Kotba | Il-pass li jmiss

Mark Vella jistħarreġ ix-xogħlijiet ewlenin ta ’Stephen Lughermo, ippremjat reċentament bħala “L-Aħjar Awtur Emerġenti” waqt il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, u fl-istess ħin jipprova jistħarreġ dwar x’mogħdijiet tista ’tieħu l-ġenerazzjoni tal-awturi li tielgħa.

F’intervista, Ian McEwan jirrakkonta li fil-bidu tal-karriera tiegħu, huwa u jikteb 'The Cement Garden', li bdieh fit-triq lejn iċ-ċelebrità, kien stieden lil Philip Roth, kittieb ġa stabbilit, biex jaqralu l-manuskritt. Roth kien ġie sal-appartment tiegħu, firixlu l-karti mal-art qisu ġeneral qed jippjana attakk minn fuq mappa topografika enormi, u qallu li f’punt partikolari tar-rumanz, "Here, all hell should break loose". Min qara lil Roth jaf xi tfisser din, fejn il-ħajja normali tinħall minn traġedja li twassal għal abbissi infernali bla qiegħ. Iridu jinfetħu bwieb is-sema. McEwan apprezza l-kumment imma ma segwihx, u ħareġ rumanz li kien xorta kapolavur ta ’orrur kalm u kiebi mingħajr id-dagħbien li ssuġġerielu Roth.

Hemm ħafna letteratura emerġenti ħierġa bħalissa f’Malta li minkejja li kotrana, donnha tagħfas fuq suġġetti dojoq partikolari u forsi toqgħod attenta wisq milli tagħmel il-pass li jmiss lejn id-dagħbien ta ' waqgħa waħxija. Xi mumenti ta ' kuraġġ letterarju jafu jifirxu, speċjalment f’kitbiet li jitbandlu bejn il-prodott deliberat għaż-żgħażagħ li xorta jkollu kunsiderazzjonijiet ‘aktar adulti’, bħall-aspett sesswali tabù ta' 'Perfettament Imperfetta' ta' Kirsten Spiteri u s-sottiljezza effettiva li biha jitrattah l-awtur. Il-kittieb emerġenti ppremjat ftit ilu waqt il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, Stephen Lughermo, huwa wkoll wieħed minn dan il-boton: għalkemm beda jterraq f’letteratura għal demografija partikolari, diġà tixref ħila ta' kompożizzjoni u maturità fl-analiżi tat-temi li turi li ġej kittieb li qed jikkarga bil-mod il-mod għal prodott b’saħħtu.

'Ċelel bla Ħitan' huwa l-ewwel ġabra ta' novelli ta' Lughermo li jippruvaw jinqalgħu mit-tikketta ta' kittieb ġa rebbieħ tal-Premju Terramaxka u l-Konkors ta’ Kitba - Letteratura għaż-Żgħażagħ tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Dak li jkun m’għandux jitqarraq b’dan: Lughermo diġà wera li għandu n-nifs għal rumanz b’Jarmuk (Horizons, 2017), maħdum u mqassam tajjeb u li jżommok taqrah b’interess sal-aħħar u li jittratta temi importanti u attwali minkejja li forsi ktieb maħsub għal udjenza dejqa jew partikolari. Imma dawn in-novelli l-ġodda jittrattaw dik li tidher hi ossessjoni ewlenija tal-awtur: iċ-ċelel bla ħitan, fis-sens tal-ħabsijiet psikoloġiċi u soċjali li ngħixu fihom, fejn il-ħitan li jagħlquna diffiċli ninfduhom għaliex inviżibbli u ma nafux minn fejn naqbdu nibdew.

