Tliet films ġodda fis-swali taċ-ċinema

Jekk dilettant tal-films għandek tliet għażliet tajba fis-swali taċ-ċinema...

Cold Pursuit.

Atturi Ewlenin: Liam Neeson; Tom Bateman; Laura Dern; Tom Jackson; Emmy Rossum; Julia Jones.

Direttur: Hans Petter Moland.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 119 min.

Ċert. 15

Ir-rutina li qabad Liam Neeson ġo films vjolenti mimlija azzjoni tkompli b'Cold Pursuit . Din id-darba ninsabu fil-belt xitwija u turistika ta' Kehoe, fir-Rocky Mountains ta' Colorado. It-temperatura hija 10 gradi taħt iż-żero, b'art mimlija silġ fejn diversi nies jipprattikaw l-isport tas-silġ man-niżliet tal-muntanji. Nels Coxman (Neeson) jaħdem bi trakk armat biex ineħħi s-silġ mit-triqat waqt li jgħaddi ħajja normali ma' martu (Dern), bħaċ-ċittadini l-oħra. Iżda meta t-tifel tiegħu jinqatel fuq ordni ta' kap potenti u dissolut tad-droga mlaqqam Viking (Bateman), tant jimtela b'rabja li, bis-saħħa tat-trakk tiegħu u azzarin inserrat jibda jnaqqi l-paladini ta' dan Viking. L-azzjoni tiegħu tqajjem gwerra ħarxa bejn dan il-baruni u r-rival antik tiegħu, White Bull (Jackson), Indjan/Amerikan ukoll kap tal-mafja t'hemm. Il-kwiet u l-paċi ta' din il-belt żgħira tassew jinkissru bin-niżliet bojod tal-muntanji jispiċċaw ħomor bid-demm, Minkejja li Cold Pursuit hu brutali b'sens kbir ta' retribuzzjoni, matulu hemm jiġri fil sottili ta' umoriżmu oskur ħafna. Tul l-andament jidhru lista sħiħa ta' karattri b'ismijiet eċċentrici li kważi kollha jmutu mdemmija. Il-kartellun ta' dan il-film isostni li: Vendetta is best served cold u fil-kesħa palpabbli ta' dan il-post verament iseħħ hekk. Id-direttur Norveġiż Hans Petter Moland, addatta dan ix-xogħol minn fuq il-proġett tiegħu tal-2014 In Order Of Disappearance, film ikkritikat favorevolment u li f'bosta pajjiżi għamel suċċess.

The Kid Who Would Be King

Atturi Ewlenin: Louis Ashbourne Serkis; Tom Taylor; Rebecca Ferguson; Patrick Stewart; Dean Chaumoo; Rhianna Dorris; Angus Imrie.

Direttur: Joe Cornish.

Maħruġ minn KRS Releasing.

Tul: 120 min.

Ċert. PG.

Leġġenda maħbuba ħafna mill-Brittanici hija dik tar-Re Arturu, il-Mejda Tonda tal-Kavallieri tiegħu u x-xabla Excalibur. Fuq King Arthur ħarġu diversi films ta' xeħta differenti, fosthom Knights of the Round Table (1953). Xogħol avventuruż u dirett skont l-istorja, Excalibur (1981), film ta' atmosfera mistika u fantastika, The Sword In The Stone (1963), produzzjoni animata ta' Disney u anki films b'tema kontemporanja bħal A Connecticut Yankee In King Arthur's Court (1949). The Kid Who Would Be King, hu wkoll ambjentat fil-preżent, bil-protagonisti jkunu tfal tal-iskola. Din hija avventura fantastika u mexxejja sewwa b'effetti speċjali viżwali tassew eċitanti. Alexander Elliot (Ashbourne Serkis) tifel normali ta' 12-il sena flimkien ma' sieħbu Bedders (Chaumoo) ikunu l-mira ta' Lance (Taylor) u Kaye (Dorris). Waqt li jaħarbu bilgri minn dawn, f'lok imħarbat u skartat, fejn jidħlu jistaħbew, Alex jaqla' xabla minn ġo blata, bla ebda tbatija, li tinzerta li hi Excalibur, l-arma maġika tal-leġġendarju Re Arturu. Is-saħħara kattiva Morgana (Ferguson) teħles minn ħafna għeruq sodi ta' siġra kbira fejn ilha sekli msakkra, tqajjem diversi kavallieri biex tagħti assalt lil belt ta' Alex. Dan ikollu jgħaqqad armata ta' tfal, ħbieb u għedewwa, kollha lebsin l-elmu u l-korazza, mgħejuna mis-saħħar xiħ Merlin (Stewart) li bosta drabi jieħu l-forma ta' tfajjel. (Imrie). Permezz ta' ktieb illustrat Knights of the Round Table , Alex u l-armata tiegħu jiġġieldu lil dawn anki b'mezzi moderni, bħal meta jsuqu karozza b'ħeffa lejn il-kavallieri spirti. Id-direttur Joe Cornish b'mod effettiv irnexxielu jislet partijiet mill-mitoloġija ta' King Arthur u jinterpretaha b'manjiera loġika għall-użanzi moderni.

Escape Room

Atturi Ewlenin: Taylor Russell; Logan Miller; Deborah Ann Woll; Jay Ellis; Nick Ġogani.

Direttur: Adam Robitel.

Maħruġ minn KRS Relasing.

Tul: 99 min.

Ċert. 15

Jidher ovvju li l-produtturi ta' Escape Room ġew ispirati mis-sensiela tal-films tal-biża' u twerwir Saw. Mill-banda l-oħra dawn ħallew barra n-nases fatali u xi ftit mit-torturi tas-serje ta' qabel. Primarjament Escape Room hu thriller psikoloġiku b'sekwenzi tal-biża'. Sitt stranġieri jmorru f'bini misterjuż biex jieħdu sehem f'logħba enigmatika. Kull min jidħol f'kamra li ma fihiex twieqi, b'bieb wieħed biss msakkar, irid jilgħab logħba mimlija f'ħafna taħbil il-moħħ biex jirbaħ 10,000 dollari. Il-miġnun li lesta dan il-pjan poġġa diversi taħbiliet li jekk wieħed isolvihom f'ordni perfetta jsib iċ-ċavetta u l-ħelsien. Min ifalli se jmut. Dan kollu jrid isir f'siegħa, b'arloġġ itektek bla heda f'din il-kamra tal-waħx. Escape Room hu bbażat minn fuq fenominu li beda jseħħ mis-sena 2010 'l hawn. Dawk li jħossu li huma stużi u makakki biżżejjed jazzardaw jidħlu fi kmamar bħal din, jippruvaw isolvu xi enigma jew ħaġa moħġaġa u sinjali moħbija mill-aktar fis li jistgħu. Din l-attività tissodisfa l-kilba tal-bniedem għal-pjaċiri jew li jiskappa għal xi ħin mir-realtà tal-ħajja. Waqt li fis-sensiela Saw, il-parteċipanti kienu maqbudin u mpoġġija f'nases mortali minħabba xi dnubiet jew żbalji oħra li għamlu fil-passat, dawk ta' Escape Room marru hemm min jeddhom u malajr jiskopru li hemm xi misterju li jgħaqqadhom flimkien.

More in Divertiment