Kotba | Provi ġenerali ta’ niħiliżmu

Mark Vella jipprova jagħmel sens mill-iskumditajiet ta’ Il-Parabboli tal-Imġienen ta’ Keith Borg, ġabra ta’ novelli li spiss tittanta xxejjen kull sura ta’ tifsira 

Il-boton, anzi ħemel, ġdid ta’ kittieba li ħarġu mill-aħħar tad-disgħinijiet ’l hawn spiss jisfida l-kategorizzazzjoni, kontra l-garżelli puliti li intużaw għall-kitba ta’ qabilhom. Kien hemm żmien qasir ħafna fejn Mario Cassar ittanta juża t-terminu tal-kittieba ‘menefregisti’, dawk li ma jimpurtahom bħallikieku minn xejn, f’att ta’ ribelljoni kontra l-qalb perżuta tal-moderni. Illum, nisimgħu anki bit-tentattiv li niġbru għadd akbar minn dawn il-kittieba bħala ‘kożmopoliti’, għaliex fl-aħħar meddew riġilhom lil hinn mill-pjazza tar-raħal, jew inkella, anki meta jitkellmu dwar Malta, jarawha letterarjament bħala parti minn xi ħaġa wisq akbar u, għal dan, parti integrali li tipparteċipa f’umanità dinjija lil hinn mill-fruntieri.

Alfred Sant kien ukoll ippostula li nkunu nistgħu nitkellmu dwar razza ġdida ta’ kittieba meta jkun hemm ġenerazzjoni li tkun esperjenzat dik li sejħilha ‘soċjetà miftuħa’, fis-sens li, kontra l-kittieba bħalu u tal-ġenerazzjoni tiegħu, ma kellhomx ifarfru xkilijiet oġġettivi tal-imgħoddi magħluq li għexu u li kienu għadhom jew qed jirribellaw kontrih jew inkella jfarfru l-għabra tiegħu minn fuqhom. Iżda l-kategorizzazzjoni ordnata hija l-għadu tal-varjetà u tal-infinità tal-possibiltajiet, u xogħol bħal Il-Parabboli tal-Imġienen ta’ Keith Borg (Merlin Publishers, 2021) mhuwiex biss waħda minn dawn l-ingroppi li jħarbtu l-vina tal-injama, imma wkoll indikazzjoni tal-kurrenti alternattivi, jew inkella potenzjali u possibbli, tal-letteratura ta’ żmienna.

Lil hinn milli nipprova noħroġ jien b’tikketta oħra, qaddisi jgħidli li jaf hemm moviment ieħor, sotteranju għall-aħħar, li qed nara jixref ximindaqqiet fin-narrativa kontemporanja. Niftakar f’xogħol partikolarissimu ieħor, ir-rumanz Nyctophilia awtopubblikat fl-2021 minn Daniel Schembri, li jmur lil hinn mid-definizzjonijiet stabbli li mdorrijin bihom, speċjalment tal-protagonista u tal-garżella pulita l-oħra tal-eroj / antieroj, l-ambjenti, imma fuq kollox il-motivazzjonijet awturjali. In-novelli ta’ Keith Borg jolqtu minnufih bl-ispazji vojta li fihom, mhux biss iddettati mill-istil xott u tendenzjalment ekonomiku tal-kitba, imma anki għall-fatt li din hi narrativa fil-biċċa l-kbira kunċettwali.

L-awtur stess, f’intervisti u kitbiet oħrajn, imma anki kif jidher mill-ġabra nnifisha, isellem influwenzi preċiżi, fosthom Nietzche u Borges, u d-dellijiet tagħhom jinħassu b’mod qawwi. Il-personaġġi u l-ilħna li jirrakkuntaw bilkemm għandhom fiżiċità jew preżenza soċjali, filwaqt li l-ambjenti huma jew splużjoni ta’ xbihat, bejn il-fantastiku,  l-improbabbli, u l-purament mistħajjel u immaġinat, jew inkella sempliċement spazju li jkollu jċedi għal ħsieb u diskors immirat mingħajr ebda tiżjina żejda. Donnhom jiġu eżawriti l-possibiltajiet tal-effetti tar-reali, għodod li għadhom validi għal kittieba oħra, iżda li għall-intenzjonijiet ta’ Borg huma żejda għaliex itellfu mill-burraxki mentali u interjuri li jrid jittratta.