Dan il-kunċett diġà jissemma f’Jarmuk, storja ta' tfajjel immigrant u seħibtu tal-klassi, li t-tnejn jgħixu żgħożija soċjalment iwiegħra, u jingħaqdu fir-realtà komuni tagħhom fuq proġett dwar żewġ ħabsin ċelebri, Mandela u Vassalli. It-tfajjel Sirjan, Marwan, jaħseb dwar Mandela u jgħir għalih, għaliex il-mexxej Sud Afrikan irnexxa fit-tir tiegħu minkejja li maħbus, waqt li d-dgħajsa tax-xorti lit-tifel iġġibu f'ħabs ta' solitudni u iżolament, maqtugħ minn niesu u minn għeruqu u mbarri minn soċjetà li suppost qed tilqgħu. Fin-novelli, dawn iċ-ċelel bil-ħitan inviżibbli jsiru l-konkretizzazzjoni ta ’mumenti fil-ħajja ta' kuljum, nies li ma jistgħux jaħarbu mill-kundizzjoni tagħhom fejn, bħalma tgħid il-qoxra ta’ wara tal-ktieb “jesperjenzaw klawstrofobija tar-ruħ, ibatu għeluq li ma jidhirx, jitħarbtu ma' ħitan inviżibbli bil-ħolma ta ’libertà f’dinja...ħielsa.”

Dan il-ħelsien jibqa ’fil-biċċa l-kbira ħolma, kimera, u l-karattri li jinnegozjaw dan l-għeluq sikwit iċedu u jibqgħu imsakkra fil-priġunerija ta' ruħhom. Hawn, għalhekk, Lughermo donnu jidħol f’mogħdija mterrqa sew minn bosta kittieba ta ’qablu, fejn iċ-ċediment quddiem il-miżerji tal-eżistenza jew is-sikkaturi soċjali spiss huwa l-unika soluzzjoni. Għażla passiva, li xorta żżomm li dak li jkun bejn dawn il-ħitan. Ir-realtajiet li jesplora Lughermo, mis-solitudni tax-xufier tat-trakk fuq l-awtostradi Taljani sal-mara li qed tissogra tibqa ’fuq l-ixkaffa jew l-enneżima koppja qed tisfaxxa, ifakkru wkoll fix-xogħol bikri ta' Immanuel Mifsud, b’estetika aktar leġġera u inqas mudlama, iżda xorta waħda spiss mgħarrqa fir-rassenjazzjoni.

Dan xogħol kruċjali għal kittieb li għadu kemm iggradwa għat-titlu ta' talent interessanti. Anke għaliex dawn in-novelli qed jaħdmu fuq l-ossessjoni msemmija qabel iżda qegħdin forsi wkoll jagħtu l-ewwel passi fid-dlam sakemm jinsab xaqq dawl li jista’ jillumina aħjar l-intenzjonijiet organiċi tal-awtur. Jiġifieri, lil hinn mix-xebh, il-kontinwità u l-għarfien ta' min ġie qabel, hemm ukoll il-ħtieġa tal-għarfien ta' x’jistgħu jkunu il-passi li jmiss. Tkellimna dwar it-tradizzjoni u jekk nagħmlu punt dwar il-kontemporanjetà, jidher li hemm bosta awturi żgħażagħ li, madankollu, għalissa għadhom qed jitkellmu dwar l-istess ħaġa. L-ambjent tal-iskola, l-iskoperti u l-isfidi taż-żgħożija, il-preżenza unika tad-diġitali f'ħajjithom. L-iskola fil-letteratura dinjija spiss kienet il-metafora xierqa għall-ħajja, u sikwit it-tranżizzjoni miż-żgħożija għall-adultezza hija l-ħamrija ideali għal dak l-ewwel rumanz.

