Iduru mas-sitwazzjoni tal-pandemija u mat-toroq ta’ Bormla sabiex il-festival jibqa’ jsir
Xbajna nisimgħu kemm ħasret gost il-pandemija. Il-gazzetta ILLUM mhux se terġa’ tibda b’din l-istess kantaliena iżda għal kuntrarju tas-soltu din id-darba tkellmet ma’ dawk li daru mas-sitwazzjoni u baqgħu għaddejjin bil-festival annwali tagħhom

Ir-raba' edizzjoni tal- Cospicua Short Play Festival qegħda magħna. Dan il-festival hu wieħed mill-ftit jekk mhux l-unika wieħed li baqa’ għaddej b’mod annwali minkejja l-pandemija. Tajjeb ngħidu li dan hu festival miftuħ b’xejn għal pubbliku, is-sena l-oħra kien miftuħ għal-250 ruħ, din is-sena se jilqgħu sa’ 500 ruħ. Taraw dawn in-numri u bla ma trid tistaqsi, kif f’nofs pandemija se jmorru 500 ruħ Bormla jaraw ir-reċta?
Din hi l-mistoqsija li staqsiet il-gazzetta ILLUM lis-Sindku ta’ Bormla, Alison Zerafa Civelli, u lis-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill, Duncan Hall.
Minħabba dan il-festival, madwar seba' żoni f’Bormla jiġu magħluqa jsiru żoni pedonali. Fl-avveniment isiru sitt produzzjonijiet b’żieda ta’ tnejn oħra din is-sena. Kull produzzjoni tkun maqtugħha f’żona għaliha, għajr għal żona waħda minnhom li tinqasam bejn żewġ produzzjonijiet. Dan ifisser li jekk jidħlu 500 ruħ, dawn se jkunu maqsuma f’żoni differenti u l-kuntatt se jkun minimu.
Taħsbux li din kienet idea kawża tal-pandemija, anzi din kienet l-idea oriġinali tal-festival lura meta twieldet l-idea madwar erba’ snin ilu.
‘Żewwaqna xi ħaġa bejn talent u l-potenzjal li għanda din il-belt’ qalet lil gazzetta, Alison Zerafa Civelli.
L-għan u x-xewqa tar-residenti kienet li filwaqt li l-pubbliku japprezza din il-forma ta’ arti li xi drabi tieħu wkoll forma ta’ kant, jintużaw u jinterew ukoll postijiet fil-Bormla li mhux kulħadd normalment japprezza bħal pjazza Santa Margerita jew Misraħ Bonnici.
Persuna li tattendi se tidħol minn entratura waħda fejn il-Kunsill Lokali ta’ Bormla stess fejn l-biljett jiġi approvat u minn hemm jibdew l-avventura tagħhom taħt id-dwal tat-toroq sbieħ ta’ din il-belt.
Kull produzzjoni ssir tliet darbiet f’lejl, b’interval ta’ nofs siegħa biex il-pubbliku jilħaq jasal minn post għall-ieħor. Il-produzzjonijiet ikunu wkoll parti min kompetizzjoni u fl-aħħar jintrebħu awards bħall-aħjar attur, attriċi jew direzzjoni.

“Rajna potenzjal fil-festival" - Alison Zerafa Civelli
Is-Sindku, Alison Zerafa Civelli spjegat kif f’dan il-festival “raw potenzjal kbir” tant li din is-sena żiedu żewġ produzzjonijiet oħra flimkien mas-sitta li s-soltu jsiru. B'differenza li dawn iż-żewġ produzzjonijiet żejda mhux se jkunu parti mill-kompetizzjoni.
“Kellna min xtaq ikun parti mill-avveniment imma mhux fil-kompetizzjoni" qaltilna s-Sindku.
Is-Segretarju Eżekuttiv, Duncan Hall, qalilna li ż-żieda ta’ dawn il-produzzjonijiet kienet biss farka mill-pjan tagħhom sabiex ikkabru dan l-avveniment li issa bosta saru jfittxuħ.
Kien hemm il-ħsieb li jkun hemm produzzjoni wkoll addattati għat-tfal iżda minħabba r-restrizzjoni tas-sitwazzjoni kurrenti, l-idea kellha taqa’.
Differenza oħra li se jkun hemm f’din l-edizzjoni hi li għall-ewwel darba, waħda mill-produzzjonijiet se tkun bl-ingliż meta s’issa il-produzzjonijiet dejjem kienu bil-lingwa Malti sakemm mhux magħmula fis-silenzju.
Dawn huma kollha deċiżjonijiet li jiġu diskussi bejn il-Kunsill Lokali u d-diretturi tal-avveniment. Zerafa Civelli sostniet li wara kull edizzjoni, huma jiltaqgħu u jiddiskutu x’mar tajjeb u x’seta mar aħjar. Dan kollu jwassal biex edizzjoni tkun iktar ta’ suċċess minn ta’ qabilha.
Rigward is-sigurtà ta’ min se jkun qed jmur jara l-produzzjonijiet, Duncan Hall spjega lill-ILLUM li s-sistema tas-sigurtà se tkun differenti mis-snin ta’ qabel.
Persuna interessatà li tmur nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Settembru jew/u nhar is-Sibt 4 ta’ Settembru, jrid imur qabel dawn id-dati fil-Kunsill Lokali ta’ Bormla bil-kopja taċ-ċertifikat tal-vaċċin kif ukoll il-karta tal-identità. Biljett għal kull ġurnata li jkun se jmur jinqata f’isem il-persuna.
Fil-każ ta’ tfal, dawk minn 12–il sena se jkunu jistgħu jidħlu billi jagħmlu PCR test sa’ qabel 72 siegħa mill-avveniment filwaqt li tfal inqas minn ħames snin jistgħu jidħlu bla ebda bżonn ta’ swab test.