Bħal fil-każ ta’ Borges, l-esperimentazzjoni ta’ Borg hija waħda li tikkategorizza mod ieħor, anki b’mod ta’ logħba kurjuża, u jista’ wkoll ikollok żewġ karattri, bħal fil-każ ta’ Il-Villaġġ li huma umani sempliċement għax raġel u mara, imma magħmulin biss minn forom ġeometriċi f’raħal immaġinarju li huwa oppressiv fil-mod essenzjali kif inhu mibni. Id-dinjiet ta’ Borg jaf mhumiex għal kulħadd, għax tista’ tgħid nieqsa minn riferimenti għar-realtà oġġettiva li bħala qarrej jistgħu jserrħulek moħħok għax almenu tidentifika ma’ dinja. Imbagħad, min-naħa l-oħra, il-lenti titwessgħa u tidjieq għal fuq it-turbolenzi għaddejjin f’moħħ il-karattri, tempesti morali jew il-maltempati assoċjati max-xewqat l-aktar intimi li spiss jaqilbu għad-dnub, bħax-xewqa, l-ambizzjoni u l-ossessjoni.

Fl-aħħar mill-aħħar, u anki hawn nagħmel rabta ma’ Nyctophilia, xejn mhux xejn. Mhux fis-sens moralistiku, imma għaliex id-dinja toħroġ bħala post ostili u inkomprensibbli fejn dak li jkun jiġi garat bla ma jaf u bla ma qatt ried f’dan il-wied tad-dmugħ, biex ngħiduha la Nisranija, jew inkella f’dan ix-xagħri qoxqox fejn trid tara x’se tagħmel biex tfassal skop għal din l-eżistenza. Ironika wkoll hija l-fatt li dawn in-novelli jissejħu parabboli, sew għax miktubin bi stil eżemplari-fjabesk li anki jippermetti l-ħolqien tad-dinjiet strambi, imma wkoll għaliex dawn il-ġrajjiet, kontra l-parabbola Evanġelika, iħalluk fejn kont, jekk mhux agħar. Anti-parabboli, x’aktarx, li m’hemm l-ebda żbokk ta’ tagħlima fihom, iżda perversament ikomplu jħawdu l-borma tbaqbaq tal-kawlata ta’ biżgħat, ħsibijiet u istinti li huwa moħħna fl-agħar waqtiet ta’ ħajjitna.

Dal-ktieb forsi wieħed jista’ jarah minn żewġ aspetti. Minn naħa, huwa żgur qtugħ minn bosta ħwejjeġ li nkitbu jew li qed jinkitbu, u għandu l-mertu li jinqata’ bla intoppi mit-tradizzjoni, u jħares lil hinn, anki kif mixhud mill-influwenzi ovvji. Huwa ktieb Malti daqs kemm mhuwiex, fejn forsi l-lingwa tal-kitba troddlu identità ġeografika, imma narah ukoll bħala potenzjalment traduċibbli u esportabbli fejn kapaċi jinqara b’għoġba. Mhux li għoġobni immens, imma mhux minħabba l-kwalità. Lil hinn mill-fatt li bħal bosta kitbiet Maltin kien jeħtieġ editur letterarju, anki biex forsi jrażżan il-waqtiet fejn ix-xbihat u l-ideat jisplodu bla kontroll minflok bil-preċiżjoni tal-imgħallem fin-nar, huwa ktieb li diffiċli biex jiġi ddiġerit, sew minħabba dan il-qtugħ totali mit-tradizzjoni, imma l-aktar minħabba d-dinja tant griża, asfissjanti, u nieqsa minn kull tama jew potenzjalità li joffri.

Li, allura, issir is-saħħa tiegħu. Kemm tista’ twassal ’il quddiem għad irridu naraw, imma bħala l-ewwel prodott fis-suq tal-awtur, hemm x’tomgħod. Jista’ jkun, jista’ ma jkunx, imma dan id-disprament li almenu ħassejt jien jingħi tul dawn l-istejjer jaf jimmarka, jekk mhux perjodu ġdid, almenu linja għaddejja fil-kitba tagħna, ta’ ċediment tant totali li jispiċċa jaqa’ fl-astratt, l-assurd, u f’kitba li aktar milli mogħdija lejn destinazzjoni, tkun liema tkun, aktar qisha belliegħa li tiġbed kollox magħha lejn il-vojt.

Tmiem il-ġabra, madankollu, jerġa’ jġib l-awtur lura fid-dinja, fir-reali, imma xorta b’ħarsa lejn il-vojt. F’Repubblika, in-novella li għoġbitni l-aktar, Borg, bħal fil-mumenti poetiċi emblematiċi ta’ Massa, Azzopardi u Friggieri huma u jħarsu lejn id-destin politiku tan-nazzjon, jinterzja r-Repubblika ta’ Platun ma’ dinjiet u saffi differenti tas-soċjetà Maltija, mill-impenjat sal-alabiebu, fid-dell tal-omiċidju ta’ Caruana Galizia. Tmiem l-istorja xorta waħda donnu jreġġa’ għall-vortiċi tal-istejjer l-oħra, fejn ma tafx fejn se tispiċċa. Anzi, kważi terġa’ titħajjar taqbeż ġol-belliegħa riħ ħa tkompli titħarbat.

More in Arti