'Eluf ta' bozoz, eluf ta' sigħat, eluf fi flus u tmien snin ta' xogħol' - Il-knisja ta' Ludwig

Is-sit illum.com.mt jiltaqa' ma' Ludwig Noel Desira u jitkellem miegħu dwar knisja mill-isbaħ li bena f'daru b'tant reqqa, dedikazzjoni, passjoni u kapaċità artistika

Ritratt | Anthony Xuereb
Ritratt | Anthony Xuereb

Taħt id-dell tal-kampnar twil u uniku tal-Knisja ta’ Birżebbuġa hemm żagħżugħ, dilettant, b’imħabba kbira mhux biss lejn San Pietru, Patrun tar-raħal fin-nofsinhar ta’ Malta, imma wkoll b’kapaiċità u talent kbir li juri ruħu b’tant kreattività kull sena, fil-Ġimgħa Mqaddsa.

Ludwig Noel Desira, bħal dan iż-żmien jiftaħ il-bibien ta’ daru u jdaħħal lil dawk kollha li jmorru sa Birżebbuġa fl-atmosfera tal-Ġimgħa Mqaddsa fil-Knisja minjatura, preparata sal-inqas u l-isbaħ dettal.

Din mhux wirja kwalunkwe imma waħda mill-aktar speċjali, mill-isbaħ u mirquma sal-inqas dettall. Garaxx li jżomm xi vettura u għodda jinbidel f’din il-knisja barokka mill-isbaħ, li ssib il-qofol tagħha fis-Sepulkru fin-nofs tal-knisja.

Il-Knisja | Ritratt: Anthony Xuereb
Il-Knisja | Ritratt: Anthony Xuereb

Is-sit illum.com.mt tiltaqa’ ma’ Desira, u ssibu b’ħeġġa kbira biex jitkellem dwar il-wirja mill-isbaħ tiegħu. Miegħu missieru, Alfred, li jagħtih daqqa ta’ id biex jibniha u wara l-festi jerġa jżarmaha mill-ġdid, mhux eżattament l-aktar biċċa xogħol faċli.

Xħin se tidħol, l-aktar li se jolqtok huwa d-dettal. Ludwig ma ħalla xejn għall-immaġinazzjoni; mill-gandlieri, l-lampier, l-kapitelli, l-fjuretti u d-damask iswed li jaffakar fid-dieqa tal-mewt ta’ Ġesu. Knisja armata kif xieraq b’reqqa liema bħalha.

Desira jispjega, għas-sorpirża ta’ dan is-sit, kif marbuta ma’ kull vara hemm pittura ta’ profeti differenti fuq l-arkati, kull wieħed mill-Antik Testment ifakkar sitwazzjoni fil-passjoni ta’ Kristu. Mhux biss il-kapaċità tal-id allura, imma Desira wkoll għandu l-kapaċità tal-ħsieb fix-xogħol li qed iwettaq.

Ludwig Desira (xellug) fil-ftuħ tal-Wirja fl-2016 ma' Dun Deo Debono | Ritratt: S Agius
Ludwig Desira (xellug) fil-ftuħ tal-Wirja fl-2016 ma' Dun Deo Debono | Ritratt: S Agius

U huwa dan li jagħmel din il-Knisja unika, mhux f’Birżebbuġa biss, imma f’Malta.

Malli tidħol jilqgħuk fuq iż-żewġ naħat hemm San Pawl u naturalment San Pietru.

Ludwig jispjega lil dan is-sit illi kollox beda meta kien jarma numru ta’ vari fuq mejda, sakemm il-proġett tiegħu kompla jikber, biex minn sett vari tal-istatwarju Pawlu Aquilina, illum għandu tempju l-ġmiel tiegħu.

Tħares ‘l fuq u tara l-pitturi, li janimaw il-ħajja ta’ San Pietru, r-ragħaj tal-Appostli u l-Blata li fuqha Ġesu bena l-Knisja tiegħu.

Nistaqsieh kemm uża bozoz biex seta’ jarma l-linef żgħar u sistema sħiħa ta’ dawl u jispjega, mhux biss fuq il-bozoz; “Eluf ta’ bozoz, eluf fi flus, eluf ta’ sigħat u xogħol ta’ tmien snin ta’ xogħol,” sostna Ludwig.

U aħna nżidu, ‘u mitqlu dedikazzjoni u passjoni infinita’.

Dawk li mhumiex dilettanti forsi jistaqsu; imma x’inhu l-isbaħ gost tagħha? “Is-sodisfazzjon u n-namra,” jgħid Ludwig bi tbissima ta’ kburija fuq fommu.

Nistgħu nibqgħu niddeskrivu kull dettall f’dan il-proġett mill-isbaħ, minflok qed ngħaddu lilkom qarrejja tagħna l-istedina ta’ Ludwig biex tmorru u taraw b’għajnejkom il-frott ta’ snin ta’ ħidma!

Żgur li se taqblu illi hija waħda mill-isbaħ wirjiet li se tkunu rajtu matul il-Ġimgħa Mqaddsa ta’ din is-sena.

Ritratt: Anthony Xuereb
Ritratt: Anthony Xuereb

Ħinijiet tal-ftuħ:

Ħamis ix-Xirka mid-9am sa 12pm u 5pm sa 12am

Il-Ġimgħa l-Kbira mit-8am sas-2pm u s-6pm sal-10pm

Sibt il-Għid mit-8am sa 12pm u mil-5pm sad-9pm

U Ħadd-il Għid 8am sa 12pm u mill-5pm sat-8.30pm

 

More in Divertiment