Wara nuqqas ta’ sentejn Malta u Għawdex jerġgħu jiċċelebraw il-Karnival fit-tmien il-ġimgħa li ġej

L-edizzjoni speċjali tal-Karnival se tkun qed issir bejn l-20 u t-22 ta' Mejju ġewwa l-Belt Valletta u Ħal Għaxaq iżda wkoll ġewwa n-Nadur Għawdex

Il-Karnival se jerġa’ jirritorna wara sentejn ta’ waqfa kawża tar-restrizzjonijiet tal-pandemija. Bi tħejjija għal dan, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda l-programm ta’ attivitajiet tal-edizzjoni speċjali tal-Karnival ta’ Malta. Il-Karnival se jkun qed jibda l-Ġimgħa 20 ta’ Mejju u jibqa’ għaddej sal-Ħadd 22 ta’ Mejju.

Fl-istess waqt f'Għawdex, se jkunu qegħdin isiru attivitajiet simili hekk kif ir-raħal tant famuż għall-Karnival Spontanju, jiġifieri n-Nadur, se jerġa’ jkun qed jilqa’ l-kostumi u l-briju ġewwa fih.

It-tlett ijiem tal-Karnival ġewwa l-Belt Valletta u Ħal Għaxaq

il-Ministru Owen Bonnici waqt it-tnedija tal-programm tal-Karnival f'Malta (Ritratt: DOI/Omar Camilleri)
il-Ministru Owen Bonnici waqt it-tnedija tal-programm tal-Karnival f'Malta (Ritratt: DOI/Omar Camilleri)

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Owen Bonnici spjega li l-Karnival huwa wieħed mill-iżjed pilastri importanti fil-kalendarju kulturali Malti. Irringrazzja lill-ħafna voluntiera tad-dedikazzjoni u l-ħin tagħhom fil-preparazzjonijiet għal dan l-avveniment, li fiħ jiġbor numru ta’ talenti u ħiliet differenti.

Il-Karnival li normalment iseħħ fi Frar u li eventwalment jispiċċa mal-bidu tar-Randan, din is-sena kien sar bi programm ridott wara li fl-2020 kien tħassar għal kollox. 

Min-naħa tagħha l-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Annabelle Stivala qalet li wara l-edizzjoni ta’ Frar inħass il-bżonn li “la issa l-ħajja sejra lura għan-normal,” l-attivitajiet li ma setgħux isiru fi Frar jiġu ppreżentati fi programm speċjali f’Mejju. “Dan sabiex id-dilettanti kollha jkunu jistgħu jgawdu xogħolhom, kif xieraq,” saħqet Stivala.

Waqt it-tnedija tal-edizzjoni speċjali tal-Karnival f’Mejju tkellem ukoll id-Direttur Artistiku Jason Busuttil illi spjega li l-programm ta’ din l-edizzjoni jinkludi sfilata ta’ stallazzjonijiet li kkompetew fi Frar flimkien mar-Re tal-Karnival u l-maskaruni, il-parata u kompetizzjonijiet taż-żfin ġewwa l-arena fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt. Is-Sibt filgħodu se jirritorna l-Karnival tat-Tfal ġewwa l-arena u s-Sibt u l-Ħadd se ssir il-Qarċilla mill-pinna ta’ Ċikku l-Poplu li se tittella' quddiem il-Kon Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt.

“Il-programm karnevalesk se jinkludi wkoll ċelebrazzjonijiet tal-karnival f’diversi rħula madwar Malta, fosthom Karnival spontanju f’Ħal Għaxaq u l-famuż Ballu Tritoni, b’kollaborazzjoni mal-Valletta Cultural Agency, li sejisir matul it-tlett ijiem tal-Karnival fi Pjazza Tritoni, l-Belt,” ikkonkluda Busuttil. 

Biljetti jistgħu jinkisbu minn fuq is-sit elettroniku ta’ Festivals Malta, www.festivals.mt/karnival, jew mit-Tourist Information Office li jinsab fi Pjazza Tritoni, l-Belt Valletta.

Wara nżul ix-xemx ġewwa n-Nadur

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri dalgħodu waqt it-tnedija tal-Karnival spontanju ġewwa in-Nadur
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri dalgħodu waqt it-tnedija tal-Karnival spontanju ġewwa in-Nadur

Waqt it-tnedija tal-Karnival Spontanju tan-Nadur il-Ministru Clint Camilleri rrikonoxxa li l-jiem tal-Karnival f’Għawdex dejjem ikunu mfittxija kemm min-nies lokali iżda anke mit-turisti. Huwa faħħar l-impenn tal-Kunsill Lokali tan-Nadur li jieħu ħsieb il-proċess kollu neċessarju biex din l-attività tal-massa tirnexxi, u aktar min hekk, issir bl-inqas inkonvenjent possibbli għar-residenti.

Il-Ministru fakkar li kulħadd għandu jiddeverti b’mod responsabbli u b’rispett sħiħ lejn il-liġijiet.

Edward Said, is-Sindku tan-Nadur, qal li n-Nadur hu sinonimu ma’ dan il-karnival li issa sar parti integrali mill-kalendarju kulturali mżewwaq li joffri Għawdex. Said wera s-sodisfazzjon tiegħu li l-karnival spontanju se jerġa’ isir fil-qalba tar-raħal, fejn ta’ kull sena kien jattira lejħ eluf kbar ta’ viżitaturi.

Is-Sindku Said irringrazzja lill-Ministru għal Għawdex tas-sostenn kemm finanzjarju u dak loġistiku biex tittella’ din l-edizzjoni speċjali u awgura li, bħal edizzjonijiet preċedenti, għal darba oħra tkun suċċess.

Il-Karnival Spontanju tan-Nadur ser isir nhar il-Ġimgħa l-20, is-Sibt 21, u l-Ħadd 22 ta’ Mejju wara nżul ix-xemx.

More in Divertiment