottubru 2001 

Fl-istess sena, fit-13 ta’ Ottubru sar pellegrinaġġ ieħor mis-Santwarju fejn il-vara għaddiet minn diversi toroq fil-Mandraġġ.  

Ġunju 2006 

Fis-sena 2001 kien qiegħed jigi mfakkar għeluq il-125 sena mill-Inkurunazzajoni Solenni tax-Xbieha devota tal-Madonna tal-Karmnu. Għal dan il-għan, il-festi ta’ din is-sena, fetħu permezz ta’ pellegrinaġġ mill-knisja ta' Ġieżu sas-Santwarju. 
 
F’dan il-Pellegrinaġġ, il-vara kienet ġiet merfugħa mir-reffiegħa kollha tal-Belt jiġifieri dawk ta’ Ġieżu (Arċikonfraternità tas-SSmu. Kurcifiss), San Pawl, San Duminku, Santu Wistin u dawk tal-Karmnu. Dan kien sinjal ta’ għaqda bejn il-festi Beltin taħt il-ħarsien tal-Madonna tal-Karmnu.  

April 2018 - Il-Festa l-Kbira  

Is-sena 2018 kienet sena important ħafna ghall-Belt Valletta għax matulha l-Belt kellha t-titlu tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura.  

Għal din l-okkazzjoni nhar is-Sibt 7 t’April saret attività fejn fiha ħarġu l-erba’ vari titular tal-Belt u mxew flimkien tul Triq ir-Repubblika.  

Konkluzjoni  

Matul dawn l-400 sena, żgur li x-xbieha tal-Madonna tal-Karmnu u r-relikwa tagħha fi toroq tal-Belt Valletta kienu ta’ wens u konsolazzjoni fil-mixja tagħna ta’ ħajjitna.  

Mhux ta b’xejn li anke fi kliem il-Professur, Patri Anastasju Cuschieri “jekk trid li s-Santwarju jimtela’ bin-nies devoti, doqq il-qanpiena l-kbira u ċaqlaq il-Vara.” Hekk sar matul dawn l-400 sena u hekk jibqa’ jsir ta’ kull sena fis-snin li ġejjin b’ħafna devozzjoni u mħabba. 

More in Divertiment