Dan ir-rumanzar ‘adolexxenzjali’ jaf huwa wkoll iddettat minn suq u sistemi li qed jippruvaw iwessgħu l-għażla tal-qari bil-Malti għal ċertu grupp ta ’età. Iżda jaf hemm mument fejn ikollha sseħħ il-qabża, kważi bħal dik issuġġerita minn Roth lil McEwan. Lughermo diġà juri f’Jarmuk li jista’ jkun kapaċi jagħmlu dan: id-destin li jagħti liż-żewġ karattri teenagers tiegħu huwa tqil wisq biex jinġarr miż-żagħżugħ tipiku, tant li wieħed jibda jiddubita jekk dan il-ktieb tassew jappellax għall-bniet u s-subien qed jibdew jiskopru l-ħajja. Jitkellmu b’toni u maturità adulti li jistgħu jġibulek dubji jekk dan huwiex difett tal-kitba fejn l-awtur għażel li jitkellem hu u bl-istess leħen għal kulħadd, imma l-ktieb iżommok tant li b’xi mod tifhem l-għażla tal-lingwa minħabba l-attitudni kumplessiva tar-rumanz, u anki forsi għaliex ċertu realtajiet jistgħu anki jiġu spjegati bi lsien li jissagrafika r-realiżmu jew l-effett tar-realtà u li jħalli lil qarrej fiduċjuż mill-ħila tal-id awturjali.

Kontra Kirsten Spiteri li jaħfen l-istil ala Adrian Mole bħila mhux indifferenti u jipproponi prodott li jolqot il-likk f’kull aspett, Lughermo huwa kittieb li ġa lest biex jingaġġa mal-adultezza. Imma l-pass huwa wieħed mhux dejjem faċli. Storja minnhom fil-ġabra titkellem dwar mara fiċ-ċella tal-maternità mistennija iżda mhux imwettqa, fejn waqt tieġ ieħor li mistiedna għalih, tirrifletti magħluqa fit-toilet dwar it-tektik tal-arloġġ bijoloġiku tagħha, f’kuntest ta' ġirja kontra l-ħin biex issib is-sieħeb ideali li jista’ jgħamarrha b’wild. Ħin minnhom, malli toħroġ lura fis-sala, ħabiba tagħha żżommha bili turiha r-ritratti tat-tewmin fuq il-mobile, u tibda d-diskussjoni tipika fastidjuża ta’ meta se jkollok u għaġġel qabel ma jkun tard wisq.

Għall-mistoqsija dwar it-tfal, il-karattru kważi tħossha ħażin tant ma tridx twieġeb u xebgħet tisma’ l-istess diskors. Ixoqq l-għaraq għaliha, anzi, kif jgħidilna n-narratur, did-darba ‘kien l-istonku li wieġeb’. Hawnhekk, forsi influwenzat mit-traġiku ta’ Roth, stennejtha tant titbegħren din l-imsejkna mara, li taqla’ l-mistura ta ’cocktails u vol-au-vents fuq l-omm sindikjara u indiskreta. Ġietni f’moħħi wkoll novella ta’ Ramona Depares li tiftaħ b’omm tkorri l-wild f’żaqqha fl-uffiċju, bil-gliegel tad-dmija u l-embrijun li jinfetħilhom il-vit b’sempliċi ħsieb ta’ kollega. Orrur u abjezzjoni li jtaqqlu r-rakkont b’potenzjal aktar profond. Imma l-karattru ta' Lughermo ddawwar id-diskors u tmur tiżfen, sakemm narawha fi tmiem il-jum f’kamritha weħdiha mat-tektik kronoloġiku ta’ isimha.

Hemm bżonn li kulħadd jaqla’ msarnu f'ġieħ ir-rilevanza letterarja, bit-tieġ jisfratta fost l-għadajjar tar-remettar fuq l-ipokrezija u l-psewdo-korettezza borgiża? Forsi le, għax kittieb bħal Lughermo għandu s-saħħa tal-empatija, tassew b’attenzjoni għat-tbatijiet li jirnexxilu anki jinkwadrahom bla ebda sforz fl-attwalità tal-kuntest soċjali tagħhom. Imma għal din ir-raġuni, sforz din il-ħila ta ’dan it-talent ġdid, hemm pass li jmiss, sew ta ' kuraġġ sew ta ' esperimentazzjoni u ta ’rfinar taħ ’iliet u ta ’viżjoni, li jista ’jisfronda almenu l-ħitan taċ-ċella letterarja kontemporanja.

More in Divertiment